- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

L-ISPIRTU S-SANTU HU L-ĦAJJA TAL-KNISJA U TAS-SOĊJETÀ
Omelija fil-Velja ta’ Pentekoste
Santwarju Madonna Ta’ Pinu (10 ta’ Mejju 2008)

Posted By admin On May 13, 2008 @ 2:57 pm In May | Comments Disabled

Nhar is-Sibt 10 ta’ Mejju 2008, Mons Isqof Mario Grech mexxa l-Velja ta’ talb ta’ Pentekoste li saret fis-Santwarju Madonna ta’ Pinu, u waqt iċ-ċelebrazzjoni ta’ l-Ewkaristija għamel din l-omelija:

Dan huwa lejl li għandu jimliena bit-tama. Din hija velja li matulha l-Knisja ssejjaħ lill-Ispirtu s-Santu li huwa r-ruħ u l-ħajja tagħna. Il-qari li xxandar il-lejla jippreżentalna diversi episodji li minkejja kollox jimlewni bil-qawwa u bil-kuraġġ.

Mill-Atti ta’ l-Appostli smajna kif l-appostli, minn nies beżżiegħa u inkapaċi – tant li riedu jaħarbu lis-soċjetà –, huma ħallew lill-Ispirtu s-Santu jinżel fuqhom, jimlilhom qalbhom u jagħmilhom bnedmin ġodda. U dak in-nukleju ċkejken u dgħajjef sar ferment li xandar lil Kristu u waqqaf il-Knisja. Għaddew tant sekli u dak li bdew huma dakinhar, għadu magħna.

Fit-tieni qari tal-velja qrajna silta mill-Profeta Eżekjel, fejn il-profeta jitkellem minn dik il-viżjoni li kellu fejn ra ħafna iġsma mejtin, għadam bla ħajja mneżżgħa mil-laħam u l-muskoli. Imma mbagħad il-profeta jitlob lil Alla u jgħidlu: “Ibgħat ir-ruħ mill-erbat irjieħ tad-dinja, onfoħ fuq dawn il-mejtin ħalli jerġgħu jieħdu l-ħajja.” Hekk in-nifs ta’ Alla, l-Ispirtu tiegħu, niżel fuq dawk l-iskeletri ta’ għadam nixef u libbishom bil-qawwa u l-ġmiel.

Għalhekk nixtieqkom temmnu bil-qawwa fil-preżenza ta’ l-Ispirtu s-Santu fil-Knisja. Madwarna għandna diversi skeletri, hemm diversi għadam bla ħajja; imma din id-dehra ma għandhiex tiskoraġġina. Għal liema għadam qiegħed nirreferi?

Skeletri u għadam fis-soċjetà u fil-Knisja

Fil-ħajja umana u soċjali tagħna, wieħed jilmaħ kemm hemm qlub iebsin daqs l-għadam. Xi drabi taħbat taqta’ qalbek li dawn il-qlub jistgħu xi darba jirrendu u jirtabu. Madwarna tara ċerti relazzjonijiet interpersonali iebsin ħafna li donnu xejn ma jista’ jfejjaqhom. Kawża t’hekk hemm żwiġijiet, familji, komunitajiet li qed jitfarrku.

Hemm xi wħud fostna li jħaddnu pożizzjonijiet żbaljati, tant li jigik li tistaqsi: “Possibbli din il-persuna ser tibqa’ tegħreq fl-iżball?” Iħassbek il-fatt meta mhux biss jingħad li l-iżball huwa s-sewwa, imma wkoll meta l-istess żball huwa ppropagat bħala sewwa u jiġbed lill-oħrajn fl-iżball! Fis-soċjetà tagħna hemm ċerti sistemi li huma ħżiena; inħabbtu wiċċna ma’ strutturi inġusti li kull ma jmur jiġu konsolidati. Jeżistu ċerti prattiċi mneżżgħa minn kull sens ta’ etika, imma mberkin anke mill-awtoritajiet li jafu bihom u xorta jibqgħu għaddejjin bihom. Possibli hemm ċans li naraw bidla u titjib?

Anke fuq livell reliġjuż tinduna li hemm ċerta ebusija u reżistenza għall-Ispirtu ta’ Alla u għal dak li trid minna ommna l-Knisja! Ir-reliġjożità tagħna xi drabi qisha għadma avorika li ma tista’ tkissirha b’xejn. Mhux għax ir-reliġjożità fiha nfisha hija ħażina, imma jekk din ir-reliġjożità tkun vojta jew sempliċement tradizzjoni – jekk mhux ukoll superstizzjoni! –, allura tkun reliġjożità velenuża li toqtol. Ma nixtieqx inkun negattiv. Imma dan jiġri wkoll fiċ-ċelebrazzjoni tas-sagramenti, li huma esperjenzi tant għeżież u qaddisa.

Inħarsu ftit kif qegħdin niċċelebraw ċerti sagramenti: il-Magħmudijiet, il-Griżma ta’ l-Isqof, l-Ewwel Tqarbina u ż-Żwiġijiet. Kuntenti bil-mod li bih qegħdin niċċelebraw dawn is-sagramenti? Jien ma nistax ngħid li jien dejjem kuntent. Meta ser ninħallu minn ċerta riġidità u ritwaliżmi u nibdew niċċelebraw is-sagramenti bħala esperjenza ta’ Kristu fil-komunità?

Fil-ħajja spiritwali tagħna wkoll jista’ jkun hemm ċerti pożizzjonijiet u atittudnijiet li m’humiex tajbin, tant li spiritwalment jirrendu ftit li xejn, imma xorta nibqgħu marbutin magħhom.

X’sejjer jagħti r-ruħ lil dawn l-iskeletri mejta?

Nemmen fil-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu, li għandu ż-żmien tiegħu li ħafna drabi m’huwiex iż-żmien tiegħi jew tagħkom. Għalhekk il-lejla nagħmel appell lilkom u lill-Knisja tagħna: Emmnu fil-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu! Sejħulu ħalli proprju dawn l-iġsma mejta li huma toqol, xkiel u mażra għall-ħajja evanġelika, bin-nifs tiegħu jieħdu l-ħajja u jitlibbsu bil-ġmiel!

Kif ser jaħdem fina l-Ispitu s-Santu? Huwa jaħdem fina jekk ngħixu l-magħmudija tagħna: jekk inkunu poplu li jiskopri l-qawwa tal-magħmudija u jħaddimha mill-ġdid.

Permezz tal-magħmudija aħna ndfinna ma’ Kristu. Ftit minuti oħra dawn iż-żewgt itfal ser jirċievu l-magħmudija bl-immersjoni, kif kienu jagħmlu fl-ewwel żminijiet tal-Knisja. Dawn it-tfal ser jinżlu taħt l-ilma. Nixtieq li dan ma jkunx mument ta’ kurżità imma mument ta’ riflessjoni profonda u ta’ impenn biex jiena u int – li lkoll tgħammidna – nifhmu li fil-magħmudija tagħna aħna ndfinna ma’ Kristu u qomna miegħu għall-ħajja ġdida. Dan il-ġdid ġej bil-qawwa ta’ l-Ispirtu għaliex fil-magħmudija aħna sirna wlied Alla u tempji ta’ l-Ispirtu s-Santu.

Inrodd ħajr lil Alla li hija l-eċċezzjoni li jkollna familji li ma jridux jgħammdu lil uliedhom. Imma nerġa’ nistaqsi: X’qegħdin nifhmu b’magħmudija? Hija xi ħaġa folkloristika? xi ħaġa rikjesta mis-soċjetà għax allaħares ma tgħammidx? hija superstizzjoni? Jew hija sagrament li jwaħħadna ma’ Kristu, jaħsilna mid-dnub tagħna u jlibbisna libsa ġdida? Kien għalhekk matul din is-sena pastorali fid-djocesi tagħna qegħdin nirriflettu wkoll fuq il-magħmudija msieħba bix-xandir tal-Kelma ta’ Alla.

Marija tipprepara lill-qalb tad-dixxipli permezz tal-Kelma

Il-lejla qegħdin f’dan is-Santwarju Ta’ Pinu. Għażilna li niġu hawn din is-sena għaliex qegħdin niċċelebraw il-mija u ħamsa u għoxrin anniversarju minn meta Karmni Grima ħasset dik il-vuċi ssejħilha mill-Kwadru, u tgħidilha, ‘Ejja’. Il-lejla jien inħossni qiegħed fiċ-ċenaklu flimkien ma’ l-appostli mdawrin ma’ Marija. U dan bix-xieraq. Għaliex kif Marija kienet preżenti għall-magħmudija ta’ l-appostli dakinhar ta’ Għid il-Ħamsin permezz ta’ l-inżul ta’ l-Ispirtu s-Santu fuqhom u fuq il-Knisja, hekk il-lejla qalbna timtela bil-ferħ u l-qawwa, mhux biss għax nemmnu fl-Ispirtu s-Santu imma wkoll għax nemmnu fil-qawwa materna ta’ Marija.

Din l-omm ippreparat lid-dixxipli bil-kelma li hija rċeviet mingħand Kristu. Min jaf kemm-il darba Marija qalet lil appostli, ‘Ejja’, bħalma qalet lil Karmni Grima u bħalma tgħid lilna llum: “Ejjew f’dan is-santwarju ħalli nkun jien li ngħinkom tieħdu l-ħajja millgħajn tal-ħajja li hija l-magħmudija”. Kien wara din il-preparazzjoni u wara din il-magħmudija bl-inżul ta’ l-Ispirtu s-Santu li l-appostli u l-aħwa minn nies mejta saru nies mimlijin enerġija u entużjażmu apostoliku u ħarġu fil-belt ta’ Ġerusalemm. Hemmhekk huma ltaqgħu ma’ diversi skeletri u għadam mejjet, imma ma qatgħux qalbhom: mimlijin b’dak li rċivew fil-magħmudija huma emmnu li dak li l-Ispirtu għamel fihom jista’ jagħmlu fis-soċjetà ta’ madwarhom.

Dawn huwa x-xewqat tiegħi f’dan il-lejl qaddis, lilkom u lill-Knisja f’Għawdex: Nemmnu! Jekk niltaqgħu ma’ dan l-għadam u ma’ dawn l-iskeletri, ma naqtgħux qalbna imma nsejħu fuqna l-interċessjoni tal-‘madrina’ tagħna Marija, flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu; u dak li l-Ispirtu s-Santu għamel ma’ dak l-għadam tad-dehra ta’ Eżekjel, dak li għamel ma’ l-appostli fiċ-ċenaklu u ma’ tant qaddisin, jagħmlu magħna u mas-soċjeta tagħna llum.


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2008/05/13/l-ispirtu-s-santu-hu-l-hajja-tal-knisja-u-tas-socjeta-omelija-fil-velja-ta-pentekoste-santwarju-madonna-ta-pinu-10-ta-mejju-2008/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.