- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

IŻ-ŻMIEN HUWA L-ARKITTETTURA TAL-ĦAJJA
Diskors tal-Isqof Mario Grech
Festa Djoċesana ta’ Kristu Re
Knisja Parrokkjali, Xewkija – Il-Ħadd, 23 ta’ Novembru 2008

Posted By admin On November 26, 2008 @ 8:54 am In 2008 | Comments Disabled

The [1] Flash Player and [2] a browser with Javascript support are needed..

[3] Ritratti Kritu Re - 23 ta’ Novembru 2008

IŻ-ŻMIEN HUWA L-ARKITTETTURA TAL-ĦAJJA

Iż-żmien huwa l-arkittettura tal-ħajja! Il-mod kif nirregolaw il-ħin huwa aspett essenzjali tal-ħajja tagħna individwali, familjari u soċjali. Il-ħajja umana ssarraf daqskemm isarraf iż-żmien; jekk il-mod kif inqassmu ż-żmien jagħmel sens, daqshekk ieħor tagħmel sens ħajjitna. Ara kemm jiswa il-ħin għalik u għas-soċjetà, u għandek kejl biex tagħraf kemm tiswa l-ħajja tal-individwu u tas-soċjetà.

Għal sekli sħaħ il-bilanċ bejn il-ħin iddedikat għax-xogħol u l-ħin tal-mistrieħ kien fattur determinanti fl-organizzazzjoni soċjali, ekonomika u etika tas-soċjetà. Imma f’dawn l-aħħar snin rajna bidla fl-istruttura soċjali taż-żmien. It-teknoloġija ħarbtet ir-ritmu naturali taż-żmien; għax it-teknologija ma għandhiex ritmu, tista’ tibqa’ taħdem mingħajr waqfien għax il-makni jistgħu jibqgħu għaddejjin. Imma billi huwa l-bniedem li jħaddem il-magna, anke l-bniedem kellu jibda jirrelata mal-ħin u ż-żmien b’mod differenti.

Il-produttività saret ir-ruħ tal-ekonomija. Biex l-ekonomija tikber, ridna nkattru l-produttività, anke jekk dan sewa prezz għoli għax ħarbatna ċ-ċiklu tal-alternanza tal-ħin tal-mistrieħ u l-ħin tax-xogħol. Kellna nibdew nużaw il-ħin tal-mistrieħ biex nipproduċu aktar. Illum hawn min huwa konvint li huwa dnub mejjet kontra l-ekonomija jekk il-produzzjoni tieqaf fil-jum tas-Sibt u tal-Ħadd. Fostna hemm min ifittex jieħu vantaġġ biex ikompli bl-attiviàa produttiva tiegħu anke l-Ħadd; hemm ukoll min minħabba s-sistema, ma jistax ma jaħdimx il-Ħadd. Mhux qed nirreferi għal dawk li jaħdmu f’ċerti oqsma, bħalma huma il-qasam tas-saħħa, tal-ordni pubbliku u l-catering. Lil dawn ħutna nsellmilhom, għax qed jagħtu servizz meħtieg. Qed nirrferi għal min tant irid ikollu, li jagħżel li jaħdem, iħaddem u jxennaq biex wieħed jahdem ukoll il-Ħadd.

L-istess kultura konsumista timbuttana biex nużaw il-ħin liberu għax-xogħol, ħalli hekk ikollna aktar flus fil-bwiet u nkunu nistgħu nkattru l-konsum. Il-konsum huwa ħidma produttiva oħra, għax aktar ma s-soċjetà tonfoq aktar tiġġenera l-ekonomija. Il-konsumiżmu mhuwiex biss infieq bla rażan, imma huwa ideoloġija – sistema ta’ ħsieb u mġieba promossa biex ikollna soċjetà ta’ konsumi. Fil-loġika tal-konsum, il-bniedem jagħti importanza lill-oġġetti, u dak li ma jibqax jagħtih gratifikazzjoni jarmih biex jakkwista oġġett ieħor. Il-mentalità tal-akkwist hija ta’ detriment fil-bini tal-personalità tal-indivdwu. Din il-mentalità tiddisponi lill-bniedem biex jibni relazzjonijiet superfiċjali, mhux biss mal-oġġetti imma anke mal-persuni, u hekk huwa ssagrifikat dak ir-rapport profondament personali – partikularment bejn l-istess individwi – li għandu jikkaratterizza l-ħajja umana.

Imbagħad anke fost dawk li, għall-grazzja tal-argument, għadhom jistennew il-jum tal-Ħadd, hemm attitudni li dan il-jum iqattgħuh bħala pawsa miż-żmien produttiv biex jirkupraw l-enerġija ħalli jkunu jistgħu jaħdmu aktar. L-istess jum tal-Ħadd qed ngħixuh fi klima ta’ xogħol u produzzjoni. Allura il-jum tal-Ħadd qed nużawh bħala ngranaġġ ieħor biex indawru r-rota tal-ekonomija.

F’soċjetà mibnija fuq ix-xogħol u l-qliegħ, il-Ħadd flok ma huwa apprezzat bhala jum ta’ festa, fejn il-bniedem jista’ jifraħ flimkien ma’ oħrajn u jħossu ħieles, beda jitqies bħala żmien moħli u vojt. Il-mistrieħ bdejna nsejħulu evażjoni mill-psewdo-dmir li naħsbu li għandna biex nikkontribwixxu għall-ekonomija tal-pajjiż u tal-Ewropa!

Din ir-rikostruzzjoni żbaljata taż-żmien qed tħalli l-vittmi! Xi drabi mhux biss qed titnaqqar il-kwalità tal-ħajja, imma l-istess ħajja qed tiġi ssagrifikata. Addottajna sistema jew qed jimponulna sistema li, għalkemm qed tipproduċi l-oġġetti, qegħda wkoll tkisser il-bniedem! Jekk effett tas-sistema l-qliegħ żdied, imma ċ-ċiviltà qed tħallas prezz għoli. Għandna persuni psikoloġikament għajjenin u dgħajfin, tant li għalihom il-ħajja ġiet ħafna ridimensjonata. Imbagħad għandna miżżewġin u familji li ma jifilħux iġorru dan il-piż kollu u qed jitfarrku. Huwa fatt li l-indikazzjonijiet li qed nagħtu biex naqraw kollox mil-lenti tal-ekonomija, qed jibagħtu messaġġi li jikkontrastaw mal-ħajja taż-żwieġ u l-familja. Huwa l-każ meta l-miżżewġin, speċjalment dawk li qed irabbu, jingħataw inċentivi biex jinvestu l-energija u l-ħin tagħhom fil-magna tal-produzzjoni nazzjonali.

Il-familja, speċjalment fejn hemm l-adolexxenti u ż-żgħażagħ, issib diffikultà biex tgħaddi waqtiet sereni ma’ xulxin. Minħabba ċ-ċirkustanzi li qed insemmu, min jista’, juża l-Ħadd bħala “żmien tiegħu” aktar milli spazju personali u soċjali.

Ħmistax ilu l-COMECE [il-Kummissjoni tal-Konferenzi tal-Isqfijiet tal-Unjoni Ewropeja] ġibdet l-attenzjoni għal dak li qalu xi membri parlamentari Ewropej dwar l-isfreġju li qed nagħmlu mill-jum tal-Ħadd: “Kumpaniji li jdaħħlu l-ħaddiema għax-xogħol fil-jum tal-Ħadd jirraportaw aktar każijiet ta’ mard u assentejiżmu minn kumpaniji li ma jħaddmux il-Ħadd. Is-saħħa tal-ħaddiema tiddependi, fost ħwejjeġ oħra, fuq l-opportunitajiet li jingħatawlhom li jirrikonċiljaw ix-xogħol mal-ħajja tal-familja, li jwaqqfu u jsostnu kuntatti soċjali u billi jkunu jistgħu jissodisfaw il-bżonnijiet spiritwali tagħhom. Il-jum tal-Ħadd, li tradizzjonalment huwa meqjus bħala l-jum ta’ mistrieħ matul il-ġimgħa, jgħin biex jintlaħqu dawn l-għanijiet aktar milli kieku l-jum tal-mistrieħ jingħata f’xi ġurnata oħra tal-ġimgħa.” Billi fis-16 ta’ Diċembru li ġej il-Parlament Ewropew għandu jieħu vot dwar il-jum tal-Ħadd, il-Knisja permezz tal-COMECE tħeġġeġ lill-membri parlamentari Ewropej biex jagħtu sehemhom ħalli din l-istituzzjoni tagħmel għażla li thares il-jum tal-Ħadd, ikkunsidrat minn ħafna bħala “ġebla tax-xewka” fil-Mudell Soċjali Ewropew.

F’dan ix-xenarju, fejn il-kriżi tal-jum tal-Ħadd saret il-kriżi tal-bniedem, il-poplu t’Alla għandu kontribut x’joffri lis-soċjetà: il-Ħadd għalina huwa jum ta’ festa għax huwa Jum il-Mulej. Sa mill-bidu, l-insara “fl-ewwel jum tal-ġimgħa kienu jinġabru biex jaqsmu l-ħobż flimkien” (Atti 20,7). Kienu jiltaqgħu l-Ħadd għax kien fil-jum ta’ wara s-Sibt li Ġesù Kristu qam mill-mewt; kien f’dak l-istess jum li, wara li rxoxta, ġie jiltaqa’ mal-appostli li kienu mbeżża’ u dgħajfin fil-fidi (ara Lq 24; Ġw 20]; kien fil-jum tal-Ħadd li bagħat fuqhom l-Ispirtu s-Santu u hekk tahom garanzija li jibqa’ magħhom sal-aħħar taż-żmien. Ma kienitx il-Knisja li għażlet “jum il-Mulej” (Apok 1,10), imma kien Hu, il-Mulej stess li wera biċ-ċar li ried li l-ewwel jum tal-ġimgħa jkun tiegħu u għalih! Kif jgħid is-Salmista: “Dan hu l-jum li għamel il-Mulej, ejjew nifirħu fih” (Salm 118,24). Dan huwa l-jum li fih Ġesù ltaqa’ mad-dixxipli ta’ Għemmaws.

L-esperjenza ta’ Kristu rebbieħ fuq il-mewt issir waqt il-Quddiesa. Proprju għalhekk għalina l-Kattoliċi m’hemmx Ħadd mingħajr quddiesa. Is-sehem tagħna fl-Ewkaristija mhux biss osservanza ta’ preċett, imma huwa marbut mal-identità li rridu nħarsu u nixhdu għaliha. Għalina l-jum tal-Ħadd jieħu tifsira biss mill-parteċipazzjoni tagħna fil-quddiesa. L-isfida li toffri l-Ewkaristija, li hija għotja frott l-imħabba u forġa tal-komunjoni, hija l-isfida li għandu quddiemu n-Nisrani u l-Knisja.

Il-fatt li ħafna Nsara ma jieħdux sehem attiv fil-liturġija tal-Quddiesa, kif ukoll il-fatt li numru mhux traskurabbli ta’ Nsara għażlu li jgħaddu mingħajr il-quddiesa tal-Ħadd ma jawgurax tajjeb la għall-ħajja ekkleżjali u anqas għall-ħajja ċivili. Pastoralment dan għandu jġegħilna nistħarrġu x’għandna nagħmlu biex f’Jum il-Mulej il-komunità tinġabar ma’ mejda waħda biex taqsam il-Kelma u l-Ħobż, u hekk insiru nafu aktar lil Alla u lilna nfusna.

M’hemmx futur għalina jekk ma nirkuprawx Jum il-Mulej! Fis-sena 304 wK f’Abitene, post fit-Tunisija, grupp ta’ disgħa u erbgħin Insara għażlu li jieħdu l-mewt flok ma jħallu l-quddiesa tal-Ħadd. Il-Prokonslu staqsa lill-presbiteru Saturnino għaliex ma kienux obdew l-amar tal-Imperatur, li ipprojbilhom jiċċelebraw Jum il-Mulej. Dan wieġbu: “Għaliex ma nistgħux nittraskuraw il-quddiesa tal-Ħadd”. Il-Prokonslu dar fuq Emeritu, raġel tal-familja, u staqsih għaliex kien laqa’ fid-dar tiegħu lill-Insara biex jiċċelebraw il-quddiesa tal-Ħadd. It-twegiba ta’ Emeritu kienet radikali: “Ma stajtx ma nilqagħhomx, għax aħna l-Insara ma nistgħux ngħaddu mingħajr l-Ewkaristija tal-Ħadd”. U min kiteb l-Atti ta’ dan il-martirju jżid nota: huwa jum il-Ħadd li jagħmel bniedem Nisrani, u huwa n-Nisrani li jagħmel il-jum tal-Ħadd għax il-wieħed ma jeżistix mingħajr l-ieħor. Meta hemm Nisrani, ifisser li hemm komunità li tiċċelebra l-Mulej; u meta tisma li hemm assembleja miġbura, ifisser li hemm ukoll l-Insara”.

Illum ma għandniex l-imperatur li jipprojbixxi li niltaqgħu għall-Ewkaristija tal-Ħadd; imma għandna sistema materjalista u konsumista li, jekk inħalluha, tkompli tiddettalna biex il-Ħadd ma nitilfux ħin fil-quddiesa!

Huwa fatt li m’hemmx jum il-bniedem (dies hominis) jekk m’hemmx Jum il-Mulej (dies Domini).


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2008/11/26/iz-zmien-huwa-l-arkittettura-tal-hajja-diskors-tal-isqof-mario-grech-festa-djocesana-ta%e2%80%99-kristu-re-knisja-parrokkjali-xewkija-%e2%80%93-il-hadd-23-ta%e2%80%99-novembru-2008/

URLs in this post:
[1] Flash Player: http://www.macromedia.com/go/getflashplayer
[2] a browser with Javascript support: http://www.mozilla.com/firefox/
[3] Ritratti Kritu Re - 23 ta’ Novembru 2008 : http://gozodiocese.org/2008/11/01/festa-kristu-re-2008-23-ta-novembru-2008/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.