- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

L-Isqof Mario Grech jiftaħ is-Sena Pawlina fid-Djoċesi ta’ Għawdex

Posted By admin On June 30, 2008 @ 7:38 am In Sena Pawlina 2008-2009 | Comments Disabled

The [1] Flash Player and [2] a browser with Javascript support are needed..

[3] Iktar ritratti 

Il-bieraħ, is-Sibt 28 ta’ Ġunju 2008, l-Isqof Mario Grech fetaħ uffiċċjalment is-Sena Pawlina fid-Djoċesi ta’ Għawdex. Iċ-ċelebrazzjoni tal-ftuħ tas-Sena Pawlina saret fil-parroċċa bażilika tan-Nadur, iddedikata lill-Appostli Pietru u Pawlu, li kienet qed tiċċelebra l-festa parrokkjali ad unur tal-qaddisin patruni. Flimkien ma’ l-isqof issieħbu l-kapitlu tal-Kolleġġjata tal-Bażilika, il-Kappillani, xi saċerdoti u reliġjużi, u diversi lajċi minn parroċċi Għawdxin, u speċjalment il-komunita’ parrokkjali tan-Nadur.

Iċ-ċelebrazzjoni tal-Ftuħ tas-Sena Pawlina kien fiha erba’ taqsimiet:
1. il-Proklamazzjoni tas-Sena Pawlina u l-ftuħ simboliku tal-bieb tal-Bażilika;
2. it-Translazzjoni bir-relikwiji tal-qaddisin;
3. it-talba ta’ l-Ewwel Għasar tas-Solennita’ ta’ San Pietru u San Pawl;
4. il-barka sagramentali.

Fl-ewwel parti taċ-ċelebrazzjoni Mons Isqof Grech mexxa mument qasir ta’ talb fuq iz-zuntier tal-Bażilika, fejn stieden lill-ġemgħa miġbura biex tiftaħ qalbha għal Kristu u tilqa’ s-Sena Pawlina bħala sena ta’ grazzja u stedina biex l-insara tad-djoċesi jersqu iżjed lejn Kristu, fuq l-eżempju u bl-għajnuna ta’ l-ittri li ħallielna l-Appostlu Missierna. Imbagħad Mons Isqof fetaħ il-bieb tal-bażilika, sinjal simboliku ta’ l-istedina li qed tagħmlilna l-Knisja biex inħossuna u ngħixu l-fidi tagħna f’komunjoni ma’ Kristu u bejnietna, bħala l-poplu ta’ Alla, il-Ġisem Mistiku ta’ Kristu.

Imbagħad Mons Isqof flimkien mal-kapitlu tal-kolleġġjata, mal-kappillani, u ma’ xi saċerdoti mexxa t-Translazzjoni mill-knisja tal-Qalb ta’ Ġesu’ għall-Bażilika, fejn tkantat l-antifona tal-qaddisin martri.

Mons Isqof Grech mexxa l-Għasar solenni, akkumpanjat mill-orkestra u l-kor ta’ l-istess Bażilika, taħt id-direzzjoni tal-Kan Joseph Grech. Għall-okkażjoni tħejja librett bil-Latin u bil-Malti biex il-poplu jkun jista’ jsegwi u jipparteċipa fit-talba ta’ l-Għasar. Kif osserva Mons Isqof stess, dan kien mument sabiħ ta’ ġabra u talb. Is-Salmi kienu introdotti minn spjegazzjoni qasira, u wara kull salm Mons Isqof qal talba qasira. Wara l-lezzjoni qasira, magħżula għall-okkażjoni mill-ewwel Ittra lill-Korintin (2,1-9), Mons Isqof għamel omelija fejn, f’rabta ma’ l-Ittra Pastorali ta’ l-Isqfijiet tagħna, hu fisser ix-xewqa tiegħu li matul din is-Sena Pawlina d-Djoċesi kollha titħejja biex tiċċelebra Missjoni Djoċesana, li għandha tkun il-qofol tal-ħidma pastorali matul is-sena pastorali li ġejja. Fi tmiem l-omelija l-Kanċllier tal-Kurja, Mons Salv Debrincat qara d-Digriet ta’ l-għoti ta’ l-Indulġenza Plenarja fl-okkażjoni tas-Sena Pawlina.

Mument b’tifsira qawwija kien il-ġest x’ħin Mons Isqof xegħel xemgħa lil kull kappillan mid-dawl tal-blandun. Hu stieden lill-kappillani biex dan id-dawl jinżamm jixgħel f’kull knisja parrokkjali matul is-Sena Pawlina. Id-dawl hu sinjal tal-fidi li ġabilna l-Appostlu San Pawl. L-isqof stieden lill-kappillani biex, flimkien mal-komunitajiet parrokkjali, dan id-dawl iżommuh imkebbes bit-talb u bil-qari tal-Kelma t’Alla. Imbagħad saret l-istqarrija tal-fidi, u fi tmiemha l-arċipriet tan-Nadur poġġa d-dawl li rċieva mingħand l-isqof quddiem l-istatwa titulari ta’ l-appostli Pietru u Pawlu. It-talba ta’ l-Għasar kompliet bil-kant tal-Magnificat u bil-Preċi.

Fl-aħħar parti taċ-ċelebrazzjoni Mons Isqof mexxa mument ta’ talb quddiem Ġesu’ Ewkaristija, b’talba partikulari għall-vokazzjonijet, u ta l-barka solenni. Fi tmiem iċ-ċerimonja, fost iċ-ċapċip ferrieħi tal-ġemgħa, Mons Isqof ippreżenta t-tliet djakni ġodda li kienu rċwevew l-ordinazzjoni fil-jum ta’ qabel fil-knisja Katidrali. Id-djakni l-ġodda huma Anthony Bajada, Joseph Curmi u Richard Nazzareno Farrugia, it-tlieta mill-parroċċa tax-Xagħra.


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2008/06/30/l-isqof-mario-grech-jiftah-is-sena-pawlina-fid-djocesi-ta-ghawdex/

URLs in this post:
[1] Flash Player: http://www.macromedia.com/go/getflashplayer
[2] a browser with Javascript support: http://www.mozilla.com/firefox/
[3] Iktar ritratti : http://gozodiocese.org/2008/06/01/ftuh-tas-sena-pawlina-fi-djocesi-ta-ghawdex-28-ta-gunju-2008/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.