- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

IL-FAMILJA ‘GYMNASIUM’ U SKOLA TAL-IMĦABBA

Posted By admin On August 31, 2008 @ 9:17 am In 2008 | Comments Disabled

Nhar il-Ħamis li għadda, 28 t’Awwissu 2008, l-Isqof Mario Grech kien mistieden jieħu sehem fil-festa ta’ San Ġiljan, Malta li tiġi ċċelebrata fil-parroċċa ddedikata lill-istess qaddis. Waqt il-quddiesa, l-Isqof Grech għamel din l-omelija (siltiet):

“Kull bniedem għandu bżonn li jkun maħbub u jħobb. Imma minkejja dan il-bżonn naturali, nosservaw ħafna diżordni fil-ħajja personali, familjari, u soċjali.

Hemm diversi raġunijiet għaliex fostna għandna ħafna li ma jafux iħobbu. Imma fiċ-ċirkustanza tal-lum, festa ta’ San Ġiljan, billi hu kellu mħabba kbira lejn il-familja, xieraq li nirriflettu dwar kemm il-familji tagħna huma skola u gymnasium fejn il-membri jitħarrġu fil-virtù tal-imħabba. Il-familja, li taf l-oriġini tagħha għal esperjenza ta’ mħabba bejn l-għarajjes, xi drabi tinbidel f’arena ta’ ġlied, abbużi, tgħajjir u vjolenza domestika. F’dawn il-familji qed jitrawmu ċ-ċittadini ta’ għada. X’ħin jasal il-waqt li huma ukoll jippruvaw jidħlu għaż-żwieġ biex jibnu komunità ta’ mħabba, hemm probabilità kbira li effett ta’ dak li qed jitgħallmu fil-familja tagħhom, huma jirrepetu l-istess imġieba diżordinata fil-familja li huma jwaqqfu.

Quddiem din ir-realtà, flok ma naraw x’nistgħu nagħmlu biex inkattru d-diżordni, il-firda, is-separazzjonijiet, il-kunflitti li jkun hemm fil-familja, għandna naraw x’nistgħu nagħmlu biex din “l-iskola” tiffunzjona aħjar u tkun tista’ toffri esperjenza unika u privileġġjata tal-imħabba. L-Istat ma jistax jirriskja li tagħlaq jew iżżarma “skola” ta’ dan it-tip għax dak li toffri l-familja diffiċilment jiġi offrut minn xi istituzzjoni oħra.

L-imħabba hija kelma enigmatika, għax għalkemm wieħed jista’ jgħid li jħobb, huwa jkun iħobb b’mod egoistiku. Sfortunatament dan jiġri wkoll fil-każ tal-ħajja miżżewġa. L-imħabba vera twassal lil bniedem biex jagħti lilu nnifsu għal min iħobb. L-imħabba vera tissarraf f’kapaċità li tahfer, tittollera u tagħder.

Kristu huwa mudell ta’ din l-imħabba. Huwa tant ħabbna li ta lilu nnifsu għalina! Fil-Knisja għandna familji li fis-satra ta’ djarhom, b’sagrifiċċju personali imma fl-istess ħin bil-ferħ, jgħixu din l-imħabba altruwista. Għandna ġenituri li b’ġenerożità jingħataw mhux biss lil xulxin, imma lil uliedhom u lil ulied uliedhom.  F’ambjenti familjari bħal dawn, meta l-ulied isibu min iħobbhom u jedukahom għall-imħabba, huma jkunu qed jitħejjew biex meta jikbru u jsibu ruħhom f’realtajiet varji, ikunu jistgħu jikkumbattu kull forma ta’ egoiżmu bl-imħabba.

Fil-kuntest attwali ta’ pajjiżna, inħeġġeġ lil dawn il-familji biex bix-xhieda tagħhom juru l-kontribut uniku li familja magħquda tista’ tagħti lis-soċjetà. Inħeġġeġ lill-partijiet soċjali kollha biex kulħadd skond il-kompetenza tiegħu jikkontribwixxi biex il-familji tagħna jsibu kull għajnuna ħalli jinbnew f’gymnasium tal-imħabba, anke jekk huwa aktar faċli li wieħed iħott dawn l-iskejjel milli jibnihom u jżommhom wieqfa!”


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2008/08/31/il-familja-gymnasium-u-skola-tal-imhabba/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.