Eċċellenza,
F’isem il-Kappillani ta’ Għawdex , u f’isem il-Kulleġġ tal-Konsulturi nagħtik merħba fostna.
Żgur li nkun qed nesprimi s-sodisfazzjon tagħna lkoll talli għoġbok toffri dan il-ħin magħna, minkejja l-ħafna impenji tiegħek.
Nixtiequ nuru l-apprezzament tagħna għall-karriera twila tiegħek fil-ħajja politika u bħala President tar-Repubblika ta’ Malta. Aħna nqisu dan iż-żmien tiegħek mhux biss bħala karriera imma wkoll bħala missjoni, meta nafu li l-konvinzjonijiet u l-principji li mexxew u dawlu lil ħajtek kienu dejjem ispirati minn dawk tal-Vanġelu. B’hekk int offrejt l-enerġija tiegħek għall-ġid ta’ art twelidna u bħala servizz lil ħutna l-Maltin kollha, bi spirtu tassew Nisrani. Nistqarru li dan huwa ta’ ġieħ kbir għall-Knisja f’Malta.
Bħala ministri li l-Knisja f’Għawdex afdatilna t-tmexxija u l-kura tal-poplu ta’ Alla, aħna l-Kappillani mhux rari li fil-ħidma pastorali tagħna niltaqgħu wkoll ma’ persuni bi ħtiġijiet umanitarji li fil-limiti tagħna nippruvaw nagħtu sehemna ħalli ngħinu u ntaffu xi ftit mit-tbatija ta’ dawn il-persuni. Għalhekk nixtiequ wkoll f’din l-okkażjoni jkollna l-opportunità nieħdu mingħandek ftit mill-ħażna kbira tal-esperjenza tiegħek fit-tmexxija socjali tal-poplu tagħna, biex aħna wkoll inkomplu nsaħħu u ntejbu l-qadi tagħna lill-poplu afdat f’idejna, u naraw kif nistgħu nkunu dejjem ta’ għajnuna għalih fid-diversi oqsma tal-ħajja.
Nixtiequ nirringrazzjawk mhux biss ta’ din il-preżenza tiegħek fostna u li biha qed tonorana, imma wkoll nghidulek grazzi u grazzi mill-qalb għal dak kollu li tajt lil pajjiżna.
Minn qalbna nixtiequlek ħafna snin ta’ mistrieħ mistħoqq għall-ħidma fejjieda tieghek u nwegħduk it-talb taghna.
Archive for January 28th, 2009
Għalkemm hemm min jippreferi jiddeskrivi l-epoka li qed ngħixu fiha bħala “żmien ta’ kriżi, nippreferi li nsejħilha bħala “epoka li għaddejja mill-uġiegħ tal-ħlas”. Għax għalkemm ma nistgħux ma nirrikonoxux id-diversi forom ta’ tbatija u kontradizzjonijiet li l-bniedem u s-soċjetà qed iġarrbu llum, wieħed jittama li dawn huma l-esperjenzi li jwaswlu għal tnissil ta’ ġenerazzjoni ġdida li jkollha kwalità ta’ ħajja aħjar.
Quddiem il-problema tal-infertilità, hemm koppji li huma ħerqana li jilqgħu l-ħajja; fost dawk li sfortunatament kellhom falliment ta’ ħajja miżżewġa, hemm min għadu jemmen fiż-żwieġ, tant li jixtieq li jesplora jekk jistax ikollu possibiltà li jerġa’ jiżżewweġ; għalkemm illum is-sotentament u l-manteniment tal-familja saru piż mhux żgħir, għandna ħafna li b’sagrifiċċju personali jaraw kif jistgħu jaqilgħu xi ħaga aktar biex idawru r-rota; affrontati b’diffikultajiet soċjali, qed nassistu għal staġun ġdid fid-dinja tat-tredjunaliżmu! Dawn l-eżempji u istanzi oħrajn mill-ħajja familjari u soċjali ta’ ġensna jixhdu li l-poplu tagħna għandu “voglia di vivere”, u bl-ebda mod ma jidher li b’xi mod ser inċedu għat-tentazzjoni li naqtgħu qalbna u ma nissiltux biex ngħixu ħajjitna fil-milja tagħha!


