INDULĠENZA PLENARJA MARBUTA MAS-SENA PAWLINA - DJOĊESI TA’ GĦAWDEX

Digriet Indulġenza Plenarja - Format PDF

Arma IsqofMARIO GRECH

GĦAL-GRAZZJA T’ALLA U TAS-SEDE APOSTOLIKA

ISQOF T’GĦAWDEX

Digriet

dwar l-Indulġenza Plenarja fl-okkażjoni tas-Sena Pawlina


Nistedinkom biex bil-fidi u bl-imħabba ningħaqdu mal-Q.T. il-Papa Benedittu XVI, li nhar is-Sibt 28 ta’ Ġunju 2008 ser jinawgura s-Sena Pawlina f’għeluq l-elfejn sena mit-twelid ta’ l-Appostlu Missierna San Pawl.

Biex din is-sena, li tintemm fid-29 ta’ Ġunju 2009, tkun sena ta’ grazzja għad-djoċesi tagħna, inħeġġiġkom biex fuq l-eżempju ta’ Pawlu tfittxu mhux biss li tiltaqgħu ma’ Kristu fil-Knisja tiegħu, imma wkoll li tlaqqgħu lil ħaddieħor miegħu. Għal dan il-għan, fid-djoċesi tħejja programm bi proposti kateketiċi u oħrajn ċelebrattivi.

F’rabta mas-Sena Pawlina, il-membri tal-Knisja jistgħu jirbħu l-Indulġenza Plenarja, bil-kundizzjonijiet tas-soltu dwar is-sehem fis-Sagrament tal-Qrar, it-Tqarbin u t-talb skond il-fehma tal-Papa, f’dawn iċ-ċirkustanzi:

  1. żjara f’forma ta’ pellegrinaġġ fil-Bażilika ta’ San Pawl “fuori le Mura” f’Ruma, fejn jingħad it-talb preskritt;
  2. zjara f’forma ta’ pellegrinaġġ fuq il-Gżejjer ta’ San Pawl f’Malta;
  3. sehem b’devozzjoni f’funzjoni reliġjuża jew eżerċizzju ta’ pjetà li jsiru pubblikament:

a. f’kull knisja fil-ftuħ u l-għeluq solenni tas-Sena Pawlina;
b. kull l-ewwel Ħadd tax-xahar fil-knejjes li għandna fid-djoċesi iddedikati lil San Pawl, jiġifieri fil-knisja-bażilika parrokkjali tan-Nadur, fil-knisja parrokkjali tal-Munxar, u fil-knisja ta’ Marsalforn.
Il-morda u dawk li għal xi raġuni oħra serja u leġittima ma jistgħux joħorġu minn djarhom, jistgħu jirbħu l-Indulġenza Plenarja jekk jingħaqdu spiritwalment ma’ xi ċelebrazzjoni li ssir marbuta ma’ din is-Sena Pawlina, joffru lil Alla t-talb u t-tbatija tagħhom għall-għaqda ta’ l-Insara, u jkollhom il-fehma li, malli jkunu jistgħu, iħarsu it-tliet kundizzjonijiet tas-soltu dwar is-Sagrament tal-Qrar, tat-Tqarbin u talb skond il-fehma tal-Papa.
Maħruġa mill-Kurja ta’ l-Isqof, Victoria, Għawdex, illum 24 ta’ Ġunju 2008.

Mons Salv Debrincat + Mario Grech
Kanċellier Isqof t’Għawdex