Leħen is-Sewwa - 80 SENA TA’ ĠURNALIŻMU KATTOLIKU

lehen80sena01.jpg

English Version

Mons. Arċisqof Pawl Cremona O.P., nhar l-Erbgħa 24 ta’ Settembru 2008, fis-6.30 p.m se jmexxi Quddiesa Konċelebrata ta’ Radd il-Ħajr fil-knisja parrokkjali ta’ San Publju, Floriana, fl-okkażjoni ta’ għeluq it-80 sena ta’ Ġurnaliżmu Kattoliku ta’ Leħen is-Sewwa.
Wara l-introduzzjoni tal-libertà tal-istampa f’Malta fl-1839, fix-xena lokali dehru diversi ġurnali ispirati mill-ideali Nsara kemm bit-Taljan kif ukoll bil-Malti. Iżda minħabba raġuni jew oħra, dawn ma tantx kellhom ħajja twila.

Wara t-tmiem tal-Ewwel Gwerra Dinjija (1914-1918), il-mewġa ta’ konflitti ideoloġiċi u ta’ antiklerikaliżmu li kienet qiegħda tinfirex f’diversi pajjiżi, kemm fl-Ewropa kif ukoll f’naħat oħra tad-dinja, laħqet ukoll lil pajjiżna. Dan ma setax ma jħassibx lill-mexxejja tal-Knisja f’Malta. Kien dan li wassal lill-Arċisqof Dom Mawru Caruana (1915-1939) li, konvint mill-qawwa tal-istampa, iddeċieda biex il-Knisja f’Malta tibda tippubblika gazzetta Kattolika ta’ darba fil-ġimgħa fuq livell nazzjonali bl-ilsien Malti. bl-isem Leħen is-Sewwa. L-ewwel editur ta’ din il-gazzetta li l-ewwel ħarġa tagħha kienet fl-1 ta’ Settembru 1928, kien il-Kanonku Enrico Bonnici.
Iżda wara biss ħames snin mill-pubblikazzjoni tagħha, taħt it-tieni editur tagħha l-Kanonku Arturo Bonnici, minħabba li l-ġurnal kien għaddej minn diffikultajiet finanzjarji, l-awtoritajiet tal-Knisja kienu qegħdin jaħsbu biex iwaqqfuh. Minflok, fl-1933 l-istess awtoritajiet iddeċidew li jafdaw it-tmexxija tal-ġurnal f’idejn l-Azzjoni Kattolika u Dr Herbert Ganado, avukat żagħżugħ li kien attiv ħafna fl-Azzjoni Kattolika, inħatar editur ta’ Leħen is-Sewwa.
Dr Ganado mexxa b’determinazzjoni u b’viżjoni ġdida l-ġurnal matul is-snin diffiċli ta’ qabel it-Tieni Gwerra Dinjija. Huwa mhux biss biddel il-ġurnal f’wieħed ta’ kuljum, iżda għamel minnu mezz qawwi għall-promozzjoni u t-tixrid tal-kultura kattolika b’viżjoni wiesgħa fuq l-isferi kollha reliġjużi, soċjali, kulturali u politiċi. Il-ġurnal taħt id-direzzjoni tiegħu beda jittratta varjetà ta suġġetti li kellhom x’jaqsmu ma’ kull aspett tal-ħajja u b’hekk mhux biss sar leħen attiv tal-Kattoliċiżmu Malti, iżda wkoll tal-aspirazzjonijiet nazzjonali tal-poplu Malti.
Iżda sfortunatament fl-1939, b’mod l-aktar inġust Dr Ganado sab ruħu internat f’Malta u wara eżiljat u mibgħut fl-Uganda flimkien ma’ għadd ta’ personalitajiet oħra Maltin mill-awtoritajiet kolonjali ta’ dak iż-żmien.
Is-Sur Mikiel Caruana, bniedem attiv ħafna u li kellu esperjenza vasta fil-ġurnaliżmu, inħatar ir-raba’ editur tal-ġurnal u b’kuraġġ kbir mexxa l-ġurnal matul iż-żmien diffiċli tal-gwerra. Bis-saħħa tiegħu l-ġurnal minkejja li kien għadu joħroġ kuljum, qatt ma falla ħarġa waħda matul is-snin diffiċli tal-gwerra minkejja tant diffikultajiet li bilfors kellu jħabbat wiċċu magħhom.
F’Diċembru tal-1942, is-Sur Caruana rriżenja minn editur u floku nħatar Dun Salvino Bartoli Galea li ħa f’idejh it-tmexxija tal-ġurnal f’Jannar tal-1943 u baqa’ jmexxi l-ġurnal b’tant ħeġġa u dinamiżmu għal 30 sena sħaħ. Wara li fil-bidu biddel il-ġurnal f’wieħed ta’ kull ġimgħa kif kien fil-bidu, aktar ’il quddiem il-ġurnal sar wieħed ta’ darbtejn fil-ġimgħa.
Mons. Salvino Bartoli Galea b’kuraġġ u għaqal kbir mexxa l-ġurnal fis-snin diffiċli ta’ wara l-gwerra meta Malta riedet terġa’ tieħu r-ruħ wara snin diffiċli tal-gwerra, kif ukoll fis-snin li ġew wara li ġabu magħhom tant taqlib soċjali, politiku u reliġjuż. Minkejja t-twegħir u l-inkwiet li kellu jgħaddi pajjiżna f’dawk is-snin diffiċli, Leħen is-Sewwa ma naqas qatt jiddefendi bi qlubija kbira l-valuri morali, umani u nsara tal-poplu Malti.
Wara l-mewt għal għarrieda ta’ Mons. Salvino Bartoli Galea, inħatar il-Kav. Paul Saliba bħala s-sitt editur tal-ġurnal. Huwa dam imexxi b’għaqal u ħeġġa l-ġurnal għal 31 sena sħaħ. Matul dawn is-snin huwa kompla dejjem itejjeb il-ġurnal kemm fil-kontenut kif ukoll fil-preżentazzjoni tiegħu skond it-teknoloġija moderna kif jitolbu ż-żminijiet. Taħt id-direzzjoni tiegħu, Leħen is-Sewwa kompla joffri lill-qarrejja tiegħu l-messaġġ sħiħ nisrani b’approach modern fid-dinja pluralistika u materjalista tal-lum, waqt li kompla jaqdi l-missjoni tiegħu fil-qasam tal-ġurnaliżmu kattoliku fit-tixrid tas-sewwa u t-tisħiħ ta’ dak kollu li huwa moralment u soċjalment tajjeb u ta’ ġid għal kulħadd.
Fuq l-istess linja kompla l-editur preżenti l-Kanonku John Ciarlò mill-ħatra tiegħu bħala s-seba’ editur tal-ġurnal fl-2004. Il-ġurnal illum, bħal daqs qatt qabel, bil-għajnuna tal-kollaboraturi u l-qarrejja tiegħu, kompla jimxi ’l quddiem billi joffri l-messaġġ ta’ verità u tama nisranija u jorjenta l-kuxjenzi fid-dinja pluralista u relattivista tal-lum.