- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Tkompli ż-żjara ta’ l-Isqof Grech f’Detroit

Posted By admin On April 26, 2008 @ 7:07 am In 2008 | Comments Disabled

The [1] Flash Player and [2] a browser with Javascript support are needed..

Nhar il-Ħamis filgħodu, 24 ta’ April, l-Isqof Grech qaddes għat-tfal li jattendu fl-iskola St. Frances Cabrini - waħda miż-żewg skejjel li hemm fi-parroċċa mmexxija mill-Kan Joe Mallia, saċerdot iben ġenituri Maltin. F’din l-iskola jattendu tfal ta’ emigranti Maltin. Fil-messaġġ tiegħu, l-Isqof Grech tkellem dwar il-ħtieġa li l-bniedem, speċjalment it-tfal, ikollhom ‘mudelli’ tajbin li jistgħu jimitawhom fil-ħajja. Anke Kristu kellu ‘mudel’: “kif il-Missier ħabb lili, hekk jien ħabbejt lilkom”. Għan-nisrani, Kristu huwa l-mudell li wieħed jista’ joqgħod fuqu. Għalhekk, dawk kollha li huma responsabbli mill-formazzjoni tat-tfal, speċjalment il-ġenituri u l-għalliema, għandhom jgħinu lill-istudenti jimxu fuq l-eżempju ta’ Kristu; hekk iċ-ċkejknin jistgħu jikbru u huma stess ikunu mudelli kredibbli għall-oħrajn. Fi tmiem il-quddiesa, l-Isqof Grech kien ipprezentat b’tifkira ta’ l-okkażjoni.

Wara din ċ-ċelebrazzjoni, l-Isqof Grech għamel żjara ta’ kortesija lill-Kardinal A. Maida, arċisqof ta’ Detroit. Il-Kardinal wera kemm huwa importanti li l-gruppi etniċi jibqgħu jiġu segwiti mill-Knisja ta’ l-oriġini tagħhom; huwa stess, li huwa ta’ dixxendenza Pollakka, kien responsabbli mill-kura pastorali tal-komunità Pollakka li hemm f’Detroit. Il-Kardinal stqarr li huwa kuntent bil-ħidma pastorali li qed iwettqu s-saċerdoti Maltin fl-arċidjoċesi tiegħu.

Il-programm taż-żjara pastorali ta’ l-isqof Grech kompla bi żjara lis-Seminarju ta’ Detroit iddedikat lill-Qalb ta’ Ġesù. F’dan is-Seminarju hemm ftit inqas minn mitt seminarista jitħejjew għas-saċerdozju. Is-sena l-oħra fl-arċidjoċesi ta’ Detroit kien ordnat saċerdot wieħed biss. Dan kien Fr Anthony Camilleri, li għandu nies jiġu minnu mill-parroċċa tan-Nadur. L-Isqof kellu kollokwju mar-Rettur tas-Seminarju u tkellmu dwar x’tip ta’ formazzjoni joffri s-Seminarju ta’ Detroit lis-seminaristi bi tħejjija għas-saċerdozju, kif ukoll x’tip ta’ formazzjoni kontinwata tingħata lis-saċerdoti fl-ewwel snin tas-saċerdozju tagħhom.

Wara nofsinhar, l-Isqof Grech għamel żjara li xi familji Maltin u Għawdxin, kif ukoll mar jara emigranti Maltin rekoverati fi sptar.


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2008/04/26/tkompli-z-zjara-ta-l-isqof-grech-fdetroit/

URLs in this post:
[1] Flash Player: http://www.macromedia.com/go/getflashplayer
[2] a browser with Javascript support: http://www.mozilla.com/firefox/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.