- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

IL-QAWMIEN TA’ KRISTU JAGĦMILNA GĦAĠNA ĠDIDA
Omelija is-solennità ta’ l-Għid il-Kbir
Parroċċa San Ġorġ (23 ta’ Marzu 2008)

Posted By admin On March 23, 2008 @ 12:48 pm In March | Comments Disabled

Quddiesa fis-solennità ta’ l-Għid il-Kbir, Parroċċa San Ġorġ, Rabat – il-Ħadd 23 ta’ Marzu 2008.

Huwa ta’ sodisfazzjon għalija li dalgħodu nista’ niltaqa’ magħkom u naqsam dan il-ferħ ta’ l-Għid, għaliex il-ġrajja tal-qawmien ta’ Kristu għandha timliena mhux biss bil-ferħ imma wkoll bl-ottimiżmu u bil-kuraġġ ta’ Kristu li rebaħ il-mewt. Kristu rebaħ, u lilna għamilna parteċipi miegħu f’din ir-rebħa. Din hija aħbar li għandha tagħtina viżjoni umana u kristjana li tibdel kemm il-ħajja tagħna kif ukoll il-ħajja ta’ l-oħrajn.

Inneħħu l-ħmira l-qadima tal-ħażen u d-dnub

San Pawl fit-tieni lezzjoni li smajna llum (1 Kor 5,6-8) juża t-tixbiha ta’ l-għaġna. Huwa qiegħed jitkellem mal-Lhud li kellhom għarfien ta’ xi jfisser tagħmel il-ħobż bla ħmira. Forsi kif għamilt jien f’dawn il-jiem, intom ukoll żortu xi mejda ta’ l-appostli; jien kont nieħu gost meta kienu jersqu dawk li huma responsabbli u jagħtu t-tifsira tal-ħaxix morr, tal-frott u tal-ħaruf u tal-ħobż ażżmu, għaliex proprju l-Lhud meta ġew biex jagħmlu l-ikla tal-ħaruf – li tfisser il-passaġġ mill-iskjavitù għat-triq li twassalhom għall-ħelsien – , għamlu l-ħobż mingħajr ħmira. Huma kellhom kunċett ta’ ħmira bħala xi ħaġa negattiva, għaliex huwa veru li l-ħmira ttella’ l-għaġna, imma jekk ma tużahiex f’miżura ġusta kapaċi tħassar l-għaġna kollha. Għalhekk għamlu l-ħobż mingħajr ħmira biex jiżguraw li m’hemmx taħsir.

San Pawl jgħidilna: issa li qed niċċelebraw il-Għid veru li huwa Kristu l-Mulej, ejjew inkunu għaġna ġdida u nneħħu kull ħjiel li jista’ jikkorrompi din l-għaġna. Ejjew inneħħu l-ħmira tal-qerq li hemm fostna, għaliex anke doża zgħira ta’ ħmira ħażina tista’ tikkorrompi din l-għaġna ġdida li ġabilna Kristu.

Għeżież tiegħi, jiena nagħmel lilkom, lill-Knisja tagħna u lis-soċjetà tagħna din l-istedina: Kristu, il-Ħaruf ta’ l-Għid tagħna, qam mill-mewt. Ejjew nuru dan it-twemmin tagħna billi nagħġnu għaġna ġdida u nneħħu kull ħjiel ta’ dik il-ħmira li tista’ tħassar din l-għaġna l-ġdida.

Umanità mġedda bil-qawmien ta’ Kristu

X’inhi din l-għaġna l-ġdida li aħna bil-qawwa ta’ Kristu rxuxtat nistgħu nagħġnu? Hija l-għaġna ta’ l-umanità tagħna u tan-natura umana tagħna. Permezz ta’ Kristu n-natura umana tagħna ġiet meħlusa mit-taħsir tad-dnub. Mhux hekk biss, imma għaliex Kristu jagħmilna parteċipi fir-rebħa li huwa għamel fuq il-mewt, dan il-ġisem uman tagħna jiġi meħlus mit-taħsir. Aħna nemmnu li għad ikun hemm il-qawmien tagħna, li huwa parteċipazzjoni fil-qawmien ta’ Kristu.

Din hija l-viżjoni ġdida li aħna rridu ninjettaw fi żminijietna. Mhix viżjoni li tasal biss sal-konfini ta’ fejn jaraw għajnejna, imma hija viżjoni li ddaħħalna fl-eternità. Li Kristu qam mill-mewt jikkonfermalna li huwa mhux biss daħal fi ħdan il-Missier, imma ġibed għal warajh lill-umanità ġdida.

Smajna fl-ewwel qari (At 10,34a.37-43) li anke fl-ewwel komunità ta’ l-insara seħħet għaġna ġdida. Marija ta’ Magdala ma emmnitx li Kristu kien ser iqum mill-mewt. Hekk ukoll Pietru u d-dixxiplu l-maħbub. Kienx hemm nies iktar qrib minnhom ta’ Kristu l-Mulej?! Iżda huma m’emmnuhx, u meta Marija ta’ Magdala qaltilhom li kienu “ħadu l-Mulej”, huma telqu jiġru biex jaraw x’seħħ tassew. Huma daħlu fil-qabar, wieħed wara l-ieħor, raw is-sinjali li kienu jikkonfermaw li l-ġisem ma nsteraqx – għaliex il-faxex u l-liżar kienu mitnija – , u kif tgħid l-iskrittura: “huma raw u emmnu”. Hekk anke l-istess komunità li waqqaf il-Mulej saret għaġna ġdida.

Għaliex il-komunità nisranija llum ukoll, forsi bħal Pietru u Ġwanni, ma temmminx l-Iskrittura, tinsab fid-dubju u hija xettika dwar dak li jgħidilna l-Vanġelu? Għaliex m’għandniex nixtiequ f’din il-ġurnata ta’ l-Għid ta’ Kristu li nimpenjaw lilna nfusna biex anke l-komunità nisranija tkun għaġna ġdida, ħielsa mill-qerq u l-ħażen, u hekk tkun għaġna mmarkata b’dawk is-sinjali tal-preżenza ta’ Kristu?

Niġġeddu bil-qawwa ta’ l-Ispirtu

Hemm ħafna sinjali, imma nsemmi aspett wieħed: il-preżenza ta’ l-Ispirtu s-Santu. Il-komunità nisranija ta’ wara l-qawmien hija mmarkata bil-preżenza ta’ l-Ispirtu s-Santu. Dak li għas-Sinottiċi seħħ f’Pentekoste, għal San Ġwann l-Ispirtu s-Santu jimla lill-komunità nisranija paskwali mal-qawmien, anzi mal-mewt ta’ Kristu.

Jekk rridu li l-Knisja, il-komunitajiet tagħna u dawk kollha li jiffurmaw il-komunitajiet insara tagħna bħala individwi, familji u gruppi, jimtlew bil-qawwa tal-qawmien ta’ Kristu l-Mulej, irridu nsejħu fuqna l-Ispirtu s-Santu u nħalluh jagħmel minn kull wieħed u waħda minna kapulavur tal-grazzja tiegħu. Aħna mistiedna nħallu l-Ispirtu s-Santu jnebbaħna u jagħtina hu l-imbuttatura biex niġġeddu.

Naturalment dan it-tiġdid mhux xi ħaġa spontanja u awtomatika, imma jitlob proċess. Irrid nittama li aħna ma ħlejniex l-erbgħin jum ta’ tiġdid tar-Randan li għaddew minn fuqna! Matul dan iż-żmien il-Knisja ipproponitilna din il-mixja ta’ tiġdid.  Anke f’din il-għodwa sabiħa ta’ l-Għid il-Kbir, inħeġġiġkom taqraw u tirriflettu l-ittra pastorali li wassalnielkom jiena u l-Arċisqof fil-bidu tar-Randan. Inħoss li f’dik l-ittra pastorali  tajniekom indikazzjoni fejn nixtiequ li jimxi n-nisrani u fejn nixtiequ li l-komunità nisranija torjenta lilha nfisha ħalli tkun għaġna ġdida! L-Ispirtu s-Santu ma jaħdimx fil-vojt imma jaħdem permezz tal-Knisja.

Inħalli f’idejkom dan kollu biex mhux intom biss tiġġeddu, imma tkunu intom li ġġeddu lis-soċjetà billi tagħmlu minnha għaġna ġdida. Hemm diversi aspetti fis-soċjetà li għandhom bżonn ta’ tiġdid. Napprezza li nista’ nipparteċipa fil-ferħ tagħkom ta’ l-Għid; imma l-ferħ tiegħi jkun ikbar jekk flimkien inħallu lil Kristu rxuxtat jgħinna nwarrbu din il-ħmira l-qadima u nsiru għaġna ġdida.


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2008/03/23/il-qawmien-ta%e2%80%99-kristu-jaghmilna-ghagna-gdida-omelija-is-solennita-ta%e2%80%99-l-ghid-il-kbir-parrocca-san-gorg-23-ta%e2%80%99-marzu-2008/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.