Manifestazzjoni Marjana, Marsalforn
22 ta’ Lulju 2008

Iktar ritratti minn hawn
Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech

Fl-għeluq ta’ Kampanja djoċesana favur ambejnt moralment nadif, ilbieraħ, it-Tlieta 22 ta’ Lulju 2008 Mons Isqof Mario Grech iċċelebra quddiesa fil-bajja ta’ Marsalforn. Il-funzjoni kienet tinkludi wkoll it-talba tar-Rużarju qabel il-quddiesa. Għall-funzjoni attendew diversi saċerdoti u folla numeruża ta’ lajċi nsara. L-animazzjoni tal-kant kienet f’idejn il-kor “Voci Angeliche”. Mons Isqof għamel omelija marbuta mal-qari tal-evanġelju tal-ġurnata, fit-tifkira ta’ Santa Marija Maddalena.

Fi tmiem il-quddiesa Mons Isqof ippreżenta żewġ għotjiet ta’ €7000 lil żewġ missjunarji Għawdxin: Dun Salv Vella mix-Xewkija (li jaħdem il-Brażil) u Dun Raymond Portelli min-Nadur (li jaħdem il-Perù). Dawn l-għotjiet ta’ flus inġabru mis-semmiegħa tal-programm ta’ l-RTK “Nisimgħek”, li Dun Ġorġ Bezzina jmexxi kull nhar ta’ Ħadd filgħaxija mill-istudjos f’Għawdex. Din il-kampanja ta’ karità, li ssir matul ir-Randan għall-ħtiġijiet tad-Djoċesi ta’ Għawdex, ilha ssir għal diversi snin u ġew mgħejjunin diversi missjunarji Għawdxin kif ukoll istituzzjonijiet djoċesani. Matul is-snin minn din il-kampanja nġabret is-somma ta’ aktar minn Lm60,000 (€139,762).