English Version click here
Nhar il-Ħadd 24 ta’ Frar 2008, it-tielet Ħadd tar-Randan, l-E.T. Mons. Mario Grech, isqof ta’ Għawdex, mexxa konċelebrazzjoni solenni fil-kolleġġjata u bażilika tal-Viżitazzjoni, fl-Għarb, li bdiet fl-4.00p.m., li fiha ta l-ministeru tal-Lettorat lil erba’ seminaristi tad-djoċesi li jinsabu fil-ħames sena ta’ formazzjoni fis-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù, Victoria. Dawn huma Francesco Pio Attard u Simon M. Cachia mill-parroċċa ta’ San Ġorġ (Victoria), Noel Debono mill-parroċċa ta’ San Pietru u San Pawl (Nadur), u Maximillian Grech mill-parroċċa tal-Katidral ta’ l-Assunta (Victoria).
Il-Lettorat, li hu wkoll l-ewwel ministeru mogħti fil-formazzjoni lejn l-Ordni Sagri, hu l-mandat tal-Knisja biex wieħed jista’ jħabbar il-Kelma ta’ Alla fil-liturġija tagħha, fost l-oħrajn billi jkun lettur uffiċċjali waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa. Ir-rit ta’ l-għoti ta’ dan il-ministeru ngħata eżatt wara l-omelija.
Fl-omelija tiegħu l-Isqof ħa spunt mill-qari tal-ġurnata biex tkellem fuq l-għatx ta’ ħafna llum li, bħall-mara Samaritana li Ġesù ltaqa’ magħha ħdejn il-bir ta’ Ġakobb, ifittxu tweġiba għal ħajjithom fil-Kelma ta’ Alla, li l-Knisja għandha l-missjoni speċjali li xxandar bil-qawwa. Huwa qal li meta dawn l-erba’ seminaristi wieġbu ‘Hawn jien’, huma kienu qed joffru d-disponibiltà tagħhom li jkunu qaddejja tal-Kelma u li b’impenn u responsabiltà jagħtu xhieda tagħha quddiem dawk li għadhom ma għarfux lil Kristu jew għalkemm irċivew il-fidi baqgħu bogħod mit-tempju tiegħu. Din l-“iva” ta’ dawn l-erbgħa timla lill-Knisja bil-ferħ, u hi titlob għalihom biex jaqdu b’fedeltà din il-missjoni ġdida fdata lilhom. Bħal Mosè li ħabbat fuq il-blata biex joħroġ l-ilma bnin, hekk intom tridu tħabbtu fuq il-Kelma biex l-ewwel tagħmluha tagħkom u mbagħad twassluha lill-oħrajn”.
Mons. Isqof temm l-omelija tiegħu billi stieden lill-miġemgħa ta’ familjari, ħbieb u lajċi oħra minn bosta parroċċi, biex titlob għal iktar vokazzjonijiet saċerdotali qaddisa u li kulħadd għandu jħossu msejjaħ biex ikun xandâr tal-Kelma.