- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

INRAWMU ĊIVILTÀ FAVUR IL-ĦAJJA

Posted By admin On November 11, 2008 @ 7:33 am In 2008 | Comments Disabled

F’Seminar li sar nhar is-Sibt 8 ta’ Novembru 2008 mill-grupp “Gift of Life” f’lukanda ewlenija f’Malta, Mons Isqof Mario Grech iċċelebra quddiesa għall-parteċipanti. Fl-omelija l-Isqof wassal dan il-messaġġ:

Il-kobor taċ-ċiviltà ta’ poplu jiddependi minn kemm huwa għandu ħila jiddefendi l-ħajja. Aktar minn qatt qabel, meta fl-Ewropa qisu hawn konġura kontra l-ħajja umana, huwa urġenti li jkollna serħan il-moħħ li s-sagralità tal-ħajja hija mħarsa mill-mument tat-tnissil sat-tmiem naturali tagħha.

Il-ħajja hija mhedda meta hemm omiċidju, abort jew ewtanasja; imma hija wkoll sfigurata meta ma tkunx rispettata l-integrità tal-persuna, bħal fil-kaz ta’ tortura, mutilazzjoni u vjolenza fiżika u morali; meta d-dinjità tal-bniedem tkun imkasbra, bħal fil-każ tal-prostituzzjoni, traffikar tal-persuni u kundizzjonijiet inumani fuq ix-xogħol.

Biex is-soċjetà tagħraf il-kruha ta’ kull offiża li ssir lill-ħajja umana u twarrab kull imġieba li tmur kontra l-ġmiel tal-ħajja hemm bżonn illi:

[a] il-bniedem tal-lum jibda jirraġuna b’moħħu. Ħielsa minn kull passjoni u preġudizzju, ir-raġuni umana kapaċi tasal biex tiskopri li l-ħajja hija valur assolut. L-invjolabilità tal-ħajja hija l-prinċipju uniku u rrinunzjabbli, il-bażi tad-drittijiet umani l-oħra. Huwa dan il-prinċipju li joffri garanzija li jkun hemm ġustizzja, trattament ugwali u paċi bejn il-bnedmin.

[b] Il-bniedem għandu bżonn irażżan l-individwaliżmu qawwi li qed jaħkimna. Għax min jaħseb għalih innifsu faċli jkun arbitrarju u possessiv u jibda jqis ħajtu u l-ħajja ta’ ħaddiehor bħala “tiegħu”, u għalhekk jaħseb li jista’ jiddisponi minnhom kif jidhirlu hu.

[ċ] Il-bniedem jeħtieglu jiskopri lil Alla, li huwa s-sid u l-għajn ta’ kull ħajja. Il-bniedem li joqtol lil Alla, jasal biex joqtol lil ħutu l-bnedmin!  Kuxjenza umana li mhix imdawla minn Alla, għandha riskju kbir li tiżbalja fil-ġudizzji li tagħmel dwar il-valur tal-ħajja.

Formazzjoni wiesgħa li tieħu f’kunsiderazzjoni dawn it-tliet dimensjonijiet tgħin biex fostna jkollna ċiviltà favur il-ħajja.


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2008/11/11/inrawmu-civilta-favur-il-hajja/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.