Tagħrif dwar il-każijiet ta’ nullità taż-żwieġ

mario_grech_arm.jpgDJOĊESI TA’ GĦAWDEX

TRIBUNAL EKKLEŻJASTIKU

___________________________________________________

Tagħrif dwar il-każijiet ta’ nullità taż-żwieġ

1.    Meta jkun hemm inkwiet serju fiż-żwieġ, l-ewwel ħaġa li għandek tagħmel hija li titlob lil Alla jgħinek u anke tibda tfittex għajnuna mingħand persuni kompetenti (saċerdoti, counsellors, eċċ.) biex issolvi l-problema u ma tħallix il-ħajja miżżewġa titfarrak.

2.    Imbagħad, jekk jirriżulta li wara ħafna tentattivi ma tkunux tistgħu b’ebda mod tiftehmu, allura tista’ tqis il-possibiltà li tirrikorri għat-Tribunal tal-Knisja sabiex isir proċess li jeżamina jekk iż-żwieġ tagħkom kienx jgħodd jew le. Dan huwa l-proċess għad-dikjarazzjoni tan-nullità taż-żwieġ.


3.    F’dan il-każ, wieħed irid jistħarreġ jekk:

3.1.    tassew hu l-każ li m’hemm ebda soluzzjoni oħra ħlief li jibda l-proċess;
3.2.    hemmx raġuni jew raġunijiet għala ż-żwieġ seta’ kien invalidu mill-bidu, jiġifieri ma kienx jgħodd sa mill-bidu;
3.3.    jistgħux jiġu ppreżentati biżżejjed provi (fosthom xhieda) li juru li ż-żwieġ tagħkom ma seħħ qatt.

4.    F’dan il-każ, issir talba bil-miktub (tissejjaħ “libell”) mir-raġel jew mill-mara. It-Tribunal joffrilek il-possibiltà biex tiltaqa’ ma saċerdot biex tirrakkuntalu l-istorja tiegħek, ħalli jgħinek fil-preżentazzjoni ta’ din it-talba.

5.    Fil-libell għandhom jissemmew fil-qosor il-fatti (bħal stejjer, eċċ.) li jsaħħu t-talba tiegħek. Importanti li fih tagħti l-isem tal-parti l-oħra, l-indirizz u n-numri tat-telefon u tal-mobile tal-parti l-oħra. Poġġi wkoll l-I.D. No. tat-tnejn li intom.

6.    Intom għandkom id-dritt li tkunu assistiti minn avukat/a tal-fiduċja tagħkom, imma mhux rikjest li bilfors irid ikollkom avukat/a. Importanti li jekk ikollkom avukat/a, min tagħżlu jkun għamel il-kors tal-Ġurisprudenza organizzat mill-Konferenza Episkopali Maltija. Lista ta’ dawn l-avukati tista’ tinkiseb mill-Kanċllerija tat-Tribunal.

7.    Bħala partijiet fil-kawża, intom għandkom id-dritt li individwalment tippreżentaw lista tax-xhieda li tixtiequ li jiġu interrogati. F’din il-lista, niżżlu l-indirizz u n-numri tat-telefon u tal-mobile tal-persuni li tipproponu u tajjeb li tgħidu wkoll fil-qosor x’elementi dawn il-persuni jistgħu jdawlu lit-Tribunal dwarhom. L-aktar importanti mhux li tippreżenta numru kbir ta’ xhieda, imma li dawk li tippreżenta jkunu fi grad li jagħtu evidenza soda u li tiswa għall-każ.

8.    Importanti ħafna li jkun hemm il-koperazzjoni tagħkom it-tnejn, kif ukoll ta’ xhieda li tagħżlu t-tnejn li intom. Aktar ma intom il-partijiet u x-xhieda tikkoperaw mall-ewwel għas-sejħat li jsirulkom, aktar jitħaffef il-proċess. Jekk le, il-proċess jieħu aktar żmien.

9.    Dawn huma l-istages tal-proċess:

9.1.    l-ewwel tiġi ppreżentata t-talba u din tiġi milqugħa; imbagħad il-każ jitpoġġa fuq il-waiting list ta’ każijiet biex meta jasal il-waqt tiegħu jinfetaħ;
9.2.    meta jasal it-turn tal-każ tiegħek, intom il-partijiet tiġu msejħa għas-sessjoni tal-konkordanza tad-dubju/i li fiha jiġi stabbilit fuq liema kap jew kapi se jiġi mistħarreġ mit-Tribunal jekk iż-żwieġ tagħkom kienx validu jew le, jiġifieri kienx jgħodd jew le; din aktarx tkun l-unika darba li fiha intom il-partijiet tidhru ma’ xulxin quddiem it-Tribunal;
9.3.    tibda l-istruzzjoni tal-kawża, jiġifieri tibdew tinstemgħu intom il-partijiet u x-xhieda li tipproponu; f’dan il-perijodu tistgħu tippreżentaw il-provi;
9.4.    fil-każi ta’ inkapaċità konsenswali, b’mod ġenerali jkun hemm il-bżonn li l-każ jgħaddi għand psikologu/a jew psikjatra għal rapport fuq parti waħda jew fuq iż-żewġ partijiet;
9.5.    wara li jinġabru l-provi ssir il-pubblikazzjoni tal-atti, jiġifieri intom il-partijiet u min jippatroċinakom, tkunu tistgħu taraw l-atti u tinformaw lit-Tribunal jekk tridux iżżidu provi oħra;
9.6.    wara ssir il-konklużjoni tal-kawża u l-każ jgħaddi għand id-Difensur taż-Żwieġ sabiex isir rapport li fih ikun hemm l-argumenti raġjonevoli (jekk ikun hemm) favur li ż-żwieġ kien validu; wara li jiġi ppreżentat dan ir-rapport, intom il-partijiet tkunu tistgħu tarawh u tippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħkom;
9.7.    tittieħed id-deċiżjoni minn tliet imħallfin u tiġu mgħarrfin bid-deċiżjoni;
9.8.    tinħareġ is-Sentenza u tingħataw kopja tagħha.
9.9.    Nagħtu każ li skond id-deċiżjoni tat-Tribunal ta’ Għawdex iż-żwieġ kien invalidu. B’daqshekk ma jfissirx li tista’ dritt tiżżewweġ lil xi ħadd ieħor, għax skond il-liġi tal-Knisja, hu obbligatorju li f’dan il-każ, il-każ jgħaddi fit-tribunal tal-appell.
9.10.    Mela jekk it-Tribunal fl-aħħar jiddikjara li ż-żwieġ huwa invalidu (jiġifieri ma seħħ qatt), imbagħad il-każ irid jgħaddi għat-Tribunal ta’ l-Appell (ġeneralment Malta), u jekk dan jagħti deċizjoni taqbel ma dik tat-Tribunal ta’ Għawdex, id-deċiżjoni tat-Tribunal tagħna ta’ Għawdex tiġi mwettqa.
9.11.    Jekk id-deċiżjoni tat-Tribunal tal-Appell tkun negattiva, jista’ jsir l-appell fit-Tribunal Apostoliku tar-Rota Rumana.

10.    It-Tribunal jieħu b’serjetà kbira t-trattazzjoni ta’ dawn il-kawżi tant delikati li jirrigwardaw il-ħajja personali tagħkom. Huwa servizz pastorali li tagħtikom il-Knisja, mhux biss skond il-kriterji tal-ġustizzja u tal-liġi, imma wkoll b’imħabba, għall-ġid spiritwali tagħkom. Ma ninsewx li hawn hija inkwistjoni materja serja u gravi ħafna, jiġifieri l-validità ta’ sagrament, imwaqqaf minn Kristu nnifsu, u li hu għall-ħajja kollha dment li jkunu ħajjin iż-żewġ partijiet. Fil-każijiet għad-dikjarazzjoni tan-nullità, il-Knisja ma tħollx żwiġijiet validi imma tiddikjara kienx hemm jew le żwieġ validu. Importanti li kull min jieħu sehem fil-proċess (intom il-partijiet, xhieda, ministri tat-tribunal, persuni professjonali) ilkoll ngħinu lil xulxin fit-tfittxija tal-verità oġġettiva dwar il-każ inkwistjoni. Irridu naslu, sa fejn ikun possibbli, għall-verità oġġettiva dwar jekk kienx hemm żwieġ validu jew le.

11.    Il-Knisja dan tagħmlu b’serjetà kbira, waqt li tirrikonoxxi lilkom il-partijiet id-dritt li tiddefendu ruħkom. Eżempju ta’ din is-serjetà jidher ukoll fil-fatt li d-deċiżjoni tal-każ ikunu involuti fiha sitt imħallfin: tlieta fil-proċess tal-ewwel grad f’Għawdex, u tlieta fil-proċess tat-tieni grad li ġeneralment isir f’Malta.

12.    Tajjeb tkunu tafu li biex isir dan kollu, hemm xogħol ta’ diversi nies u allura diversi spejjeż. Il-partijiet normalment jintalbu jikkontribwixxu parti mill-ispejjeż. Bħalissa t-tariffi huma: € 25 għal kull sessjoni; € 140 għall-office expenses; € 150 għad-difiża taż-żwieġ; € 300 għas-Sentenza u ż-żewġ imħallfin l-oħra. Ma’ dawk il-persuni li ġenwinament ma jistgħux jikkontribwixxu għall-ispejjeż tal-kawża, il-Knijsa dejjem rat kif tgħinhom, anke jekk ikollha terfa’ hi stess il-piż finanzjarju. Fit-tariffi msemmija mhux inkluż il-ħlas lill-psikologu/a fil-każi fejn ikun meħtieġ li dawn jidħlu fil-każ.

13.    Il-każ jirrigwarda lilkom iż-żewġ partijiet u allura m’għandhomx jiġu terzi persuni (eż. ġenituri jew qraba jew saċerdoti) jistaqsu lit-Tribunal ħwejjeġ dwar il-każ: la dwar il-mertu tiegħu u anqas dwar fejn wasal il-proċess.

14.    Wieħed għandu jagħmel l-almu tiegħu sabiex ikun hemm rikonċiljazzjoni fejn din hi possibbli, anke wara li jkun inbeda l-proċess.

15.    L-aħjar mod kif tikkomunika mat-Tribunal huwa bil-miktub: jew bil-posta regolari jew b’email lil edwxue@hotmail.com. Evita kemm tista’ telefonati (tel. 21556661, 21556427, 21551211) u li tmur it-Tribunal mingħajr appuntament jew avviż minn qabel.

16.    It-Tribunal jiftaħ it-Tnejn, it-Tlieta, l-Erbgħa u l-Ġimgħa mid-8.45 a.m. sal-11.30 a.m.. (Jiftaħ ukoll f’ħinijiet oħra wara nofsinhar u għall-bżonn anke s-Sibt, skond il-ħtieġa tal-imħallfin, tal-udituri u tan-nies. Ħafna xogħol ta’ studju u eżaminazzjoni tal-każijiet isir mill-ministri tat-Tribunal id-dar.

17 ta’ Novembru 2008