- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

L-Edukazzjoni tal-bniedem sħiħ

Posted By admin On August 25, 2008 @ 6:38 am In 2008 | Comments Disabled

Fl-okkażjoni tal-festa ta’ Santa Marija, iċċelebrata llum il-Ħadd, 24 t’Awwissu 2008, fil-parroċċa taż-Żebbuġ, Għawdex, l-Isqof Mario Grech mexxa quddiesa pontifikali u fl-omelja tkellem dwar l-edukazzjoni tal-bniedem sħiħ.

Dan li ġej huwa ġabra fil-qosor tal-messaġġ tal-Isqof Grech.

“F’epoka meta mhumiex ftit dawk li qed jaqtgħu qalbhom mill-futur, hemm bżonn inkunu aktar konvinti li l-ġejjieni tal-bnedmin qiegħed f’idejn dawk li għandhom il-ħila jagħtu lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin raġunijiet ta’ ħajja u ta’ tama. Dan is-servizz jista’ u għandu jingħata minn dawk involuti fil-proċess edukattiv tal-ġenerazzjoni tal-lum għax mill-edukazzjoni li tingħata tiddependi l-kwalità ta’ ħajja tal-persuna u tas-soċjetà.

Edukazzjoni akkademika jew tal-moħħ hija indispensabli biex persuna tikseb ħiliet li bihom tista’ ttejjeb il-livell tal-ħajja tagħha. Fejn din l-edukazzjoni hija traskurata, hemm il-faqar materjali u kulturali.

Hemm ukoll l-edukazzjoni affettiva jew tal-qalb, biex il-bniedem jitgħallem iħobb tassew. Billi min-natura tiegħu l-bniedem huwa egoista, jista’ jħobb b’mod żbaljat. Infatti għalkemm is-sesswalità umana hija lingwaġġ tal-imħabba, jista’ jiġri li s-sesswalità tkun mifruda mill-imħabba awtentika u ma tibqax attività umana. Id-diskors dwar is-sesswalità huwa delikat ħafna għax faċli li l-imġieba sesswali ssir mezz ta’ manipulazzjoni tal-persuna l-oħra.  Għax għandna vacuum fl-edukazzjoni sesswali vera, niltaqgħu ma’ persuni u koppji frustrati, u ma tfal imwielda barra mill-kuntest tal-imħabba.

Hemm imbagħad l-edukazzjoni tar-rieda, għax ħafna drabi nsibu ruħna li qed nagħmlu dak li ma rridux nagħmlu. Nuqqas ta’ rieda soda u determinata twassal lil bniedem jagħmel għażliet mhux f’posthom u ma jkunx kapaċi jżomm l-impenji li jidħol għalihom, bħal ma huwa fil-każ taż-żwieġ u l-familja.

Il-bniedem, barra li għandu moħħ, qalb u rieda, għandu wkoll ruħ u għalhekk jeħtieġ edukazzjoni spiritwali li tgħinu jinfetaħ għall-valuri assoluti u fuq kollox għal Alla.

Il-familja hija l-ewwel u l-aqwa aġent f’dan il-proċess edukattiv. Ħadd u xejn ma jista’ jissostitwixxi l-familja mill-kontribut li tista’ tagħti fil-formazzjoni tal-ulied. Għalhekk investiment fl-edukazzjoni jissarraf f’investiment f’familja stabbli u b’saħħitha.

Id-devozzjoni vera lejn Marija, edukatriċi tal-komunità Nisranija, għandha tgħin lin-Nisrani jgħaddi dawn il-valuri lill-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni.

It-test sħiħ tal-omelija jidher aktar ’il quddiem.


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2008/08/25/l-edukazzjoni-tal-bniedem-shih/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.