Omelija ta’ l-Isqof Mario Grech fil-Pontifikal tal-Festa ta’ San Pietru u San Pawl, Nadur – Il-Ħadd 29 ta’ Ġunju 2008.
Il-valuri Kristjani sawwru l-bidu ta’ l-Unjoni Ewropea
Għalkemm aħna llum niffurmaw parti mill-Unjoni Ewropea, ftit jgħaddilna minn moħħna li meta ftit aktar minn ħamsin sena ilu l-fundaturi waqqfu din ir-realtà, huma ma kellhomx biss viżjoni ekonomika imma kellhom ukoll viżjoni spiritwali, tant illi hemm min jiddeskrivi t-twaqqif tal-komunità Ewropea bħala att spiritwali.
Il-fundaturi kienu Robert Schuman – li kien ministru ta’ l-affarijiet barranin Franċiż, il-kanċellier Ġermaniz Konrad Adenauer, u Alcide De Gaspari – statista Taljan. Dawn it-tliet politiċi mhux biss kienu kattoliċi, imma kienu jemmnu li t-tagħlim soċjali tal-Knisja seta’ jagħti kontribut għall-Ewropa ġdida. Fl-1950 huma xtaqu jwelldu realtà illi, filwaqt li jkollha għanijiet ekonomiċi, l-għan veru tagħha kellu jkun li fl-Ewropa jkun hawn ir-rikonċiljazzjoni u li tiġi eżerċitata l-maħfra reċiproka li twassal għall-paċi.
L-anzjani tagħna jiftakru li fis-snin 50 l-Ewropa kienet għadha ħierġa minn gwerra, u allura riedet tlaqqa’ flimkien lill-Ġermanja u Franza u biex, minkejja l-vjolenza, it-terrur u l-qerda li kien hemm, jaħdmu flimkien għall-ġid tal-bniedem billi jaħfru lil xulxin u jagħmlu paċi. Il-maħfra u l-paċi kienu l-valuri inizjali li waqqfu dik ir-realtà!
Meta f’Settembru 2007 il-Papa Benedittu XVI kien l-Awstrija u hemm indirizza lill-awtoritajiet ċivili u lill-ambaxxaturi, hu osserva li spiss nitkellmu minn “mudell ta’ ħajja Ewropeja”. Dan ifisser li għandna ordni soċjali li jwaħħad flimkien ekonomija tajba msieħba ma’ dik li tissejjaħ ġustizzja soċjali; ifisser li għandna pluraliżmu politiku, imma li dan il-pluraliżmu ikun animat mis-sens ta’ tolleranza, ġenerożità u apertura għall-oħrajn; fuq kollox jimplika li għandna patrimonju ta’ valuri Kristjani. Wieħed jistaqsi: x’ġara minn dan il-mudel ta’ ħajja ewropea?
Proprju fit-28 ta’ Gunju fl-2003 il-Papa Ġwanni Pawlu II tana dokument importanti ħafna – “Ecclesia in Europa”: eżortazzjoni frott tas-Sinodu li sar dwar l-Ewropa. Fost affarijiet oħra, il-Papa jgħid li waqt li l-Ewropa qed tissaħħaħ fl-aspett ekonomiku u politiku, għaddejja minn kriżi ta’ valuri. Għandha riżorsi kbar, imma m’għandhiex qawwa li tagħti raġuni ta’ tama liċ-ċittadini tagħha.
Ir-riskju ta’ l-apostasija tal-valuri
Meta s-sena l-oħra l-Ewropa ċċelebrat il-ħamsin sena tagħha mit-trattat tal-fundazzjoni, li huwa it-Trattat ta’ Ruma, aħna l-Isqfijiet Ewropej kellna laqgħa ma’ Papa Benedittu fejn qalilna li l-Ewropa tippretendi li hija komunità ta’ valuri, imma fl-istess waqt qed tiċħad il-valuri universali u assoluti. Dan ifisser li l-Ewropa mhux biss qed tagħmel apostasija minn Alla, imma apostasija minnha nnifisha wkoll għax qed tiċħad l-identità proprja tagħha.
Fir-realtà tal-lum donnu li dak li jgħodd huwa dak li l-bniedem ser jikseb. Id-dixxerniment li qed tagħmel is-soċjetà huwa mmexxi mill-prinċipju ta’ l-utilità, u allura wasalna fiż-żmien fejn għandna atteġġjament pragmatiku li jiġġustifika l-kompromess dwar valuri umani essenzjali. F’din ir-realtà hemm riskju li aħna nitilfu d-direzzjoni tal-ħajja tagħna.
Hemm diversi areas li dwarhom hija meħtieġa riflessjoni serja. Hemm r-rikonoxximent tal-patrimonju reliġjuż u kristjan ta’ l-Ewropa. Hemm ir-rispett għad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, l-ewwel u qabel kollox id-dritt għall-ħajja. Il-ħajja umana għandha tiġi mħarsa mill-bidunett tat-tnissil naturali tagħha sat-tmiem naturali tagħha. Hemm id-dritt għall-ħajja fil-familja li tkun mibnija fuq iż-żwieġ bejn mara u raġel. Hemm ukoll valuri li għandhom x’jaqsmu ma’ l-ekonomija, fis-sens ta’ solidarjetà li għandu jkun hemm bejn dawk il-pajjiżi li għandhom u dawk li m’għandhomx.
Jacques Delors, li kien president tal-Kummissjoni Ewropea, darba kkumenta li “jekk ma nagħtux ruħ, spiritwalità u tifsira lill-Ewropa, inkunu tlifna l-logħba. Bit-talent ġuridiku biss u bin-know how ekonomiku, l-Ewropa hija kkundannata.
Viżjoni nisranija għal Ewropa aktar b’saħħitha
Quddiem din ir-realtà fejn qegħdin naraw il-valuri mhedda, x’inhi l-proposta nisranija?
Dak li ngħata bidu għalih fl-1950 u li mbagħad ġie ffirmat fit-Trattat ta’ Ruma, ħafna u ħafna snin qabel kien issiggillat ġewwa Ruma bid-demm ta’ Pawlu u Pietru, għaliex kienu huma li mhux biss ippridkaw il-messaġġ ta’ Kristu, imma ssiġillaw l-Evanġelju bid-demm tagħhom fil-martirju.
F’din is-Sena Pawlina, nixtieq inqiegħed għall-attenzjoni tagħkom il-fatt li jaċċenna għalih il-qari mill-Atti ta’ l-Appostli (16,6-10), jiġifieri li Pawlu kien l-ewwel li evanġelizza lill-Ewropa. Pawlu kien l-ewwel missjunarju għall-Ewropa. Fl-Atti ta’ l-Appostli qrajna li Pawlu u Silas kienu ġewwa Traos, fl-Asja Minuri (it-Turkija) u għal darbtejn l-Ispirtu ta’ Alla waqqafhom milli jkomplu b’dak il-vjaġġ missjunarju. Imbagħad bil-lejl Pawlu kellu dehra ta’ raġel mill-Maċedonja (Greċja) li talab lil Pawlu biex imur jgħinhom. Pawlu jinterpreta dik il-ħolma bħala messaġġ mingħand Alla biex iwassal il-Vanġelu f’din id-dinja ġdida. Infatti Pawlu ħalla l-Asja Minuri u telaq lejn il-Maċedonja li fetħitlu l-bieb għall-Ewropa. Kien hemmhekk li Pawlu fil-ħidma tiegħu ta’ xandâr tal-Vanġelu u appostlu ta’ Kristu beda jpoġġi l-pedament ta’ dik li hija l-Ewropa llum.
San Pawl missjunarju ta’ l-Ewropa
Inħares lejn Pawlu bħala missjunarju ta’ l-Ewropa mhux biss għaliex wettaq ħidma fil-Maċedonja, fil-belt ta’ Filippi, fil-belt ta’ Tessalonika li huma kollha fl-Ewropa, imma għaliex wettaq ukoll l-evanġelizzazzjoni tiegħu f’Malta, f’Ċipru u Ruma. Hemm min jgħid li Pawlu wasal sa Spanja, jew almenu kellu x-xewqa li jasal Spanja. Fl-epistolarju ta’ Pawlu għandna dak li huwa “epistolarju Ewropew”, għaliex għandna l-ittra mibgħuta lill-Knisja ta’ Filippi, żewġ ittri mibgħuta lill-Knisja ta’ Tessalonika u ittra oħra mibgħuta lill-Knisja f’Ruma,
Kif għidnilkom fl-ittra pastorali jiena u l-Arċisqof, huwa ferm importanti li din is-Sena (Pawlina) ma tkunx festa ta’ ċelebrazzjonijiet li jgħaddu imma tkun sena li matulha nħallu lil Pawlu jiggwidana fiċ-ċpar ta’ żmienna fejn tidħol il-verità tal-fidi u fejn aħna nistgħu nagħżlu li noqogħdu lura għax nibżgħu jew nistħu. Nixtieq li nħarsu lejn Pawlu bħala dak li ta kontribut insostitwibli lill-bniedem li jgħix fl-Ewropa.
Il-kontenut tal-predikazzjoni ta’ Pawlu
X’kontenut kellha l-predikazzjoni ta’ Pawlu? Nieħu tliet siltiet minn dawn l-ittri li semmejtilkom. Fl-ewwel ittra lit-Tessalonkin Pawlu jitkellem dwar l-għażla li Alla jagħmel tal-poplu ta’ Tessalonika biex dan ikun il-poplu tiegħu: “Alla jħobbkom u sejħilkom” (1,4). Nista’ ngħid li anke llum Pawlu qiegħed ifakkarna f’din is-sejħa tagħna: li aħna mhux biss ġens Malti, m’aħniex biss ċittadini Ewropej, imma aħna l-magħżulin ta’ Alla; aħna l-poplu ta’ Alla! Alla ħa grazzja magħna u ried ilaqqagħna ma’ Ibnu Ġesù biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem. Ħa tkun is-Sena Pawlina sena ta’ grazzja li fiha aħna niġu aktar konxji u nħossuna kburin li aħna l-magħzulin ta’ Alla. Alla għandu pjan għalina, u rridu naraw kif dan il-pjan inwettquh.
Fl-ittra tiegħu lill-Filippin Pawlu jagħtihom is-sustanza tal-messaġġ tal-Vanġelu meta jkanta dak l-innu sabiħ lil Kristu: “Għad li kellu n-natura ta’ Alla ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, imma xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir, sar bħalna l-bnedmin u deher minn barra bħala bniedem, ċekken lilu nnifsu billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib. Għalhekk Alla għollih sas-smewwiet u żejnu bl-isem li hu ’l fuq minn fuq kull isem biex fl-isem ta’ Ġesù, fis-sema, fl-art u f’qiegħ l-art, il-ħlejjaq kollha jinżlu għarkubbtejhom u kull ilsien jistqarr: ‘Ġesù Kristu hu l-Mulej għall-glorja t’Alla l-Missier’.” (4,6-11). Dan hu l-Mulej Ġesù li Pawlu ġġennen għal warajh. Pawlu li jgħid li l-imħabba ta’ Kristu saqitu biex iwassal din il-Bxara t-Tajba mhux biss lill-Lhud imma lill-ġnus. Meta ngħidu li huwa Appostlu tal-Ġnus inkunu ngħidu wkoll li huwa appostlu tagħna l-Ewropej – hu ġie fostna biex iwasslilna l-Bxara t-Tajba ta’ Kristu.
F’dak l-innu Kristoloġiku għandna l-verità tal-misteru ta’ l-inkarnazzjoni. Liema Alla huwa daqshekk qrib tagħna l-bnedmin li bagħat lil Ibnu li sar bniedem bħalna u għammar fostna biex aħna nkunu nistgħu nipparteċipaw mill-ħajja tiegħu?! Il-misteru ta’ l-inkarnazzjoni għadu jirrealizza ruħu llum fil-misteru tal-Knisja.
Fl-istess innu Pawlu jitkellem dwar il-misteru tas-salvazzjoni: “Kien ubbidjenti sal-mewt u Alla għollih ’il fuq mis-smewwiet”. Dan huwa l-misteru tal-mewt u l-qawmien ta’ Kristu. Fl-ittra pastorali tal-lum ngħidu li Kristu deher fis-sebħ tiegħu fuq is-salib glorjuż – dan hu Kristu li Pawlu xandar u ħaddan u li fih emmen bis-sħih. Inħoss li għandna niskopru l-ġmiel, is-sbuħija, il-glorja ta’ Kristu msallab għaliex jimmanifesta l-imħabba infinita ta’ Alla. Meta aħna niskopru lil dan Kristu li miet u qam għalina, aħna nistgħu ngħidu dak li jgħid Pawlu lill-Filippin: “Jiena nqis kollox bħala telf ħdejn il-qliegħ kbir li hemm li nagħraf lil Kristu Ġesù Sidi… Irrid nagħraf il-qawwa tal-qawmien tiegħu mill-imwiet u naqsam miegħu t-tbatijiet tiegħu u nsir nixbhu fil-mewt” (3,8-11). Għandna dan l-entużjażmu li Pawlu kellu għal Kristu? Ħa tkun din is-Sena Pawlina mument ta’ grazzja biex aħna, pajjiżna, l-Ewropa tagħraf mill-ġdid lil Kristu u l-qawwa tas-salib tiegħu!
Pawlu jitkellem ukoll fl-ittra lir-Rumani dwar x’jiġrilhom dawk li jagħlqu għajnejhom għall-Bxara t-Tajba: “Billi l-bnedmin ma għoġobhomx jagħrfu sewwa lil Alla, Alla rħielhom fil-fehemiet ħżieba tagħhom biex jagħmlu dak li ma jixraqx. Imtlew b’kull xorta ta’ inġustizzja u ħażen, rebgħa, dnewwa, għira, qtil, ġlied, qerq, malizzja u tqassis kontra xulxin” (1,28). Pawlu jkompli jgħid li lil dawn Alla jitlaqhom għall-ġibdiet ħżiena tagħhom, u jsemmi eżempji. Jgħid li n-nisa bidlu l-użu naturali ma’ l-użu kontra n-natura; l-irġiel ħallew l-użu naturali mal-mara, u xegħelu bil-passjoni għal xulxin, irġiel ma’ rgiel biex jagħmlu ħwejjeġ blaġieħ (ara Rum 1,26-27). Din hija r-realtà tal-lum fl-Ewropa. Dak li Pawlu jikteb fl-ittra tiegħu lir-Rumani nistgħu napplikawh għalina. Nisimgħu ħafna dwar x’qed jiġri madwarna u liema proposti qed isiru fl-istituzzjonijiet għolja ta’ l-Ewropa dwar dan is-suġġett. Bħala nsara għandu jkollna tweġiba quddiem dawn il-fatti. Nerġa’ ntenni li Pawlu jiggwidana fiċ-ċpar ta’ żmienna fejn tidħol il-verità tal-fidi u fejn aħna nistgħu nagħżlu li noqogħdu lura għax nibżgħu jew nistħu!
Is-Sena Pawlina: sena ta’ grazzja
Quddiem din ir-realtà aħna nagħrfu kemm għandna xorti kbira li meta Pawlu ġie f’pajjiżna tana d-don tal-fidi li bih nagħrfu lil Kristu. Anke jekk xi drabi jista’ jidher li din il-fidi qed tinkalja, nemmen li għadna fil-ħin mhux biss biex aħna nistagħnew fiha imma wkoll biex ngħadduħa lil oħrajn.
Ftit tal-gimgħat ilu l-Papa Benedittu kellu laqgħa ma’ l-ambaxxatur tal-Greċja u kellmu wkoll dwar is-Sena Pawlina; u qallu: “Kemm nixtieq li s-Sena Pawlina tkun katalist illi jġib bidla bil-qawwa tal-Vanġelu fl-Ewropa!” Din hija x-xewqa tiegħi ukoll. Nitolbu lil Alla biex is-Sena Pawlina ġġib splużjoni tal-fidi f’pajjiżna li tħarrikna u terġa’ tqabbadna it-triq wara Kristu.
Inħeġġiġkom biex is-Sena Pawlina tkun tassew katalist li joħloq fina riflessjoni serja dwar l-istorja ta’ l-Ewropa, u hekk niskopru mill-ġdid il-patrimonju ta’ valuri nsara li għal sekli sħaħ kien jifforma r-ruħ u l-ispiritwalità tagħha. Wiehed jistenna li r-rappreżentanti tal-poplu tagħna, kemm fl-istrutturi ta’ pajjiżna kif ukoll f’dawk Ewropej, jikkontribwixxu biex il-valuri assoluti u universali jkunu rispettati fid-deċiżjonijiet politiċi u amministrattivi li jittieħdu f’dawn l-istess strutturi.
Nagħmel sejħa lil kulħadd biex fix-xhur li ġejjin naħdmu flimkien biex is-Sena Pawlina tkun sena ta’ grazzja – tkun katalist fl-Ewropa u f’pajjiżna, ħalli lil Pawlu l-evanġelizzatur tagħna nagħtuh raġun u nħallulu Knisja – dik il-Knisja li huwa waqqaf f’Tessalonika, f’Filippi, fil-Maċedonja, f’pajjiżna, fl-Ewropa – li tibqa’ wieqfa biex tkompli tagħti glorja lil Alla u servizz lill-bniedem tal-lum.