KRISTU GĦADU JBATI U JĦOBB ILLUM
Manifestazzjoni Marjana favur Ambjent Moralment Nadif, Marsalforn (22 ta’ Lulju 2008)

KRISTU GĦADU JBATI U JĦOBB ILLUM

Manifestazzjoni Marjana favur Ambjent Moralment Nadif, Marsalforn
22 ta’ Lulju 2008

Fil-qari tal-liturġija tal-lum, tifkira ta’ Santa Marija Maddalena, smajna tixxandar silta mill-vanġelu ta’ San Ġwann (Ġw 20,1-2.11-18). Fl-esperjenza ta’ Marija ta’ Magdala nara l-esperjenza tagħna bħala Knisja. Marija ta’ Magdala kienet tibki ħdejn il-qabar vojt. Fil-Ktieb ta’ l-Għanja ta’ l-Għanjiet, fejn ir-relazzjoni bejn Alla u l-poplu tiegħu, bejn Kristu u kull min huwa mgħammed hija mxebbħa mar-relazzjoni ta’ bejn għarus u għarusa, naqraw li l-għarusa tgħid: “Jien imradt bl-imħabba” (2,5). Marija ta’ Magdala, frott l-imħabba li għandha lejn Kristu, tibki meta tiskopri li huwa nieqes mill-qabar. Kemm nixtieq li dan ikun is-sentiment tagħna: jekk qalbna hija marida bl-imħabba għal Kristu u ninnutaw li Kristu huwa assenti, huwa nieqes, allura qalbna tuġgħana.

L-assenza ta’ Kristu mill-qlub tal-bnedmin

Anke llum Kristu huwa assenti mill-qlub tal-bnedmin. Qalb li tobgħod, li tnissel firda, li mhix lesta li taħfer hija qalb vojta minn Kristu. Forsi Kristu huwa assenti ukoll mill-qlub ta’ dawk li rċivew is-sagrament tal-magħmudija, ta’ dawk li rċivew is-sagrament tal-konfermazzjoni.

Qalbna tuġgħana meta naraw li Kristu huwa assenti mhux biss fid-dinja lajka – li hija maħkuma mill-ispirtu pagan, imma xi drabi anke fil-komunità nisranija. F’ċelebrazzjoni bħal din tagħna llejla, nistaqsi: aħna verament nemmnu x’inhi l-Ewkaristija? Nemmnu li l-Ewkaristija hija l-preżenza reali ta’ Kristu bid-divinità u bl-umanità tiegħu? Kristu huwa preżenti f’kull azzjoni liturġika li tiċċelebra l-komunità nisranija. Jekk tassew nemmnu li fl-Ewkaristija u fl-azzjoni liturġika tal-Knisja hemm il-preżenza ta’ Kristu, allura dawn qatt ma għandna nużawhom bħala pretest biex inwasslu messaġġ, jekk mhux dak ta’ Kristu! Qatt ma nistgħu nittolleraw li dak li għandu jkun espressjoni ta’ l-għaqda bejn Kristu u l-komunità nisranija, ninqdew bih biex naffermaw il-firda!

Kristu huwa assenti minn fost diversi familji tagħna – familji li jagħmlu minn kollox biex jinawguraw l-esperjenza tal-ħajja miżżewga proprju bis-sagrament taż-żwieġ. Aħna nemmnu jew ma nemmnux li fis-sagrament hemm il-preżenza ta’ Kristu, u li l-għarajjes jiċċelebraw u jissiġillaw l-imħabba li għandhom għal xulxin proprju fil-preżenza ta’ Kristu ħalli jqaddishom f’dan is-sagrament? M’għandhiex tuġgħana qalbna meta naraw li Kristu huwa assenti minn din il-“Knisja ċkejkna”, minn dan is-santwarju tal-familja?

Fejn hemm it-tbatija umana, Kristu għadu jbati

Marija ta’ Magdala tibki mhux biss għax tara li l-ġisem fiżiku ta’ Kristu mhuwiex hemm fil-qabar, imma tibki kull xħin tara l-bniedem ibati. Għaliex f’kull bniedem aħna naraw lil Kristu. Hu stess jgħidilna li “kull ma tagħmlu ma’ l-iċken minn dawn ħuti tkunu tagħmluh miegħi”. Meta lil Kristu staqsewh: “Meta kont għarwien u ma libbisniekx, meta kont bil-għatx u ma sqjeniekx, meta kont fil-ħabs u ma ġejniex inżuruk?”, Ġesù jwieġeb li dak kollu li aħna nagħmlu ma’ l-iċken wieħed fostna, inkunu nagħmluh miegħu. Kull bniedem huwa ħolqien ta’ Alla u mifdi minn Kristu. Għalhekk kull fejn hemm xi forma jew oħra ta’ tbatija, hemm Kristu jbati.

Bħalissa niftakar f’dawk li għaddejjin minn mumenti iebsin minħabba xi traġedja fil-familja. Ma nistax ma nħeġġiġkomx biex nitolbu għal dawk il-familji ta’ Marsaxlokk li ġarrbu t-telfien tal-għeżież tagħhom. F’dan in-niket hemm mhux familja jew tnejn, imma hemm komunità sħiħa tbati. Huwa fid-dmir tagħna li niftakru fihom u f’kull min qiegħed ibati. Ma nistgħux nibqgħu assenti u indifferenti quddiem it-tbatija umana.

Għandna persuni li qed ibatu minħabba t-tifrik tal-familja. Jiġuni f’moħħi dawk il-familji fejn parti jew oħra, mingħajr l-ebda raġuni serja u valida, taqbad u titlaq lill-parti l-oħra u tħalliha weħidha. Niftakar f’dawk l-ulied, partikularment dawk żgħar, ta’ koppji separati. Niftakar f’dawk il-ġenituri-nanniet li jsofru għax qed jassistu għad-dramma taż-żwiġijiet falluti ta’ wliedhom Dawn huma s-sofferenzi ta’ Kristu llum, u bħal Marija ta’ Magdala aħna għandna nħossu għalihom.

L-offiża ta’ l-indiċenza

Nara li Kristu jbati wkoll kull fejn hemm esperjenza tal-bniedem imneżża’ mid-dinjità umana tiegħu. Din id-dinjità tal-bniedem tkun feruta meta l-bniedem jiftaħar b’dak li suppost għandu jistħi minnu, u dan b’nuqqas ta’ rispett lejh innifsu u lejn l-oħrajn. Qegħdin f’dan il-post ta’ mistrieħ u divertiment. Ma nistgħux nagħlqu għajnejna għall-pjaga ta’ l-indiċenza fil-kliem, fl-atteġġjamenti u fl-ilbies. Aħna nemmnu li l-persuna għandha d-dinjità tagħha mhux biss bħala bniedem imma wkoll għax hija “tempju ta’ l-Ispirtu”. Nemmnu li dan il-ġisem għad jirxoxta, u għalhekk nirrispettawh u nitolbu li jiġi rrispettat kemm fil-privat u iktar u iktar fil-pubbliku.

Ġesù jħobb lil kull bniedem

Quddiem din is-sitwazzjoni, aħna ser noqogħdu nibku biss? Marija ta’ Magdala għamlet aktar minn hekk. Hija semgħet lil xi ħadd isejħilha: hija “daret u rat”. Daret biex tara min kien qiegħed isejħilha, għaliex wara spallejha kien hemm Ġesù li kienet għadha ma ndunatx bih, għax kienet tħares fuq il-vojt u tiffissa l-attenzjoni tagħha fuq is-sinjali li jixhdu l-assenza u n-nuqqas ta’ preżenza tiegħu. Kristu jsejħilha u hija ddur ħalli tikseb viżjoni ġdida u tiskopri li mhix hi li għandha qalbha tħabbat bl-imħabba għal Kristu, imma hu Kristu li qiegħed ifittex lilha; mhux hija qed tiġri warajh, imma Kristu qed jiġri warajha u wara kull bniedem.

Din hija l-aħbar it-tajba li hemm bżonn jagħraf il-bniedem tal-lum: Kristu għandu mħabba tal-ġenn għal kull persuna. Il-kelma li juża San Ġwann fil-Grieg tmur lil hemm mill-kelma “tara”. Il-verb użat huwa “tikkontempla”: il-Maddalena kkontemplat lil Kristu. Hi mhux biss tefgħet il-ħarsa tagħha fuq Ġesù imma ffisat ħarsitha fuqu. Dan huwa dak li aħna għandna bżonn, u dan huwa li qegħdin nagħmlu llejla f’din l-Ewkaristija. Iltqajna biex nagħmlu din il-manifestazzjoni pubblika ħalli flimkien ma’ Marija nkomplu nitfgħu l-ħarsa tagħna fuq Kristu li huwa r-raġuni tal-ħajja tagħna u x-xempju tal-ħajja Nisranija. Għax jekk inserrħu ħarsitna fuq l-Imgħallem, imbagħad naslu biex ngħinu oħrajn ħalli ma jibqgħux fit-tbatija, nwieżnu oħrajn biex la jikkawżaw tbatija u anqas joħolqu skandli.

Ġesù jgħid lil Marija ta’ Magdala: “Mur u għid lil ħuti”. Din hija l-unika darba li San Ġwann iqiegħed din il-kelma fuq fomm Kristu, fejn Ġesù jsejah lill-appostli u lid-dixxipli bħala ħutu. Aħna għandna “ħafna aħwa” li qed jistennew li nagħtuhom il-kliem ta’ Kristu nnifsu: “Jiena tlajt għand Missieri u Missierkom”. Li Kristu huwa Iben il-Missier u li rritorna għand il-Missier huwa fatt ċert; imma biex aħna nagħrfu lil Alla bħala Missierna u naslu għandu jrid ikun hemm l-impenn u esperjenza ta’ ħajja ta’ dixxipulat. Dan għandu bżonn il-bniedem tal-lum: li jerġa’ jiskopri l-wiċċ patern ta’ Alla. Huwa fatt li fid-dinja l-paternità u il-maternità umana qed ifallu. Imma jibqa’ fatt li l-paternità ta’ Alla l-Missier tibqa’ offerta kontinwa lil bniedem.

Missjoni Djoċesana

F’dawn il-ġimgħat il-Knisja f’Għawdex qed titħejja biex tinawgura l-Missjoni Djoċesana. Inħossni mqanqal biex lilkom nibgħatkom bħalma Kristu bagħat lil Marija ta’ Magdala: Morru għidu lill-aħwa li “Missierna” dejjem jistenniena. Il-Vanġelu ta’ Luqa jgħid li xħin Marija ta’ Magdala marret tagħti l-aħbar tal-qawmien ta’ Kristu lid-dixxipli, dawn ħasbuha li “qed thewden u ma emmnuhiex” (Lq 24). Tiskantawx u titfixklux jekk f’dawn il-mumenti ta’ tħejjija għall-Missjoni Djoċesana intom tħossu s-sejħa li tipparteċipaw f’din l-azzjoni ta’ rievangelizazzjoni, oħrajn qed iħarsu lejkom u jaħsbu li qegħdin thewdnu u ma jemmnukomx. Imma aħna rridu nkunu konvinti minn dan il-messaġġ li ħallielna Kristu – messaġġ li mhux biss huwa veritier imma tant meħtieġ għall-bniedem.

Billi l-missjoni li f’din is-siegħa Kristu qed jafda lill-Knisja f’Għawdex hija kbira u qaddisa, infittxu aħna wkoll ħalli nikkontemplaw lil Ġesù. Hekk il-qalb tagħna li hija marida bl-imħabba għalih, tkompli titħeġġeġ. Imbagħad inħossuna mibgħuta biex inkunu xhieda tal-misteru tal-qawmien: “Mur għidilhom li jiena tlajt għand Missieri u Missierkom”. Meta Kristu rebaħ fuq il-mewt, hu rebaħ fuq kull esperjenza tqila, tat-tbatija u tad-dnub. Ġesù mhux biss iridna inkunu msieħba miegħu fir-rebha fuq il-mewt, imma jridna nkunu missjunarji ta’ din il-verità.

Il-Verġni Imbierka, li kienet l-ewwel xhud tal-qawmien ta’ Kristu, takkumpanjana f’din il-missjoni.