Archive for May, 2008

Bullettin tal-Ħadd - 1 ta’ Ġunju 2008

Bullettin Front Cover

Bullettin ta’ 9 Ħadd matul is-Sena

Ġunju 2008

apostelshipofprayerlogo.jpgIntenzjoni Ġenerali

Biex l-insara jikbru fl-intimità ma’ Ġesù u jwasslu l-qawwa ta’ l-imħabba tiegħu lil kull min jiltaqgħu miegħu.

Intenzjoni Missjunarja
Biex permezz tal-Kungress Ewkaristiku fil-Kanada, l-insara jiskopru aħjar l-Ewkaristija bħala l-qalb tal-Knisja u l-għajn ta’ l-evanġelizzazzjoni.

Intenzjoni tal-Isqfijiet
Biex il-festi li niċċelebraw fil-parroċċi tagħna jkunu żmien ta’ qawmien spiritwali.

27 ta’ Mejju 2008

The Maltese Herald Logo

The Maltese Herald hija l-unika gazzetta Awstraljana li tinkiteb bil-Malti. Fost l-artikli f’dan il-ġurnal insibu paġna dwar Għawdex miktuba mill-ġurnalist Għawdxi Charles Spiteri. Fil-ħarġa ta’ 27 ta’ Mejju insibu fost l-oħrajn artiklu dwar iċ-ċelebrazzjonijiet li saru f’għeluq il- 50 sena minn meta Dun Ġużepp Piscopo sar saċerdot.

L-ewwel Gimgħa tax-Xahar għall-Professjonisti f’Għawdex

Il-Moviment Gradwati Għawdxin jistieden lill-gradwati u l-membri tal-professjonijiet kollha (anki koppji) ghall-Quddiesa ta’ l-ewwel Gimgħa tax-Xahar fis-6 ta’ Gunju, ċelebrata minn Dun George Frendo.

Bħas-soltu ssir fil-knisja ta’ Santu Wistin (Victoria) fit-8.30 pm - ħin tard fl-għaxija biex jippermettilhom jaħtfu din l-opportunita’ u jsegwu omelija specifikament  ghalihom.  Mit-8.15 ikun hemm il-possibilta’ tal-Qrar.

Continue reading >>

Inawgurazzjoni u tberik ta’ niċċa tal-Madonna ta’ Lourdes fl-Iskola Primarja Sant’Iermu, il-Belt Valletta

[Show picture list]
 

Nhar it-Tlieta 20 ta’ Mejju 2008 hija ġurnata li mhux se tintesa’ malajr mit-tfal, għalliema u ġenituri ta’ l-Iskola Primarja Sant’Iermu tal-Belt Valletta.  F’din il-ġurnata, saret ċelebrazzjoni kbira fejn matulha nkixfet u tbierket niċċa tal-Madonna ta’ Lourdes fil-bitħa ta’ l-imsemmija skola bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet ta’ l-anniversarju tal-150 sena mill-ewwel dehra tal-Madonna f’Lourdes.  Għal din l-okkażżjoni kellna ukoll il-gost u l-pjaċir li nilqgħu fostna lill-ET Monsinjur Mario Grech, Isqof t’Għawdex, u lill-ET Monsinjur Pawlu Giglio, Arċisqof Emeritus.

Continue reading >>

Ġunju 2008

Fil-ħarġa ta Ġunju nsibu tagħrif dwar il 125 sena anniversarju mis-Sejħa tal-Madonna ta’ Pinu lil Karmni Grima, is-sens Nisrani tal-festi u l-kalendarju Pastorali għal Ġunju.

Simposju Marjan
Santwarju Madonna ta’ Pinu
4-8 ta’ Ġunju 2008

Motto Ta' Pinu - 125 sena
Formola tar-Registrazzjoni għas Simposju

Fl-okkażjoni tal-125 sena mis-sejħa tal-Madonna ta’ Pinu, il-fakulta Pontifiċja Teoloġika ‘Marianum‘ ta’ Ruma bil-kollaborazzjoni tas-Sanwarju Ta’ Pinu ser torganizza Simposju Marjan fis-Sala tas-Santwarju bejn 4 u 8 ta’ Ġunju.

F’dawn il-jiem ser isiru diversi taħdidiet mill-isbaħ ta’ tagħlim teoloġiku dwar il-Verġni Marija. Il-kelliema ser ikunu l-Preside tal-Fakulta’ Teoloġika Marianum, Prof. Padre Silvano M. Maggiani osm u Prof. Salvatore M. Perrella osm. għalliem fl-istess Fakulta’.

Continue reading >>

IL-VALUR TAL-QUDDIESA FIL-MIXJA TAN-NISRANI
Solennità tal-Ġisem u d-Demm tal-Mulej
Knisja Katidrali – Il-Ħadd 25 ta’ Mejju 2008

IL-VALUR TAL-QUDDIESA FIL-MIXJA TAN-NISRANI

 

Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech

Solennità tal-Ġisem u d-Demm tal-Mulej

Knisja Katidrali – Il-Ħadd 25 ta’ Mejju 2008

“Jien hu l-ħobż nieżel mis-sema” (Ġw 6,41)

Il-poplu Lhudi meta telaq mill-eżilju tal-Eġittu biex jasal fl-Art Imwiegħda, esperjenza li ħaditlu żmien twil ta’ erbgħin sena, irrikonoxxa l-providenza ta’ Alla fl-għoti tal-manna: il-ħobż nieżel mis-sema. Kien dan l-ikel li bih il-poplu kien jitrejjaq u saħħu biex jeħodha kontra t-tfixkil li ltaqa’ miegħu fid-deżert u kontra n-nixfa tad-deżert. Meta trejjaq b’dan l-ikel, huwa għamel il-qalb u wasal fl-Art Imwiegħda. B’danakollu, għalkemm kellhom il-manna, il-Lhud mietu.

Ġesù jgħin lilna lkoll li ninsabu f’pellegrinaġġ li jrid jwassalna minn din id-dinja – li ħafna drabi hija esperjenza tad-deżert – biex ngħaddu minn diversi forom ta’ skjavitù għall-ħelsien veru fis-sema pajjiżna. Ġesù lilna tana l-ikel tal-ħajja: il-ħobż nieżel mis-sema. Mhux aktar il-manna imma l-Ewkaristija, bid-differenza li min jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. Waqt li llum niċċelebraw il-festa tas-solennità tal-Ġisem u d-Demm Mqaddes ta’ Sidna Ġesù Kristu, ejjew nitħeġġu biex ma nittraskurawx dan l-ikel li Alla jipprovdielna.

“Kif jista’ dan jagħtina ġismu biex niekluh?” (Ġw 6,52)

Jien nibża’ li bħan-nies ta’ żmien Kristu, li quddiem id-diskors li huwa għamel dwar l-Ewkaristija tħawdu u staqsew: “Dan kif jista’ jagħtina ġismu biex niekluh u demmu biex nixorbuh?”, anke llum hawn min jagħmel l-istess domanda b’mod dirett jew b’mod sieket; anke llum għandna mhux biss dawk li qatt ma semgħu bi Kristu, imma wkoll dawk li huma membri fil-Knisja ta’ Kristu li mhumiex konvinti li l-Ewkaristija hija l-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu – dak l-ikel li għandna bżonn fil-ħajja spiritwali tagħna.

Nagħmel osservazzjoni waħda: il-parteċipazzjoni tagħna fil-quddiesa sejra ’l quddiem jew lura? Kif nispjegaw li għandna numru mhux żgħir minn ħutna li jgħaddu mingħajr il-quddiesa tal-Ħadd? Anke l-quddiesa ta’ kuljum hija bżonn, għaliex aħna ma nieklux darba fil-ġimgħa biss imma kuljum! Imma almenu l-quddiesa tal-Ħadd għandha tkun appuntament li ma nibdluh ma’ xejn.

Barra minn hekk huwa importanti mhux biss li nipparteċipaw fl-Ewkaristija imma ukoll li neżaminaw il-mod kif nipparteċipaw, għaliex hemm min forsi jmur għall-quddiesa imma imbagħad ma jersaqx biex jirċeivi l-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu.

Imbagħad xi ngħidu għall-attenzjoni li għandna nuru biex inħarsu s-sbuħija tal-Ewkaristija? Meta qed ngħid sbuħija ma nifhimx biss l-aspett estetiku, jiġifieri dak li jidher madwarna li huwa meħtieġ li nħarsuh, għaliex hekk jixraqlu Kristu preżenti magħna fl-Ewkaristija – Kristu veru Alla u veru bniedem bl-umanità u d-divinità tiegħu; imma bi sbuħija nifhem ukoll il-mod kif qed ngħixu dan is-sagrament tal-imħabba.

Nitħeġġu biex nilqgħu dan il-ħobż nieżel mis-sema u nitmantnew bih għax huwa biss jista’ jissodisfa l-ġuħ tagħna; huwa biss jista’ jqawwina biex naslu fid-destinazzjoni tagħna. Nitħeġġu biex kemm jista’ jkun ma nittraskurawx il-quddiesa ta’ kuljum. Jekk insibu ħin għal kollox, kif nistgħu ma nsibux ħin għal din il-laqgħa tagħna ma’ Ġesù?

Is-sehem tan-Nisrani fil-quddiesa

F’xi wħud mis-sagristiji tagħna hemm miktub messaġġ li aħna l-qassisin naqrawh qabel noħorġu nqaddsu: “Qis li din tkun l-ewwel quddiesa tiegħek, l-unika quddiesa tiegħek u l-aħħar quddiesa tiegħek”. Kieku ahna, jien flimkien magħkom is-saċerdoti, inżommu dan il-messaġġ quddiem għajnejna kuljum, kieku żgur li jagħmlilna ħafna ġid. Dan jgħodd għalikom ukoll, għeżież lajċi, intom li għandkom tfittxu mhux biss il-quddiesa tal-Ħadd u tiċċelebrawha daqs li kieku hija l-ewwel u l-aħħar quddiesa tagħkom – biex hekk tgħixuha b’tant devozzjoni u mħabba – , imma wkoll il-quddiesa ta’ kuljum.

Għalhekk, filwaqt li nkomplu naduraw lill-Iben ta’ Alla preżenti fostna u nissieħbu fis-sagrifiċċju tal-quddiesa, fejn Kristu joffri lilu nnifsu lill-Missier għall-fidwa tagħna, ningħaqdu b’mod sħiħ miegħu biex dan il-ħobż ħaj jagħtina l-ħajja ta’ dejjem.