Mons Isqof Mario Grech iħabbar Missjoni Djoċesana f’Għawdex

 logo-missjoni-djocesana.jpg

Biex tfakkar bl-aħjar mod is-Sena Pawlina, id-Djoċesi ta’ Għawdex bdiet it-tħejjija biex tiċċelebra Missjoni Djoċesana. Din l-aħbar ingħatat mill-istess Mons Isqof Mario Grech, meta ċċelebra l-ftuħ solenni tas-Sena Pawlina fil-Bażilika tan-Nadur, nhar is-Sibt 28 ta’ Ġunju 2008.

Il-Missjoni Djoċesana se tkun l-inizjattiva pastorali prinċipali tad-Djoċesi ta’ Għawdex matul is-sena pastorali li ġejja. It-tema magħżula hija silta mit-tieni ittra ta’ San Pawl lill-Korintin: “L-imħabba ta’ Kristu ssuqna” (5,14): in-Nisrani li jagħmel esperjenza sabiħa u qawwija tal-Misteru ta’ l-Għid ta’ Kristu jħossu msejjaħ biex jaqsam ma’ kulħadd il-qawwa rebbieħa u trasformatriċi tas-Salib.


Permezz ta’ din il-Missjoni, il-Knisja f’Għawdex tixtieq tiċċelebra b’mod ġdid u qawwi l-ġrajja ta’ l-ewwel aħbar tal-Evanġelju li wasslilna San Pawl; tixtieq tgħin lill-Insara jagħrfu aktar u aħjar is-sbuħija tal-ħajja tad-dixxipli ta’ Ġesù; tixtieq tħeġġeġ lill-Insara biex jerġgħu jagħżlu b’konsapevolezza u rieda li jħobbu lil Ġesù, jieħdu sehem aktar attiv fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija – speċjalment dik tal-Ħadd –, u jkomplu bil-mixja formattiva tagħhom.

Il-qofol tal-Missjoni Djoċesana se jkun fix-xahar ta’ Jannar, meta grupp ta’ lajċi, wara żmien ta’ formazzjoni, jintbagħtu fid-djar kollha ta’ Għawdex biex jagħtu xhieda tal-fidi tagħhom u tal-Evanġelju fost il-familji.

Il-Missjoni Djoċesana se tkun maqsuma f’erba’ mumenti:
1.    mill-1 ta’ Ottubru sal-5 ta’ Diċembru – Żmien ta’ Smigħ u Formazzjoni: il-lajċi li se jintbagħtu bħala “missjunarji” jkollhom żmien ta’ formazzjoni marbut mal-Kelma t’Alla u mal-metodoloġija taż-żjajjar fil-familji;
2.    mill-4 sal-25 ta’ Jannar – Żmien ta’ Missjoni u Tħabbira: il-lajċi ffurmati, tnejn tnejn, jiġu mibgħuta fil-familji, biex iwasslu l-aħbar sabiħa ta’ Ġesù Salvatur;
3.    mill-25 ta’ Frar sal-5 ta’ April – Żmien ta’ Konverżjoni u Ċelebrazzjoni: ix-xandir tal-kelma fir-Randan, speċjalment permezz tal-Eżerċizzi, ikompli jwettaq il-mixja mibdija mill-missjunarji lajċi;
4.    mit-12 ta’ April ’il quddiem – Żmien ta’ Ringrazzjament u Proposti: it-tberik tal-Għid fil-familji jkompli jwettaq il-preżenza ta’ Ġesù fil-familja, mibdija mill-missjunarji lajċi.
Biex tkun tista’ titwettaq il-preparazzjoni meħtieġa, Mons Isqof Mario Grech ħatar lil Dun Anton Teuma bħala Koordinatur tal-Missjoni Djoċesana. Mons Isqof ħatar ukoll Kummissjoni ta’ lajċi u saċerdoti biex jipprogrammaw il-Missjoni Djoċesana. Kummissjoni Biblika, iffurmata minn grupp ta’ saċerdoti biblisti diġà qed ifassal l-itinerarju ta’ formazzjoni għall-missjunarji lajċi. Fkull parroċċa qed isiru laqgħat ma’ l-Assembleja Parrokkjali u mal-Presbiterju biex kulħadd iħossu parteċipi u joffri l-għajnuna tiegħu.

Tħejja logo ta’ l-okkażjoni. Il-logo jiddeskrivi diversi xeni li flimkien jiffurmaw is-sens tal-Missjoni Djoċesana: familja miġbura biex tisma’ l-Kelma; Bibbja miftuħa; knisja: il-Kelma ta’ Alla ssaħħaħ il-familja Nisranija, u l-familji ffurmati fl-iskola tal-Vanġelu jsaħħu l-komunità nisranija, il-Knisja. Bħala sfond hemm is-sejf u l-fjammi tan-nar: simbolu tas-Sena Pawlina. Fuq nett jiddomina s-Salib, jiġifieri Kristu, li bil-misteru ta’ l-Għid tiegħu għamilna wlied Alla. Il-logo ġie maħdum minn Cynthia Saliba.

Mons Isqof iħeġġeġ lill-Poplu t’Alla biex jilqa’ din is-sejħa speċjali li l-Knisja f’Għawdex qed tipproponi għas-Sena Pawlina; u fuq kollox biex minn issa joffru t-talb tagħhom sabiex l-Ispirtu s-Santu jimla l-Knisja tiegħu fil-gżira tagħna bl-istess qawwa li mela lill-Appostli fiċ-ċenaklu biex joħorġu bil-ferħ u bl-entużjażmu jagħtu l-Aħbar li Kristu qam mill-mewt!