Għalkemm hemm min jippreferi jiddeskrivi l-epoka li qed ngħixu fiha bħala “żmien ta’ kriżi, nippreferi li nsejħilha bħala “epoka li għaddejja mill-uġiegħ tal-ħlas”. Għax għalkemm ma nistgħux ma nirrikonoxux id-diversi forom ta’ tbatija u kontradizzjonijiet li l-bniedem u s-soċjetà qed iġarrbu llum, wieħed jittama li dawn huma l-esperjenzi li jwaswlu għal tnissil ta’ ġenerazzjoni ġdida li jkollha kwalità ta’ ħajja aħjar.
Quddiem il-problema tal-infertilità, hemm koppji li huma ħerqana li jilqgħu l-ħajja; fost dawk li sfortunatament kellhom falliment ta’ ħajja miżżewġa, hemm min għadu jemmen fiż-żwieġ, tant li jixtieq li jesplora jekk jistax ikollu possibiltà li jerġa’ jiżżewweġ; għalkemm illum is-sotentament u l-manteniment tal-familja saru piż mhux żgħir, għandna ħafna li b’sagrifiċċju personali jaraw kif jistgħu jaqilgħu xi ħaga aktar biex idawru r-rota; affrontati b’diffikultajiet soċjali, qed nassistu għal staġun ġdid fid-dinja tat-tredjunaliżmu! Dawn l-eżempji u istanzi oħrajn mill-ħajja familjari u soċjali ta’ ġensna jixhdu li l-poplu tagħna għandu “voglia di vivere”, u bl-ebda mod ma jidher li b’xi mod ser inċedu għat-tentazzjoni li naqtgħu qalbna u ma nissiltux biex ngħixu ħajjitna fil-milja tagħha!
Quddiem din ir-realtà umana, dawk kollha li b’mod jew ieħor għandhom xi responsabiltà fis-soċjeta, għandhom iħossuhom kontinwament interpellati dwar x’qed jagħmlu biex “din l-epoka li għaddejja mill-uġiegħ tal-ħlas” ma twellidx tarbija mejta, imma twelled ġenerazzjoni li tkun kapaċi tgħix il-ħajja fil-milja tagħha.
F’dan il-kuntest, meta llum, festa ta’ San Frangisk de Sales, qed niċċelebra din l-Ewkaristija magħkom li intom impenjati fil-qasam wiesa’ tal-midja, nixtieq nistedinkom tirriflettu dwar il-ħidma tagħkom bħala “edukaturi” tas-soċjetà: għax b’dak li l-ġurnalist jgħid (jew ma jgħidx!), jikteb (jew ma jiktibx), jikkomunika (jew jagħżel li ma jikkomunikax) bil-gazzetti, televiżjoni, radju, internet, eċċ, hu jkun qed mhux biss jgħarraf lil ħaddieħor, imma wkoll isawwar il-moħħ u l-qalb ta’ dawk li jirċievu l-messaġġ tiegħu. Tkun ħasra meta fuq naħa naraw li n-Nazzjon tagħna qed jagħmel sforz biex itejjeb is-sistema edukattiva tiegħu, imbagħad is-sistema medjatika tagħna ma tagħrafx tinqeda b’pontenzjal formattiv bħalma huma l-mezzi tal-komunikazzjoni, biex ilkoll nikkontribwixxu biex possibilment il-bniedem ikun jista’ jissodisfa x-xewqa inerenti tiegħu li jgħix ħajtu b’mod sħiħ.
Kif jikteb il-filosofu J. Maritain: “La cosa più importante nell’educazione non è un ‘affare’ di educazione, e ancora meno di insegnamento”. Huwa jkompli jispjega li “l-esperjenza, li hija frott inkomunikabbli tat-tbatija u tal-memorja, u li permezz tagħha huwa ffurmat il-bniedem, ma tista’ tiġi mgħallma fl-ebda skola u fl-ebda kors”.
L-esperjenza integrali tal-ħajja hija għalliema għax tiggarantixxi l-iżvilupp tad-dimensjonijiet kollha tal-bniedem. Biex jagħmel din l-esperjenza integrali, il-bniedem jeħtieġ li jigi f’kuntatt mar-realtà sħiħa. Għalhekk l-edukatur ma jistax jippreżenta parti mir-realtà jew jimmanipulaha, għax altrimenti jkun qed ifixkel dan il-propċess edukattiv.
Il-ħidma tal-edukatur (fil-każ tagħna tal-ġurnalista) hija li jiddokumenta r-realtà f’mod konkret u personali biex min jaqraha, jaraha jew jismagħha, ikun jista’ jagħmel “esperjenza” ta’ dik ir-realtà skont il-kapaċità tiegħu.
Għaldaqstant, min jikkomunika r-realtà għandu jipprovoka lill-interlokutur tiegħu biex bil-libertà jagħżel li jidħol f’relazzjoni ma’ dawk il-persuni, fatti, ċirkustanzi proposti mill-midja.
Dan il-proċess edukattiv tal-midja jista’ jqanqal tensjoni: tensjoni fil-ġurnalist għax irid jagħmel ħiltu biex jippreżenta r-realtà fl-oġġettività tagħha. F’dan il-każ il-ġurnalist mhuwiex dejjem ħieles minn pressjonijiet ta’ natura kummerċjali, partitika, ideoloġika. Fuq in naħa l-oħra, anke min jirċievi l-aħbar jgħaddi minn tensjoni: għax b’mod ħieles huwa għandu jagħti tifsira lil dak il-fatt dokumentat, u hekk kull darba jkompli jaħżen il-verità u jsir aktar ħieles! Jekk il-fatti jaslu kontaminati, allura jiġi mfixkel – xi drabi serjament – il-proċess tal-bniedem biex jikber fil-verità u jkun ħieles tassew.
Għaliex l-edukazzjoni hija ftuħ għall-verità! Li l-bniedem huwa maħluq għall-verità mhix biss assjoma tat-tweminn Kristjan, imma tar-reliġjonijiet l-oħra. Għaliex il-kuntatt mar-realtà tal-ħajja għandu jwassal lill-bniedem biex ibexxaq it-tieqa fuq il-“misteru”. Għalina l-Insara, il-wiċċ ta’ dan il-Misteru huwa Alla l-Missier li wera lilu nnifsu lilna fi Kristu Ġesù.
Huwa għalhekk li l-argument dwar il-libertà reliġjuża mhux biss huwa aspett partikulari tal-edukazzjoni għal-libertà, imma huwa l-qofol ta’ dan il-proċess li jwassal għal ħelsien sħiħ.
Naf li fil-kultura tagħna hemm min ma jaqbilx ma’ din il-konvinzjoni. Hemm min itenni li ma jistax ikun hemm libertà umana vera jekk nammettu li hemm fundament veritattiv – li l-verità għandha fundament! Biex nikkwota lil filosofu kontemporanju Taljan, Gianni Vattimo, dan jgħid: “Jekk l-affarijiet għandhom in-natura tagħhom, allura hemm dejjem xi awtorità li taf aktar minni u li tista’ timponili kontra r-rieda tiegħi. Allura aħna ninsistu fuq l-oġġettività u d-“datità” (il-fatti fihom infushom) tal-veru sempliċement biex nagħtu garanzija li xi ħadd ikollu l-awtorità fuqna!”.
Però dan ma huwa paradoss xejn, għax il-premessi mhumiex korretti. L-ewwelnett il-“verità” mhix biss dik razzjonali, għax altrimenti l-bniedem jagħmel lilu nnifsu Alla: hemm verità li għalkemm mhix kontra r-raġuni umana, ma nistgħux naslu għaliha bir-ra’uni biss: “Si comprehendis, non est Deus” (Santu Wistin).
Barra minn dan, li l-bniedem huwa ħieles ma jfissirx li fil-kuxjenza tiegħu huwa jista’ jkun kreattiv u joħloq huwa stess dak li huwa “tajjeb” u “ħażin”. L-eżerċizzju tal-libertà l-bniedem jagħmlu quddiem il-proposta tal-verità: huwa jista’ jilqagħha jew jirrifjutaha. Infatti, il-Konċilju Vatikan II, li kien imniedi 50 sena ilu bħal nhar il-Ħadd li għadda, jgħallem li “fil-ħwejjeġ reliġjużi ħadd m’għandu jkun imġiegħel li jmur kontra l-kuxjenza tiegħu jew li jkun imfixkel milli fil-limiti tal-ġust jimxi skond il-kuxjenza tiegħu fil-ħajja privata jew pubblika.” (Dignitatis Humanae, 2)
Xi drabi Alla jiġi deliberament eskluż mill-midja jekk mhux ukoll kumbattut, bl-argument li l-midja hija lajka. Jekk b’lajċità nifhmu “esklużjoni tar-reliġjon”, dan illum huwa kunċett antik u superat. Filosfi bħal Habermas u Bockenforde illum jirrikonoxxu li lajċità sana toħloq spazju fis-soċjetà kemm għal-lajċi kif ukoll għal min għandu twemmin reliġjuż.
Is-soċjetà għandha bżonn ta’ ġurnalisti li ma jkunux biss operaturi medjatiċi, imma fuq kollox “ħassieba” provokaturi tal-ħsieb: bir-rapportaġġ tar-realtà, u meta jaraw il-ħtiega akkumpanjat bil-kumment tagħhom distint mill-fatt irrekordjat, huma jedukaw lill-membri tas-soċjeta biex huma wkoll jaħsbu fuq dak li jirċeivu, u hekk jiksbu l-verita li tagħmilhom ħielsa.