Il-Messaġġ tal-Papa għall-Jum Dinji tal-Paċi, li jiġi ċċelebrat fl-Ewwel Jum tas-Sena, għandu t-tema “Niġġieldu l-Faqar Nibnu l-Paċi”. Benedittu XVI jiżviluppa fuq il-Messaġġ ta’ Ġwanni Pawlu II għall-Jum Dinji tal-Paċi 1993, li kien jispjega l-konnessjonijiet u l-kundizzjonijiet reċiproċi li jeżistu bejn il-faqar u l-paċi. Benedittu XVI kif il-paċi u l-ġlieda kontra l-faqar jintisġu flimkien.
Meta kellem lill-ġurnalisti dwar il-Messaġġ tal-Papa, il-Kardinal Renato Martino, President tal-Kunsill Pontifiċju għall-Ġustizzja u l-Paċi qal: “Il-Messaġġ tal-Papa jistabbilixxi żewġ taqsimiet fit-tema tal-ġlieda kontra l-faqar. Hu jorbot mad-diversi aspetti li jmexxu ’l quddiem il-paċi. L-ewwel jittratta l-implikazzjonijiet morali marbutin mal-faqar; it-tieni, il-ġlied kontra l-faqar hija marbuta mal-ħtieġa għal solidarjeta’ globali akbar.”
Fil-Messaġġ tiegħu, il-Papa jgħid li l-ġlieda kontra l-faqar titlob li wieħed jikkunsidra b’attenzjoni l-fenomenu tal-globalizzazzjoni peress li “aħna msejħin biex nifformaw familja waħda li fiha kulħadd – individwi, popli u ġnus – ifasslu l-imġiba tagħhom skont il-prinċipji tal-fraternita u r-responsabbilta.
Il-Messaġġ janalizza oqsma tal-faqar bħalma huma l-emarġinazzjoni u l-faqar affettiv, morali u spiritwali. Isemmi wkoll ħames oqsma ta’ tħassib: il-bidla demografika; il-mard pandemiku; il-faqar fost it-tfal; ir-relazzjoni bejn id-diżarm u l-iżvilupp; il-kriżi prezenti tal-ikel.
“Fis-soċjetajiet għonja avvanzati,” jgħid il-Papa, “il-fenomenu tal-faqar affettiv, morali u spiritwali huwa avvanzat ħafna: bosta persuni jħossuhom emarġinati u jgħixu ma’ diversi forom ta’ esperjenzi mhux tajbin minkejja l-prosperita ekonomika. Dan hu dak li hu magħruf bħala sottożvilupp morali”.
Benedittu XVI jispjega li s-solidarjeta globali u l-ġlieda kontra l-faqar huma mod ieħor ta’ kif tinbena l-paċi. F’din it-taqsima l-Papa jitfa’ d-dawl tat-tagħlim soċjali tal-Knisja – li minn dejjem kien jagħti każ tal-fqar – fuq il-qasam tal-kummerċ internazzjonali u l-finanzi. Il-Papa jisħaq fuq il-bżonn li dawk attivi fis-swieq internazzjonali jaġixxu b’mod etiku fil-qasam ekonomiku, li l-uffiċjali pubbliċi jimxu b’mod etiku fil-ħidma politika, u li jkun hemm approwċ etiku fir-rigward tal-parteċipazzjoni b’mod li l-kontributi tas-soċjeta ċivili fil-livell lokali u dak internazzjonali jitħaddmu tajjeb u kif imiss.
Il-Papa jikkonkludi l-Messaġġ tiegħu bi stedina lil kull dixxiplu ta’ Kristu u lil kull persuna ta’ rieda tajba biex fi qlubhom ikabbru l-ħerqa li jaħdmu ħalli jintlaħqu l-bżonnijiet tal-fqar u biex jittieħdu l-passi prattiċi kollha possibbli biex il-fqar jiġu mgħejjunin.