- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Diskors ta’ merħba mill-Arċipriet Tarcisio Camilleri, Segretarju tal-Kulleġġ tal-Kappillani

Posted By admin On January 28, 2009 @ 1:07 pm In 2009 | Comments Disabled

Eċċellenza,
F’isem il-Kappillani ta’ Għawdex , u f’isem il-Kulleġġ tal-Konsulturi nagħtik merħba fostna.
Żgur li nkun qed nesprimi s-sodisfazzjon tagħna lkoll talli  għoġbok toffri dan il-ħin magħna, minkejja l-ħafna impenji tiegħek.
Nixtiequ nuru l-apprezzament tagħna għall-karriera twila tiegħek fil-ħajja politika u bħala President tar-Repubblika ta’ Malta. Aħna nqisu dan iż-żmien tiegħek mhux biss bħala karriera imma wkoll bħala missjoni, meta nafu li l-konvinzjonijiet  u l-principji li mexxew u dawlu  lil ħajtek kienu dejjem ispirati minn dawk tal-Vanġelu.  B’hekk int  offrejt l-enerġija tiegħek għall-ġid ta’ art twelidna u bħala servizz lil ħutna l-Maltin kollha, bi spirtu tassew Nisrani. Nistqarru li dan huwa  ta’ ġieħ kbir  għall-Knisja f’Malta.
Bħala ministri li l-Knisja f’Għawdex afdatilna t-tmexxija u l-kura tal-poplu ta’ Alla, aħna l-Kappillani mhux rari li fil-ħidma pastorali tagħna niltaqgħu wkoll  ma’ persuni bi ħtiġijiet umanitarji li fil-limiti tagħna nippruvaw nagħtu sehemna ħalli ngħinu u ntaffu xi ftit mit-tbatija ta’ dawn il-persuni. Għalhekk nixtiequ wkoll  f’din l-okkażjoni jkollna l-opportunità nieħdu mingħandek ftit mill-ħażna kbira tal-esperjenza tiegħek fit-tmexxija socjali tal-poplu tagħna, biex aħna wkoll inkomplu nsaħħu u ntejbu l-qadi tagħna lill-poplu afdat f’idejna, u naraw kif nistgħu nkunu dejjem ta’ għajnuna għalih fid-diversi oqsma tal-ħajja.
Nixtiequ nirringrazzjawk mhux biss ta’ din il-preżenza tiegħek fostna u li biha qed tonorana, imma wkoll nghidulek grazzi u grazzi mill-qalb għal dak kollu li tajt lil  pajjiżna.
Minn qalbna nixtiequlek ħafna snin ta’ mistrieħ mistħoqq għall-ħidma fejjieda tieghek u nwegħduk it-talb taghna.


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2009/01/28/diskors-ta%e2%80%99-merhba-mill-arcipriet-tarcisio-camilleri-segretarju-tal-kullegg-tal-kappillani/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.