- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

IL-PEDAMENTI TAL-KNISJA
Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech fl-okkażjoni tal-ftuħ tal-Festi tat-tqegħid tal-ewwel ġebla tal-knisja parrokkjali tas-Santissma Trinità, Marsa
Parroċċa Trinità Qaddisa, Marsa – it-Tnejn, 20 ta’ Ottubru 2008

Posted By admin On October 27, 2008 @ 8:32 am In October | Comments Disabled

 IL-PEDAMENTI TAL-KNISJA

 Mhux il-ġebel imma l-poplu t’Alla jifforma l-knisja-parroċċa

“It-tifkira li qegħdin tagħmlu ta’ għeluq il-mitt sena minn meta bdiet tinbena l-knisja parrokkjali tagħkom, hija ġrajja li timlikom b’sens ta’ gratitudni lejn l-antenati tagħkom, imma fl-istess ħin tgħabbikom b’responsabiltà wkoll għaliex issa jmiss lilkom li taġixxu b’mod li tassiguraw li jgħaddu s-snin u dawk ta’ warajkom jagħmlu memorja bħal din tal-lum.

Jiena konvint li qabel ma nbniet din il-knisja tal-ġebel, f’dawn l-akwati kien hawn “knisja” oħra! Mhux qed nirreferi għal xi knisja tal-ġebel, imma għall-“poplu t’Alla” li kien jgħammar f’dawn l-inħawi. Ċertament li d-deċiżjoni biex tinbena knisja parrokkjali ttieħdet għax min kien responsabbli mill-kura pastorali kien konxju tal-fatt li hawnhekk kien hawn “knisja ħajja”. Il-poplu t’Alla kien anterjuri għal kull forma ta’ xi struttura fiżika! Il-knisja mibnija bil-ġebel kienet espressjoni tal-“knisja” magħmula minn tant imgħammdin u minn familji Nsara.

Jekk ma noqogħdux attenti jista’ jiġri li llum is-sitwazzjoni tinbidel: ikollna knisja tal-ġebel vojta għax fil-madwar tagħha ma jkunx hemm komunità li temmen u tiċċelebra! Nibża’ li hemm riskju li l-knisja tal-ġebel imwaqqfa mitt sena ilu ma tibqax is-sinjal u l-espressjoni ta’ “knisja magħmula minn ġebel ħaj”.

Riskju ta’ “knisja-mużew”!

Eżempju ta’ dan ninnutawh fil-pajjiżi tal-Ewropa fejn wieħed jista’ jammira katidrali u knejjes li huwa kapulavur tal-arkitettura u mogħnija b’ħafna opri tal-arti, imma fl-istess ħin huma santwarji mejta. Fejn qabel dawn kienu ċ-ċentru ta’ ħajja Nisranija attiva u fjorenti, illum saru bini li joħloq kuntrast qawwi f’ambjent sekularizzat. Dawn il-knejjes inbnew għax il-poplu kien jemmen f’Alla; imma billi llum Alla qed jiġi mwarrab u miċħud, dawn il-knejjes ma fadlilhomx skop u flok “santwarju t’Alla” saru mużewijiet tal-isotrja, arti u skultura! Dawn il-knejjes saru qishom “lingwaġġ” mhux mitkellem jew sinjali vojta! Għandna “knejjes” li ma humiex sostnuti mill-“ġemgħa Nisranija” li tissejjaħ ecclesia.

Fejn seħħ dan, kotrot id-diżordni morali, tħawdu l-persuni, tkissru l-familji u tħarbtu sistemi soċjali kbar. Għax il-preżenza tal-Knisja tgħin biex il-bniedem jiskopri lil Alla u joqgħod għal dawk il-prinċipji etiċi li jekk jigġu osservati jiggarantixxu li bejn il-bnedmin tintiseġ nisġa ta’ relazzjonijiet umani. Huwa minnu dak li jgħallem San Pawl: “Jekk xi ħadd jeqred it-tempju ta’ Alla, Alla jeqred lilu” (1Kor 3,17). Mhux fis-sens li Alla huwa wieħed li jeqred lill-bniedem, imma għaliex meta l-bniedem jeskludi lil Alla minn ħajtu, huwa jibda jelimina wkoll lil ħutu u jġib qerda totali!

Fostna sfortunatament bdew jinħassu dawn l-effetti! Xi wħud minn ħutna jidhrilhom li jistgħu jgħaddu mingħajr il-Knisja u tbegħdu jekk mhux ukoll inqatgħu mill-Knisja. L-effetti ta’ dawn l-għażliet antiekkleżjali bdejna narawhom u nħossuhom!

Kristu ċ-ċentru tal-komunità parrokkjali

Biex il-komunità parrokkjali tagħkom tilqa’ kontra dan ir-riskju reali hemm bżonn li titħeġġeġ u tħeġġeġ biex Kristu, li huwa r-ras tal-Knisja, ikun aktar magħruf, maħbub u segwit. Kristu għandu jkun iċ-ċentru tal-“parroċċa”. Dak kollu li jsir fi ħdan il-parroċċa għandu jkollu bħala għan li jwassal lill-bniedem għand il-Mulej Ġesù. Wieħed ma jistax jippermetti li fil-komunità parrokkjali jinħolqu sitwazzjonijiet jew fazzjonijiet li b’xi mod ixekklu dan il-moviment lejn Kristu. Bħalma jistqarr l-Appostlu Missierna Pawlu: “Dak kollu li għalija kien qligħ, jien għaddejtu bħala telf minħabba Kristu. Jien ngħodd kollox bħala telf ħdejn il-qligħ kbir li hemm li nagħraf lil Kristu  Ġesù Sidi: minħabba fih ridt nitlef kollox u ngħodd kollox bħala knis biex nirbaħ lil Kristu u nkun ninsab fih” (Fil 3,7-9). Hemm bżonn inkunu aktar akkaniti għal Kristu li huwa l-“ġebla tax-xewka. Fih il-bini kollu jintrabat sewwa, jitla’ f’tempju qaddis fil-Mulej; fih, intom ukoll fl-Ispirtu, tinbnew flimkien f’dar fejn jgħammar Alla.” (Efes 2,21-22).

Il-pedamenti tal-knisja

Meta tqis li din il- “knisja tal-ġebel” ilha mibnija mitt sena, huwa urġenti li wieħed jeżamina ftit il-pedamenti għax altrimenti wieħed ikun jissogra li jekk il-pedament jibda jċedi, tibda nieżla l-“knisja”. Mhux qed nirreferi għal pedament magħmul minn ġebel samm jew mis-siment; għandi f’mohhi l-pedamenti spiritwali ta’ dan il-knisja magħmula mill-poplu t’Alla.

L-ewwel pedament li fuq iserrah dan il-bini huwa l-Evanġelju. Hija l-Kelma t’Alla li twassal lill-bniedem biex jistqarr il-fidi tiegħu fi Kristu. Huwa minnu li l-fonti tal-magħmudija huwa l-ġuf tal-Knisja; imma kif jgħid San Pawl lir-Rumani: “kif jistgħu jsejħu lil dak li ma jemmnux fih? Kif jistgħu jemmnu f’dak li ma semgħux bih? Kif jistgħu jisimgħu jekk ma jxandrulhomx?” (Rum 10,14-15). Għandi l-impressjoni li l-poplu tagħna għalkemm jgħożż ħafna “it-tempju”, tant li noffru offerti sbieħ biex il-knisja tkun imżejna, mhuwiex daqshekk entużjasta biex jiltaqa’ madwar il-Kelma t’Alla. L-għarfien tagħna l-Maltin u l-Għawdxin dwar Kristu ħafna drabi huwa fqir, nieqes u xi drabi ineżatt. Biex nirbħu l-injoranza reliġjuża jeħtieġ li nkunu konvinti kemm hija urġenti ħidma ta’ evanġelizzazjoni u katekeżi fil-parroċċi tagħna. Nixtieq nara l-knisja maqsuma f’diversi ċelluli fejn id-dixxipli tal-Mulej jiltaqgħu madwar il-Kelma biex jirriflettu dwarha u fi spirtu ta’ talb japplikawha għall-ħajja. Huwa provvidenzjali għalikom li proprju meta qegħdin teżaminaw il-pedamenti tal-knisja tagħkom, issaħħu dawk il-gruppi fejn diġà qed isir tagħlim bibliku u tieħdu inizjattivi oħra biex tiftħu aktar “skejjel” tal-Bibbja. Is-Sinodu tal-Isqfijiet li qed jiġi ċċelebrat bħalissa f’Ruma dwar “il-Kelma t’Alla fil-ħajja u l-missjoni tal-Knisja” jista’ joffrilkom ispirazzjoni dwar dan.

L- Ewkaristija tibni l-Knisja u l-Knisja tagħmel l-Ewkaristija. Il-Knisja tgħix bi Kristu Ewkaristiku. Minnu hi mitmugħa u mdawla. L-Ewkaristija hija l-għajn u l-quċċata tal-ħajja Nisranija. Fiha hemm miġbur l-ġid spiritwali tal-Knisja, jiġifieri Kristu.

Ħarsa ħafifa madwarna turina li ħafna qed jittraskuraw l-Ewkaristija. Huwa fatt li numru mhux żgħir minn ħutna jidhrilhom li jistgħu jgħaddu mingħajr it-tisħib fl-Ewkaristija tal-Ħadd. Oħrajn jieklu u jixorbu bla ma jagħżlu minn ikel ieħor il-ġisem u d-demm tal-Mulej! (ara 1Kor 11,9) Kif josserva San Pawl, meta nersqu għall-Ewkaristija “bla ma jixirqilna”, fostna jkollna min hu bla saħħa, marid u mejjet! (1Kor 11,30) Għalhekk inkunu tlifna opportunità jekk f’din l-okkażjoni l-komunità parrokkjali ma tistinkax biex tkun verament “komunità Ewkaristika”, kemm billi tissieħeb aktar fis-sagrifiċċju tal-quddiesa, mhux biss tal-Ħadd imma wkoll ta’ kuljum, kif ukoll billi joktor l-għadd tal-adoraturi tal-Ewkaristija.

Il-komunjoni li hija r-ruh tal-komunità parrokjali hija t-tielet pedament tal-Knisja! Għall-insara l-komunjoni mhix xi ħaġa fakultattiva, imma obbligatorja. Il-komunjoni hija rifless u tisħib fl-istess komunjoni li hemm fi ħdan is-Santissima Trinità. L-Isqof Tonino Bello kien isejjaħ il-parroċċa bħala “aġenzija periferika tat-Trinità Qaddisa”. F’soċjetà fejn aktar ma jmur il-bniedem tal-lum aktar qed isib ruħu jgħix waħdu fl-anonimat, il-parroċċa li hija l-“Knisja” li tgħammar fost il-bnedmin f’territorju preċiż, għandha tippreżenta lilha nnifisha bħala dik il-“familja” kbira li tħobb u tilqa’ lil kulħadd mingħajr ma teskludi lil ħadd. Fil-komunità sseħħ dik l-interazzjoni interpersonali fejn l-aħwa jaqsmu flimkien il-fidi, it-tama u l-imħabba, kif kien jiġri fl-ewwel komunitajiet Insara msemmija fl-Atti tal-Appostli.. Għalhekk wieħed jittama li għad jasal iż-żmien meta l-parroċċi tagħna flok ma ninqdew bihom biex ikunu arena ta’ kunflitti bejn diversi gruppi fi ħdan l-istess komunitajiet parrokkjali, isiru komunità ta’ “komunitajiet żgħar” li taħt it-tmexxija tal-kappillan iservu bħala ċentri ta’ formazzjoni u evanġelizzazzjoni, bil-għan li joffru kontribut ħalli nippromovu ċiviltà tal-imħabba.

Il-familja, “knisja tad-dar”, hija skola ta’ din il-komunjoni. Huwa fil-familja li l-bniedem jagħmel l-ewwel lezzjonijiet tal-imħabba. Però, daqskemm huwa minnu li l-bniedem iduq il-benna tal-komunjoni fil-familja u hemm jitħarreġ biex ikun bennej tal-għaqda, daqstant ieħor ċerti esperjenzi ta’ nuqqas ta’ qbil u firda fil-familja jistgħu jħallu togħma qarsa fih tant li ma jibqax jemmen li l-għaqda hija possibbli. Għalhekk, il-komunità parrokkjali għandha tinvesti aktar biex isaħħaħ il-familji fi ħdanha, li huma ċelluli vitali tal-parroċċa.

Nirriflettu l-ġmiel ta’ Alla

Fl-ewwel qari meħud mit-Tieni Ktieb tal-Kronaki, qrajna li meta Salamun daħħal l-arka fit-tempju ta’ Ġerusalemm, “it-tempju mtela’ bi sħaba. Il-qassisin ma setgħux ikomplu bis-servizz tagħhom minħabba s-sħaba, għax il-glorja tal-Mulej imliet id-dar t’Alla” (5,13-14). Illum il-glorja tal-Mulej timla din il-knisja! Kull wieħed u waħda minnkom jirrifletti l-ġmiel t’Alla. Dan mhux ġmiel biex titgħaxxqu bih intom personalment, imma intom irċevejtuh biex tgħadduh lill-oħrajn – biex bil-preżenza tagħkom intom issebbħu bil-glorja t’Alla l-ambjenti li tkunu fihom. Minn qalbi nawguralkom li matul din is-sena ċentinarja tkomplu tkattru l-ġmiel ta’ dan it-“tempju”, li l-binja tiegħu hi magħmula minnkom bħala ġebej ħaj, ħalli tassew ikun għamara li tixraq lit-Trinità Qaddisa. Amen.


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2008/10/27/il-pedamenti-tal-knisja-omelija-ta%e2%80%99-mons-isqof-mario-grech-fl-okkazjoni-tal-ftuh-tal-festi-tat-tqeghid-tal-ewwel-gebla-tal-knisja-parrokkjali-tas-santissma-trinita-marsa-parrocca-trinita-qadd/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.