- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

KRISTU ĦELISNA BIEX NGĦIXU TA’ NIES ĦIELSA
Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Pellegrinaġġ Djoċesan għal San Pawl il-Baħar, Malta - 20 t’Awwissu 2008

Posted By admin On September 4, 2008 @ 2:21 pm In August | Comments Disabled

KRISTU ĦELISNA BIEX NGĦIXU TA’ NIES ĦIELSA

F’epoka bħal tagħna fejn ħafna jiġġieldu għal-libertajiet, inħossni kburi bħala membru fil-Knisja f’Malta u Għawdex illi tagħraf lill-Appostlu Pawlu bħala l-Missier tagħha, għaliex Pawlu nistgħu nippreżentawh bħala l-Appostlu tal-libertà.
 
L-istorja ta’ pajjiżna hija mżejna bi ġrajjiet li aħna nfakkru ta’ kull sena, ġrajjiet li jimmarkaw tappi important fejn il-poplu tagħna kiseb libertà politika. Din hija ħaġa tajba u sabiħa.

Il-ħelsien fi Kristu

Imma meta nitfa’ ħarsti fuq dawn il-“gżejjer” [= Il-Ġżejjer ta’ San Pawl], nilmaħ monument lill-Appostlu Pawlu, dak illi wasslilna libertà li tisboq kull libertà oħra, għaliex hija l-libertà eżistenzjali. Ngħid dan fid-dawl ta’ dak li smajna fit-tieni qari meħud mill-ittra lill-Galatin (5,1. 13-15). Pawlu jippriedka lil Kristu. Pawlu jisħaq li Kristu ħelisna biex ngħixu ta’ nies ħielsa. Min jista’ jgħid li l-Knsija ta’ Kristu hija l-Knisja tad-dlam meta tipproklama dan il-Vanġelu tal-ħelsien? Kristu ħelisna biex ngħixu ta’ nies ħielsa: “Żommu sħiħ u terġgħux tmiddu għonqkom għall-madmad tal-jasar” (Gal 5,1). U jkompli jgħid Pawlu: “Ħuti, intom ġejtu msejħa għall-ħelsien” (5,13).

Pawlu jitkellem b’daqshekk qawwa u jagħmel din il-proposta tant interessanti lill-bniedem tal-bieraħ, tal-lum u ta’ għada, għaliex kif qrajna fl-ewwel qari (Atti 9), fit-triq ta’ Damasku Pawlu ltaqa’ ma’ Kristu u għaraf fih il-ħellies veru! Tant hu hekk illi fl-ittri tiegħu Pawlu jgħid: “tinsewx illi intom ġejtu mifdija mill-jasar” – frażi oħra li timplika ħelsien. “Intom m’intomx ulied l-ilsira imma intom ulied il-ħielsa” (ara Gal 4,31). Meta Pawlu neħħa dak l-għamad, li mhux biss kien jgħatti l-viżjoni tiegħu imma ħafna drabi jgħatti wkoll il-viżjoni tagħna, hu ra fi Kristu dak li hu il-Ħellies tal-bniedem sħiħ.

Effetti tal-ħelsien mill-jasar tad-dnub

Il-jasar li ħelisna minnu Kristu fit-teoloġija jissejjaħ “dnub”. Imma x’nifhmu bid-dnub?

Kristu ħeles il-bniedem mill-gidba – u m’hemmx għar min-nofs verità, għax in-nofs verità tinganna aktar!

Kristu ħeles il-bniedem mid-dlam tal-injoranza għaliex Kristu hu u għandu l-verità.

Kristu ħeles il-bniedem mill-qtigħ il-qalb, għax imlieh bit-tama.

Kristu ħeles il-bnidem mill-qawwa tal-mewt, għaliex rebaħ il-mewt bil-qawmien tiegħu u jrid li aħna nipparteċipaw minn din ir-rebħa fuq il-mewt.

Kristu mhux biss jeħles lill-bniedem mill-iskjavitù – minn kull forma ta’ jasar li hemm fil-ħajja umana – , imma jħhles lill-bniedem biex jaġixxi ta’ bniedem ħieles, fis-sens li jkun bniedem kapaċi jgħix ħajja b’dawk l-atteġġjamenti u b’dik l-imġieba li tixraq lid-dinjità tiegħu ta’ bniedem, Nisrani u mhux. Dan hu l-messaġġ tal-Vangelu li għalih Pawlu ta ħajtu.

Il-ħelsien li kisbilna Kristu huwa don offrut. Ma jfissirx li b’daqshekk huwa irrevokabbli, fis-sens li aħna ma nistgħux nitilfuh. Tant hu hekk illi l-esperjenza tixhdilna li l-bniedem mhux dejjem laqa’ dan il-ħelsien li offrilna Kristu u li xandar Pawlu.

L-imħabba bħala ħelsien

X’nifhmu b’ħelsien? Pawlu kien qed jitkellem f’kultura li mhix tant differenti minn tagħna, kultura li kienet influwenzata mill-kultura Griega. Wieħed għaref Grieg jiddiskrivi l-libertà bħala liċenzja biex il-bniedem jagħmel li jrid: “ħallini nagħmel li rrid, mingħajr ebda ndħil, mingħajr ebda xkiel”.

Din libertà? Kontra dan il-kunċett żbaljat ta’ libertà, li fih riħa qawwija ta’ individwaliżmu u ta’ egoiżmu, Pawlu, imnebbaħ minn Kristu, jippriedka li l-bniedem huwa tassew ħieles meta jitgħallem iħobb. L-Imħabba hija kelma oħra illi Pawlu jagħti għall-ħelsien. Fl-ittra tiegħu lill-Galatin, Pawlu jfisser li “il-liġi kollha tinġabar f’liġi waħda: “Ħobb lill-għajrek bħalek innifsek” (5,14). Huwa dan il-ħelsien veru li l-bniedem għandu jixxennaq u jiġġieled għalih, anke jekk l-imħabba tagħmlek “skjav”.

Hawn nista’ ninstema’ qisni qed ngħid kontradizzjoni, imma din hija provokazzjoni! Inti skjav, imma Pawlu jagħtik il-libertà billi jgħallmek tħobb b’dik l-imħabba li rċieva mingħand Kristu, ħalli mbagħad inti ssir skjav tal-imħabba. Għax min iħobb, mhux jagħti xi ħaġa imma jagħti lilu nnifsu.
 
Il-bniedem hu bniedem għax jgħix f’relazzjoni ma’ oħrajn, u din ir-relazzjoni tiegħu mal-oħrajn, din in-nisġa ta’ relazzjonijiet soċjali gwaj jekk ma tkunx mibnija fuq l-imħabba – dik l-imħabba li twassal lil dak li jkun biex mhux jagħti xi ħaġa, imma jingħata għal ħaddieħor, u f’ċertu sens ikun skjav ta’ ħaddieħor.

Interessanti li f’din is-soċjetà ħielsa, mibnija fuq l-imħabba Kristjana, l-imħabba twassal biex għalkemm qegħdin ngħidu “inkunu skjavi ta’ xulxin”, fir-realtà m’hemm ħadd skjav ta’ ħadd għax m’hemmx min hu fuq u min hu isfel. Minflok, ikun hemm kondiviżjoni ta’ kollox, inkluż tagħna nfusna, ma’ xulxin. L-imħabba vera ma taspirax għas-self realisation tal-persuna, imma timbotta lill-persuna biex ixxejjen lilha nnifisha, tintefa’, tingħata, issir “knis” għal ħaddieħor (ara 1 Kor 4,13).

L-imħabba-ħelsien fil-kuntest taż-żwieġ u l-familja

Dan il-ħelsien veru għandna bżonnu għar-relazzjonijiet wiesa’ li jibnu s-soċjetà tagħna; imma għandna bżonn nitgħallmu din il-lezzjoni b’mod partikulari għal dik l-esperjenza ta’ mħabba li ssir fiż-żwieġ u l-familja. Ħafna llum qegħdin jitkellmu dwar ċerti libertajiet għall-miżżewgin u għall-familji tagħna. Imma x’libertà vera għandna noffru lill-familja? Libertà egoista, individwalista li tkompli tkisser? Jew il-libertà mibnija fuq l-imħabba li tista’ tibni? L-akbar u l-aqwa ċelebrazzjoni tal-imħabba hija proprju fil-kuntest taż-żwieġ fejn il-miżżewġin jingħataw għal xulxin, huma ta’ servizz għal xulxin, iċedu għal xulxin u joqogħdu għal xulxin.

Pawlu jiddistingwi bejn dawk li huma “l-għemejjel tal-ġisem” u “l-frott tal-Ispirtu”. Meta jitkellem mill-għemejjel tal-ġisem, huwa javża lill-bniedem x’inhuma l-limitazzjonijiet ta’ din il-libertà. Huwa joffri lista ta’ x’jistgħu jkunu dawn il-limitazzjonijiet (1Kor 6.8-10; 2 Kor 12; Gal 5.19), li sfortunatament illum hemm min qiegħed jipproponihom bħala espressjoni vera tal-libertà. Pawlu jsemmi erba’ dimensjonijiet tal-ħajja umana.

Sa fejn tista’ tasal il-libertà?

Dwar is-sesswalità, Pawlu jammonixxi kontra ż-żina, l-adulterju, l-omosesswalità u l-effeminilità, għax dawn huma prattiċi li jnaqqsu u mhux jagħtu l-libertà (ara 1 Kor 6,9). F’dak li għandu x’jaqsam mal-kamp reliġjuż, Pawlu jeżorta biex noqogħdu attenti mill-idolatrija u minn dawk li jipprattikaw is-seħer (ara Gal 5,20) – żewġ prattiċi komuni fil-ħajja tagħna llum. Pawlu jitkellem minn dak li jista’ jhedded il-libertà fil-ħajja tal-komunità: fejn hemm ġlied, għira, korla, partiti, tqassis, qlajja’, tagħjir, u taħwid hemmhekk il-komunità tiġi misruqa mill-vera libertà tagħha (ara 2 Kor 12,20; Gal 5,20). Meta jitkellem dwar dawk li huma l-limitazzjonijiet tat-temperanza, Pawlu jsemmi r-rebgħa, t-tbahrit u s-sokkor (ara Gal 5,21; Rum 13,13).
 
Biex niksbu l-veru ħelsien irridu naħdmu kontra dawn il-limitazzjonijiet biex fl-aħħar mill-aħħar aħna niksbu l-libertà tal-Ispirtu li hija ferm aktar aqwa minn dik tal-ġisem. Hekk inkunu nistgħu ngawdu l-frott tal-Ispirtu li huma: l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan. Kontra dawn ma hemmx liġi” (Gal 5,23-24). Ninnutaw li meta jagħmel il-lista ta’ x’inhuwa l-frott tal-Ispirtu, l-ewwel u fuq kollox Pawlu jsemmi l-imħabba – il-karita li aħna semmejna bħala isem ġdid tal-libertà li għandu jkollu l-bniedem.

Nilqgħu d-don tal-ħelsien ta’ Kristu

Għalhekk f’din iċ-ċirkostanza partikulari għalina llejla, nappellalkom biex nagħmlu talba ħerqana lil Alla l-Imbierek ħalli dan il-bżonn li għandha s-soċjetà, jiġifieri li tagħraf x’inhuma l-libertajiet veri – u tagħraf tħarishom anke permezz ta’ strumenti legali – , aħna jirnexxielna – bl-użu tar-raġuni, imma wkoll imdawlin mill-fidi, imdawlin minn Kristu – , nilqgħu dan id-don mhux biss għalina u għall-familji tagħna, imma jrid ikollna wkoll il-konvinzjoni u l-kuraġġ illi din il-libertà vera nipproponuha lis-soċjetà kollha kemm hi.


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2008/09/04/kristu-helisna-biex-nghixu-ta%e2%80%99-nies-hielsa-omelija-ta%e2%80%99-mons-isqof-mario-grech-pellegrinagg-djocesan-ghal-san-pawl-il-bahar-malta-20-tawwissu-2008/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.