Ħatra ta’ Kelliem għad-Djoċesi ta’ Għawdex dwar l-Ambjent

pauline_grech.jpgMons Isqof Mario Grech ħatar lil Ms Pauline Grech bħala delegat tiegħu għall-Affarijiet Ambjent. Ms Pauline Grech studjat l-Edukazzjoni fl-Università ta’ Malta (1983-1988) bi speċjalizazzjoni fil-Bijoloġija. Tul dan iż-żmien hija ħadmet f’riċerka tal-UNEP (United Nations Environment Programme) dwar it-tniġġiż fil-Baħar Mediterran taħt is-superviżjoni tal-Professur Victor Axiak. It-teżi tagħha ‘Awareness of the Maltese Natural Environment: A Survey’ ġiet ippubblikata mill-Fundazzjoni għall-Istudji Internazzjonali tal-Università ta’ Malta. Fix-xogħol tagħha bħala għalliema għamlet xi żmien responsabbli mill-proġett “EkoSkola” fl-iskola fejn kienet tgħallem. Għal xi snin kienet ukoll nominata mill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent bħala membru tal-Fond għall-Ambjent. Illum Ms Grech hija Kap ta’ waħda mill-iskejjel tal-Gvern f’Għawdex. Hija wkoll membru tas-Soċjetà Duttrina Nisranija (M.U.S.E.U.M.).
 
Dan l-aħħar Ms Pauline Grech irraprezentat lid-Djoċesi ta’ Għawdex fid-diskussjoni pubblika msejħa mill-Ministeru għal-Għawdex dwar il-proġett “Eko-Għawdex”.