SINJAL LI JMERUH
Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech fil-quddiesa pontifikali fl-okkażjoni tal-festa tal-Madonna tas-Sokkors, Kerċem, il-Ħadd 13 ta’ Lulju 2008.
Meta l-melħ jaqta’ ma jkun jiswa għal xejn ħlief biex jintrema; meta jgħaddi ż-żmien minn fuq il-ħmira, din ma tibqax tajba biex tgħolli l-għaġna. Dan kollu nistgħu napplikawh biex neżaminaw id-dinamiċità tagħna l-Kattoliċi.
Jekk aħna mlaqqmin fi Kristu…
X’jiswa illi fid-dinja hawn il-poplu nisrani jekk il-preżenza tiegħu mhix effettiva? Il-poplu Malti u Għawdxi fil-parti l-kbira tiegħu huwa magħmul minn persuni mgħammdin li jistqarru li jemmnu fi Kristu; imma kemm qed tinħass il-preżenza tagħna fis-soċjetà tal-lum? Kemm qed tidher id-differenza li suppost tagħmel il-preżenza tiegħi u tiegħek fis-soċjetà tagħna? Jekk hija preżenza li tagħti togħma bħalma jagħmel il-melħ u tbiddel l-għaġna kif tagħmel il-ħmira, allura hija preżenza li tfisser ħafna. Imma jekk din il-preżenza hija ineffettiva, allura nibża’ li għandna ħafna mistoqsijiet serji x’nagħmlu.
X’jiswa li aħna poplu li ngħixu bis-sagramenti jekk imbagħad aħna m’aħniex “sagrament ta’ Kristu” għall-oħrajn? Huwa minnu li l-ħajja tagħna tibda bil-magħmudija, tkompli bis-sagramenti tal-Ewwel Tqarbina, il-Griżma tal-Isqof, taż-Żwieg u tal-Ordni Sagri, imbagħad tintemm b’ċelebrazzjoni ta’ funeral Nisrani. Imma dan kif jissarraf fil-ħajja? Kieku aħna m’aħniex poplu mmarkat bil-preżenza tas-sagramenti u m’aħniex immarkati fil-karattru li jimmarkaw fina wħud mis-sagramenti, ħajjitna tieħu xeħta differenti minn dik evanġelika li suppost ħadna! Kull ħidma li dawk li huma mlaqqmin fi Kristu bil-magħmudija jwettqu fid-dinja, għandu jkollha “ruħ” speċifikament nisranija biex ħidmithom tħalli l-impronta tagħha fid-dinja. Huwa dan il-każ tagħna?
X’jiswa li f’pajjiżna niftaħru li għandna Knisja millenarja għax taf il-bidu tagħha lil Missierna Pawlu, imma ma tkunx Knisja li toffri esperjenza tal-“għamara t’Alla fost il-bnedmin”? X’jiswa jekk il-Knisja tagħna ma tkunx profetika, fis-sens li tgħin lill-bniedem jagħraf x’irid Alla minnu u hekk jordna aħjar il-ħajja tiegħu u ta’ madwaru skond l-ordni stabilit minn Alla! X’jiswa li għandna ħafna knejjes sbieħ ħafna, jekk imbagħad dan il-ġmiel estetitku ma jkunx rifless tal-ġmiel tal-ħajja Nisranija li jlibbes il-ħajja soċjali tagħna!
Jekk aħna m’aħniex lesti li nkunu sinjal ta’ kontradizzjoni – sinjal li jdaħħal fi kriżi lid-dinja, allura hemm bżonn nirrevedu l-professjoni tal-fidi tagħna u l-istess għażliet tagħna.
It-tbatija ta’ min jgħix ta’ Nisrani konvint
Fl-Ittra Pastorali li l-Arċisqof u jien wassalnielkom fil-Ftuħ tas-Sena Pawlina, innutajna li “fostna hawn ħafna tbatija u ħafna li qed ibatu”. Semmejna żewġ kawżi ta’ din it-tbatija. Hemm it-tbatija li hi l-misteru tal-ħajja – forma ta’ tbatija li lkoll ngħaddu minnha – , tbatija kiefra li xi drabi twassalna biex naħsbu li Alla abbandunana. Imbagħad semmejna dik it-tbatija li hija konsegwenza tal-ħażen tagħna stess, dik it-tbatija ta’ min huwa mkisser minħabba l-arroganza jew l-abbuż ta’ ħaddiehor, minħabba l-vjolenza jew l-egoiżmu ta’ ħaddiehor!
Imma llum nixtieq insemmi forma oħra ta’ tbatija: dik it-tbatija li jġarrab min irid jagħti xhieda ta’ Kristu – it-tbatija li jgħaddi minnha min jaċċetta s-sejħa li jkun sinjal ta’ kontradizzjoni! Għaliex minħabba t-twemmin tiegħu fi Kristu wieħed ikun sinjal li jmeruh, dan isib ruħu waħdu, emarġinat, ikkalunnjat u umiljat. Imma kemm minna qegħdin ibatu minħabba Kristu? Għal kemm minna toqgħod il-kelma tal-Imgħallem meta jgħid li min irid jimxi warajh, irid jerfa’ salibu ta’ kuljum u jimxi warajh? Kemm aħna lesti li din ir-reliġjon li aħna niċċelebraw bil-festi – u nagħmlu sewwa niċċelebrawha! – ninkarnawha fil-ħajja tagħna ta’ kuljum bl-istil ta’ ħajja li ngħixu? Dwar dan, b’qalb muġugħa nistqarr li għandi d-dubji tiegħi!
L-Ittra lil Dionjetu, dokument letterarju tal-ewwel żminijiet tal-Knisja, tagħti din id-deskrizzjoni tal-komunità nisranija ta’ dak iz-zmien: “l-Insara waqt li qed isibu posthom fl-ibliet Griegi u Barbari, qed jaddattaw ruħhom għall-ilbies, l-ikel u d-drawwiet tal-post, u fl-istess waqt huma jagħtu xhieda ta’ metodu ta’ ħajja soċjali ta’ min jammiraha u, kif jista’ jistqarr kulħadd, paradossali”. Fi kliem ieħor, il-preżenza tal-insara fil-belt kienet tikkontrasta u tiddistingwi ruħha mal-istil tal-ħajja taċ-ċittadini l-oħra.
Qudidem Alla neżortakom biex neżaminaw lilna nfusna u nistħarġġu jekk din id-deskrizzjoni tapplikax għalina llum! Nistaqsu ftit lilna nfusna jekk aħniex qed nadattaw rwieħna mal-ħajja tal-lum imma fl-isess ħin l-istil ta’ ħajjitna huwiex jiddistingwi ruħu kristjanament, u jekk il-preżenza tagħna fis-soċjetà hijiex preżenza paradossali li tqanqal domandi f’min josservana. Forsi xi wħud jonqoshom il-kuraġġ li jagħmlu dan l-eżami ta’ kuxjenza għax frott id-dgħjufija u ġjufija tagħna m’aħniex lesti li nimxu fuq il-passi ta’ Kristu! Kontra l-parir patern tal-Appostlu Pawlu, ahna qed nimxu max-xejra ta’ din id-dinja!
Ġesù msallab hu sinjal ta’ kontradizzjoni
Għażilt li nitkellem magħkom dwar din l-isfida dalgħodu meta l-komunità parrokkjali qed tiċċelebra l-festa f’ġieħ il-Madonna tas-Sokkors għaliex l-Evanġelju li tħabbrilna (Ġw 19,25-27) ipoġġi għall-meditazzjoni tagħna l-ikona ta’ Marija wieqfa ħdejn Kristu msallab, u ħdejha hemm id-dixxiplu l-maħbub li jirrappreżenta lil kull wieħed u waħda minna.
Meta nikkontempla din ix-xena, inħossni mbuttat biex indur fuq Marija u nitlobha tagħtina s-sokkors tagħha biex aħna ma nistħux inxandru lil Kristu msallab, “bluha għall-pagani u sinjal ta’ kontradizzjoni u skandlu għal-Lhud”! X’jiswa li aħna nilqgħu lil Marija bħala Omm tagħna jekk imbagħad nibqgħu passivi, jekk mhux ukoll ittentati biex nirrifjutaw lil Kristu msallab? Huwa minnu li mhux faċli għad-dixxipli ta’ Kristu llum li jerfgħu s-salib ta’ kuljum, li jagħtu xhieda tal-qawwa tal-salib! Proprju għalhekk inħoss li għandi nagħmel appell lilkom u lill-Knisja f’Għawdex biex fis-siegħa tal-lum nitolbu lil Marija tagħtina dan is-sokkors speċifiku li tant neħtieġu: li tieqaf magħna biex ma nċedux wieqfa ħdejn is-salib, li s-salib ikun għalina l-għelm tal-ħajja tagħna. Kif għidna fl-Ittra Pastorali, nixtiequ li l-Knisja tagħna tkun tista’ tgħid ma Pawlu: “ma ppretendejtx li kont naf xi ħaġa fostkom ħlief lil Ġesù Kristu u lil dan imsallab” (1Kor 2,2).
Il-ġrajja tal-kalvarju li jirrakkonta l-evanġelista San Ġwann tiftiehem aħjar fid-dawl tar-rakkont li jagħtina Luqa dwar il-preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-tempju. Hemmhekk xħin il-profeta Xmun jieħu f’idejh it-tarbija, huwa jgħid lil Marija: “Dan għad ikun sinjal ta’ kontradizzjoni u sejf għad jinfidlek ruħek” (Lq 2,34-35). Il-Papa Ġwanni Pawlu II fl-enċiklika tiegħu “Ecclesia de Eucharistia” jikkumenta li b’dan il-kliem gie mħabbar minn qabel id-dramm tal-Iben imsallab u b’xi mod anke l-iStabat Mater tal-Verġni f’riġlejn is-salib.
Meta jikkumenta dwar x’jista’ jfisser li Ġesù jkun sinjal li jmeruh, Oriġene jgħid li hemm min jitfixkel minħabba dak kollu li jgħallem Kristu fl-Evanġelju; hemm imbagħad dawk li jitfixklu minħabba li Kristu huwa l-Iben t’Alla, u allura jiċħdu d-divinità tiegħu. Anke llum sfortunatament hemm għalliema u teoloġi li jiddubitaw mid-divinità ta’ Ġesù. Wieħed minn dawn kontemporanju tagħna huwa Jon Sobrino, li jippreżenta lil Kristu bħala difensur tad-drittijiet tal-foqra, imma mbagħad huwa dubjuż dwar Kristu bħala l-Iben t’Alla. Jekk Kristu mhux l-Iben t’Alla, x’motiv aħna għandna biex niddedikaw ħajjitna għalih? Bħal dak it-teologu, jista’ jkun hawn persuni fostna li fi kliemhom u għemilhom ma jagħtux xhieda li jemmnu li Ġesù huwa tassew l-Iben t’Alla. Oriġene jgħid li hemm min jitfixkel minħabba l-umanità ta’ Kristu u għalhekk jiċħad il-maternità divina ta’ Marija!
Skond San Bażilju u San Ċirillu ta’ Lixandra, meta Xmun jindika lil Ġesù bħala sinjal ta’ kontradizzjoni, huwa kien qed jirreferi għal Kristu fuq is-salib. Infatti, meta Kristu nnifsu jgħid li “kif Mosè refa s-serp fid-deżert hekk jeħtieġ li jkun merfugħ Bin il-bniedem biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3,14), huwa kien qed jirreferi għal dak li nsibu fil-Ktieb tan-Numri fejn, skond il-verżjoni tal-Bibbja tas-Sebgħin (LXX), l-arblu li fuqu Mosè waħħal is-serp tal-bronż huwa msejjaħ “sinjal”. Għalhekk Kristu fuq is-salib huwa sinjal ta’ kontradizzjoni. Miegħu kien hemm wieqfa Marija ommu.
Esikju ta’ Ġerusalemm jgħallem li l-Kurċifiss huwa sinjal ta’ kontradizzjoni għaliex fih hemm ġabra ta’ tbatija u għeġubijiet fl-istess ħin. Kristu huwa mneżża’, imma fl-istess waqt ix-xemx teklissa. Kristu huwa mwaħħal bl-imsiemer mas-salib, imbagħad l-art titriegħed u tinteftaħ u l-blat jinqasam. Waqt li l-kustat ta’ Kristu huwa miftuħ bil-lanza, l-oqbra jinfetħu u minnhom joħorġu l-mejtin. Esikju josserva li quddiem dan is-salib kien hemm min tfixkel u ma emminx li Ġesù huwa l-Iben t’Alla, tant li kien hemm min biex jirridikulah: “Jekk int l-Iben t’Alla, inżel minn fuq is-salib!”. Imbagħad kien hemm min bħaċ-Ċenturjun għamel stqarrija tal-fidi: “Dan kien tassew l-Iben t’Alla”. Ġesù msallab għadu sinjal ta’ kuntradizzjoni llum!
Ħdejn is-salib kien hemm il-Verġni Marija. Skond it-tagħlim tal-Missirijiet tal-Knisja, meta Xmun qalilha li sejf jinfdilha ruħha, hu kien qed jirreferi għar-reazzjoni ta’ Marija quddiem Binha fuq is-salib! Oriġene jgħallem li fuq il-Kalvarju Marija wkoll kienet ittentata li titfixkel fil-preżenza tal-Kurċifiss, sinjal ta’ kontradizzjoni! San Ġwann Damaxxenu jgħid li għalkemm Marija ma ġarrbitx tbatija fit-twelid ta’ Ġesù, ħdejn Binha msallab Marija hija l-mara ta’ duluri kbar. Imma Marija ma titfixkilx; hi tagħti xhieda li hija temmen fil-qawwa tas-salib. Hija emmnet li l-aħħar kelma għal Ġesù ma kienitx is-salib imma l-Qawmien.
Għalhekk insejjaħ il-patroċinju tal-Omm tas-Sokkors li fuq s-salib Ġesù tahilna bħala dik l-Omm li tilqa’ għandha lid-dixxipli kollha tal-Mulej, imsejhin biex fid-dinja jkunu “skandlu” fis-sens pożittiv tal-kelma. Fis-sens negattiv tal-kelma għandna biżżejjed skandli, ġejjin minn fejn ġejjin! Jekk ma nagħtux din ix-xhieda tas-salib, qed nagħmlu ħsara kbira! Il-Knisja kollha għandha titlob lil Marija dan is-sokkors biex ilkoll nibqgħu mexjin wara Kristu msallab u nkunu fid-dinja tal-lum dan is-sinjal ta’ kontradizzjoni fid-diversi oqsma tal-ħajja.
Bżonn li nkunu xhieda ta’ Kristu msallab
Hemm bżonn nagħtu din ix-xhieda f’soċjetà tagħna li aktar għandha mill-ispirtu pagan milli mill-ispirtu Kristjan; soċjetà li qed tgħix daqslikieku Alla ma jeżistix! Għandna poplu li nofsu jmur il-quddiesa fil-jum tal-Ħadd, imma mbagħad m’inhiex konvint li għandna ħamsin fil-mija tal-poplu li jagħti xhieda! Din hija kontradizzjoni kbira. Veru li llum irid ikollok il-kuraġġ biex f’ċerti ambjenti tistqarr li temmen f’Alla! Huwa minnu li xi drabi minħabba l-mod kif titkellem, bl-għażliet li tagħmel, bl-istil ta’ ħajja li taċċetta inti turi li temmen fi Kristu msallab, imma ser issib min jiddiehak bik u jgħajrek iblah! Imma dan qaluh lil Ġesù Kristu qabel qaluh lilna. Biex ma nċedux quddiem dawn l-isfidi, nitolbu l-għajnuna lil Marija.
Hemm bżonn nagħtu xhieda ta’ Kristu msallab f’soċjetà frantumata, fejn m’hemmx il-għaqda, fejn hemm il-Ġakbiniżmu, fejn hemm min għandu interess li jiżra’ l-firda, fejn hemm min hu lest li jiżżewweġ mal-gidba u mhux mas-sewwa – u dan b’riskju li nfarrku lil ħaddiehor. Anke f’dan il-kamp jeħtieġ li jkollna l-kuraġġ li ngħixu l-kmandament tal-karità u nfittxu li nagħmlu ġustizzja. Flok ma nimxu mal-kurrent u nagħlqu fommna quddiem dawn l-isfreġji, akkost tal-prezz li jkollna nħallsu, għax nemmnu fil-qawwa ta’ Kristu msallab aħna naslu biex inħobbu li min ma jħobbniex, inħaddnu lil min irid jitbiegħed, infejqu fejn hemm il-ġerħat tal-firda.
Hemm bżonn ta’ preżenza Nisranija aktar effettiva fil-familji tagħna. Ma ngħejjix intenni li hemm bżonn insostnu u nikkuraw il-familja Maltija. Hawn min għandu fehmiet dwar il-familja li mhux biss huma differenti minn dak li jgħidilna l-Evanġelju, imma wkoll minn dak li huwa preeżistenti għall-Evanġelju: il-liġi naturali! Qed nitkellem dwar l-indissolubilità taż-żwieġ. Id-diskors biex f’pajjiżna jkun hawn id-divorzju jew diskussjoni dwar id-divorzju, huwa diskors perikloluż mhux biss għall-komunità Nisranija imma għas-soċjetà ċivili kollha. Id-diskussjoni urġenti li għandha bżonn issir hi dwar kif ser insaħħu l-familja! Irrid nittama li xħin tasal is-siegħa nkunu lesti li nintgħażlu mill-bqija tas-soċjetà – mhux b’attituddni ta’ superjorità jew ta’ kundanna, imma għax konvinti li l-verità li aħna nħaddnu dwar iż-żwieġ u l-familja hija verità li tirrispetta d-dinjità tal-persuna umana. Lil min isemmi d-diffikultajiet li wieħed jew waħda jgħaddu minnhom minħabba falliment fiż-żwieġ, nappellalhom dak li għidna aktar ’il fuq: kunu sinjal ta’ kontradizzjoni! Jekk żewġek telaq jew martek ħallietek, il-komunità nisranija tifhmek, timxi miegħek, taqsam miegħek it-tbatija li ġġarrab għax inti waħdek. Imma ibqa’ kun sinjal ta’ kontradizzjoni fid-dinja tal-lum billi tagħti xhieda li temmen mhux biss fis-sagrament taż-żwieġ imma wkoll fil-valur taż-żwieġ li ma jinħallx.
Missjoni Djoċesana
Omm tagħna tas-Sokkors, is-soċjetà tagħna għaddejja minn mumenti kritiċi li qed isejħulna b’qawwa aktar minn qatt qabel biex bix-xhieda tagħna ta’ Kristu msallab aħna nkunu sinjal ta’ kontradizzjoni. Nitolbok, Marija, ieqaf mal-Knisja tagħna meta fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin ser nagħmlu Missjoni Djoċesana.
Din il-Missjoni nixtiequha tkun azzjoni tal-komunità djoċesana kollha flimkien biex inqumu mill-ħajja abitwali tagħna u niskopru l-ġdid ta’ Kristu u l-Evanġelju tiegħu, biex nimtlew b’enerġija ġdida u ntajru minn fuqna l-apatija u l-indifferenza li qed jifnuna, inwarrbu minn fostna ċertu tagħlim u prassi żbaljati li għandna fil-Knisja tagħna. Din hija l-proposta li qed tagħmel il-Knisja f’Għawdex għas-Sena Pawlina.
Qed insemmiha dalgħodu f’dan il-mument solenni tal-ħajja parrokkjali apposta biex nurikom kemm il-Missjoni Djoċesana għandha tkun esperjenza ekkleżjali straordinarja. Nittama li meta ftit ġimgħat oħra jiġi fostkom il-Kappillan tagħkom, li huwa r-rappreżentant tiegħi fil-parroċċa, u jistedinkom biex tgħinuna nwettqu din il-Missjoni, Ommna tas-Sokkors tqanqalkom, tispirakom, timbuttakom biex fuq l-eżempju tagħha u bl-għajnuna tagħha aħna mhux biss nieqfu ħdejn Kristu msallab biex nagħtu xhieda tiegħu lid-dinja ta’ madwarna, imma mmorru fil-familji tagħna biex inwasslulhom is-Salib ta’ Kristu – sinjal ta’ kontradizzjoni imma l-għelm tar-rebħa definittiva tagħna.