Dalgħodu waqt quddiesa pontifikali li saret fil-knisja parrokkjali tal-Qala fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Ġużepp, l-Isqof Mario Grech tkellem dwar it-tisħiħ tal-familja Maltija u Għawdxija:
“Il-familja hija riżorsa deċiżiva għall-progress tas-soċjetà, u għalhekk f’din is-siegħa, meta għaddejja diskussjoni pubblika dwar il-familja, huwa dmir tagħna li ngħinu fit-tisħiħ tal-familja.
Għall-poplu Malti l-familja għadha l-għożża tant li kull meta tinqala’ xi problema serja fil-familja, il-familja estiża kollha tkun preokkupata. Fl-istess waqt ma nistgħux ninjoraw it-tibdil profond fil-mentalità ta’ żmienna li jistimulana biex nistaqsu jekk nistgħux nitkellmu minn familja li l-identità tagħha hija bbażata fuq karattri fondanti li ssibhom f’kull ċiviltà u kultura. L-antropologu Levi Strauss jiddeskrivi l-għaqda bejn raġel u mara flimkien ma’ wliedhom bħala “fenomenu universali preżenti f’kull tip ta soċjetà” – kunċett attwali li diffiċli li jkun miċħud raġjonevolment.
Il-Maġisteru Soċjali tal-Knisja jikkonferma dak li jgħidu l-antropoloġi u s-soċjoloġi dwar iż-żwieġ u l-familja. Infatti l-Konċilju Vatikan II jafferma li “l-ġid tal-familja u tas-soċjetà umana u Kristjana huwa relatat ħafna ma’ esperjenza feliċi fil-komunità konjugali u familjari”. Fl-enċiklika Centesimus annus il-Papa Ġwanni Pawlu II jgħid li “il-familja hija struttura primarja u fundamentali li tiffavorixxi l-ekoloġija umana billi tgħin lill-bniedem jikseb għarfien ta’ x’inhu veru u x’inhu tajjeb, partikularment xi tfisser tkun persuna.” Il-Papa Benedittu XVI jisħaq li l-ambitu privileġġjat fejn kull persuna titgħallem tagħti u toffri l-imħabba hija l-familja.
Il-familja għandha forza drammatika biex wieħed jikseb l-identità personali, kemm minħabba r-rabta mal-koppja ġenerattiva kif ukoll minħabba r-rabta ġenejoloġika ma’ razztu. Ħafna drabi dak li wieħed hu jiddependi mill-appartenenza tiegħu għal familja partikulari.
Huwa fatt li llum għandna sitwazzjonijiet fejn in-nuqqas ta’ ġenitur fil-familja qed iċaħħad lil persuna milli tagħraf l-identità proprja tagħha. Każ tipiku huwa meta tarbija titwieled barra miż-żwieġ, bir-riskju li ma tkunx rikonoxxuta mill-missier. Huwa trawmatiku għal persuna li tgħix bil-ħsieb li missierha ma jridhiex. Sitwazzjoni kritika oħra tirriżulta għall-ulied ta’ koppji separati u divorzjati. Studji soċjoloġiċi jikkonfermaw li l-aktar problema serja għal dawn l-ulied hija meta tonqoshom iċ-ċertezza fundamentali marbuta mal-għaqda mal-ġenituri naturali tagħhom.
Għalhekk wieħed bid-dmir jistaqsi jekk illum is-soċjetà hijiex trewwaħ biex ċerta mġieba, ċerti stili tal-ħajja u mudelli ta’ ħajja miżżewga li joħolqu dawn is-sitwazzjonijiet diżastrużi, ikunu proposti bħala mod ordinarju tal-ħajja!”