Inawgurazzjoni u tberik ta’ niċċa tal-Madonna ta’ Lourdes fl-Iskola Primarja Sant’Iermu, il-Belt Valletta

 

Nhar it-Tlieta 20 ta’ Mejju 2008 hija ġurnata li mhux se tintesa’ malajr mit-tfal, għalliema u ġenituri ta’ l-Iskola Primarja Sant’Iermu tal-Belt Valletta.  F’din il-ġurnata, saret ċelebrazzjoni kbira fejn matulha nkixfet u tbierket niċċa tal-Madonna ta’ Lourdes fil-bitħa ta’ l-imsemmija skola bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet ta’ l-anniversarju tal-150 sena mill-ewwel dehra tal-Madonna f’Lourdes.  Għal din l-okkażżjoni kellna ukoll il-gost u l-pjaċir li nilqgħu fostna lill-ET Monsinjur Mario Grech, Isqof t’Għawdex, u lill-ET Monsinjur Pawlu Giglio, Arċisqof Emeritus.

Wara l-merħba sabiħa li t-tfal taw lill-Isqof Grech mal-wasla tiegħu fl-iskola, il-programm beda permezz ta’ reċta qasira bl-isem ta’ ‘Bernardette’ li kienet titkellem proprju dwar id-dehriet tal-Madonna lil Bernardette f’Lourdes.  Din ir-reċta ttelgħet mit-tfal tar-Raba’ sena, filwaqt li t-tfal tal-}ames u s-Sitt sena kantaw il-Kurunella tal-Madonna ta’ Lourdes.

Kien imiss imbagħad lill-Mons. Giglio li kixef in-niċċa, waqt li Mons. Grech bierek din l-istess niċċa.  Inqraw xi poeżiji mit-tfal, kif ukoll saret l-inkurunazzjoni tal-Madonna.  Meta indirizza lil dawk preżenti, Mons. Grech fakkarna fl-importanza li mhux biss għandna nieqfu u naħsbu quddiem immaġini statiċi tal-qaddisin, imma li għandna naħdmu biex kull wieħed u waħda minna nkunu ta’ eżempju ħaj għal xulxin.

Ix-xogħol kollu fuq in-niċċa sar volontarjament minn xi għalliema fl-iskola, filwaqt li l-flus inġabru matul is-sena mingħand l-istess tfal, ġenituri u għalliema ta’ l-iskola, kif ukoll mingħand benefatturi oħra.