- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

ALLA JĠEDDIDNA BIL-QAWWA TAL-KELMA TIEGĦU
Omelija fl-okkażjoni tal-pellegrinaġġ penitenzjali tar-Randan
Santwarju Nazzjonali Ta’ Pinu - 8 ta’ Frar 2008

Posted By admin On February 23, 2008 @ 6:15 pm In February | Comments Disabled

Nhar il-Ġimgħa 8 ta’ Frar, Mons Isqof Mario Grech mexxa konċelebrazzjoni fis-Santwarju ta’ Pinu fl-okkażjoni tal-pellegrinaġġ penitenzjali tar-Randan u li fiha ngħata wkoll il-mandat lill-predikaturi ta’ l-Eżerċizzi tar-Randan. Mons Isqof għamel din l-omelija:

“Tilfu kull tama li jsalvaw”

Ir-rakkont li għadna kif smajna mill-Atti ta’ l-Appostli dwar in-Nawfraġju ta’ l-Appostlu Missierna San Pawl fil-gżejjer tagħna, fost ħwejjeġ oħra jgħidilna li dawk li kienu fuq il-bastiment ma’ Pawlu tilfu kull tama li jsalvaw.

Tgħid dawk li kienu fuq il-bastiment ma’ Pawlu biss tilfu t-tama u kienu ttentati biex ma jittamawx iktar, jew anke l-bniedem tal-lum, kull waħda u wieħed minnha, tilef kull tama li jsalva? Ħarsu ftit lejn il-familji tagħna, u araw daqsxejn jekk hemmx ukoll fihom sinjali ta’ familji li qegħdin jiżvojtaw mit-tama. Ħarsu ftit lejn is-soċjetà ta’ madwarna, u araw tinnutawx bħali sinjali ta’ soċjetà li qed titlef is-sens ta’ direzzjoni fil-ħajja. Sfortunatament anke fil-komunitajiet ekkleżjali tagħna ġieli jidhru sinjali li aħna qed nitilfu t-tama.

It-tama li ġejja minn Kristu

Imma quddiem dan ix-xenarju ddoqq f’widnejja dik il-kelma sabiħa li qalilna l-Missier tagħna l- Papa Benedittu XVI fl-aħħar enċiklika li tana, ‘Spe Salvi’ (Aħna salvati bit-tama). X’kuntrast! Filwaqt li dawk li kienu fuq il-bastiment tilfu kull tama li jsalvaw, il-Papa jikkwota lil San Pawl fl-ittra tiegħu lir-Rumani, u lill-poplu ta’ Alla jgħidlu: “Intom salvati bit-tama”.

Għaliex għandna nkunu salvati bit-tama? Għaliex qegħdin nitilfu t-tama? It-tweġiba jien neħodha wkoll mit-tagħlim ta’ San Pawl Appostlu, li proprju fl-ittra tiegħu lill-Efesin jgħidilhom: “Kontu bla tama għax kontu bla Alla”. U għalhekk, f’din iċ-ċirkostanza tal-lejla, meta qegħdin nagħmlu l-festa ta’ San Pawl, u f’dan il-pellegrinaġġ fil-bidu tar-Randan, inħeġġiġkom biex tqajmu fikom id-don ta’ Alla li jinsab fikom permezz tal-Magħmudija.

Anke hawnhekk qiegħed nikkwota lil Pawlu meta jdur fuq Timotju u jgħidlu: “Qajjem fik id-don ta’ Alla li jinsab fik bit-tqegħid ta’ jdejja”. Ikompli jgħidlu lil Timotju: “Afda f’Alla li sejħilna b’sejħa qaddisa”. Iżid jgħid Pawlu lil Timotju, u lilna wkoll f’din iċ-ċirkostanza: “Tistħu xejn minħabba x-xhieda tagħkom għal Kristu”. Pawlu lil Timotju kien qiegħed jeżortah biex jiġġedded fis-sejħa tiegħu, u kif għidtilkom f’Ras ir-Randan imqaddes nerġa’ intenni wkoll llejla: jien nixtieq li f’dan ir-Randan aħna niġġeddu fis-sejħa li qed jagħmlilna Alla l-imbierek. Għeżież tiegħi, ejjew nerġgħu ntennu dik l-iva tagħna lil Alla!

Inġeddu l-“iva” tagħna lil Alla li sejħilna b’sejħa qaddisa

Illum, il-festa ta’ San Pawl, niċċelebraw t-twelid ta’ Malta u Għawdex għall-fidi fi Kristu, u allura naraha f’postha li ngħid lil pajjiżna dak li Pawlu jgħid lil Timotju: Nazzjon Malti, qajjem fik id-don ta’ Alla li jinsab fik bit-tqegħid ta’ jdejn l-Appostlu Missierna! Kif għidnilkom aħna l-Isqfjiet fil-Pastorali li tajnikom fir-Randan, is-soċjetà tagħna, li hija soċjetà reliġjuża, jeħtieġ li tiskopri s-sejħa tagħha ta’ poplu Kristjan.

Hemm vokazzjonijiet li, jekk dawn jiġġeddu, ikun hawn tiġdid mhux biss fil-Knisja imma anke fis-soċjetà tagħna. Għandi f’moħħi s-sejħa lil ħuti s-saċerdoti. Intom, għeżież saċerdoti hawn preżenti, u l-presbiterju djoċesan kollu, inħeġġiġkom biex f’dan ir-Randan iġġeddu l-‘iva’ tagħkom, tippreparaw lilkom nfuskom biex nhar Ħamis ix-Xirka, meta aħna nġeddu l-wegħdiet saċerdotali, aħna niġġeddu fil-vokazzjoni tagħna, fis-sens li nagħrfu ngħixu b’iktar fedeltà u b’mod iktar awtentiku s-saċerdozju tagħna li Kristu, il-Knisja u d-dinja jitolbu minnha.

Għandi f’moħħi lilkom, għeżież reliġjużi u lilkom, lajċi kkonsagrati. Qajmu fikom dak id-don li intom irċivejtu mingħand Alla! Afdaw f’Alla li sejħilkom b’sejħa qaddisa. Ikkonvertu f’dan ir-Randan billi tagħrfu tkunu kollkom kemm intom ta’ Alla, u hekk żgur tkunu xandâra, messaġġiera u xhieda tat-tama meta intom tħaddnu u tipprofessaw il-Kunsilli Evanġeliċi.

Is-sejħa nagħmilha lilkom, għeżież miżżewġin hawn preżenti u fid-Djoċesi: qajmu fikom id-don ta’ Alla li rċivejtu dakinhar li żżewiġtu, dakinhar li ċċelebrajtu s-sagrament taż-żwieġ. Agħrfu afdaw f’Alla li sejħilkom b’sejħa qaddisa fil-ħajja matrimonjali! Kieku l-miżżewġin tagħna kuljum jikbru fl-għarfien ta’ din is-sejħa qaddisa li huma msejħin jgħixu kuljum fil-ħajja taż-żwieġ, kieku nkunu tassew bxara tajba dwar iż-żwieġ u l-familja.

Alla jsejħilna biex niġġeddu

Jien semmejt dawk li huma sejħat fundamentali, imma mbagħad hemm sejħat oħra partikulari. Kif sejrin inġeddu fina u nqajmu fina dan id-don u din is-sejħa? Hawnhekk nerġa’ nagħmel riferenza għall-qari ta’ l-Atti ta’ l-Appostli li smajna llejla. Pawlu lil dawk li kienu fuq il-bastiment u tilfu kull tama ta’ salvazzjoni jgħidilhom: “Kieku smajtu minni kontu teħilsu minn din il-ħsara u t-telf”. U anke llejla jien, f’isem Kristu, ngħidilkom mhux biex tisimgħu minni, imma li dan hu ż-żmien tajjeb ta’ salvazzjoni biex aħna nisimgħu lil Alla jkellimna.

Fl-Ittra Pastorali li tajnikom għar-Randan, li nittama li tagħmluha test ta’ riflessjoni fil-familja, jiena u l-Arċisqof għidnielkom li qegħdin fiż-żmien li fiħ neħtieġu evanġelizzazzjoni ġdida; f’pajjiżna neħtieġu katekeżi solida biex il-fidi tagħna ma tkunx fidi tal-qoxra, għaliex jekk il-fidi tagħna tonqos, anke l-istess reliġjon tagħna tista’ ssir aljenazzjoni. U allura dak li qal Pawlu lil dawk li kienu miegħu fuq il-bastiment, ngħidu jien lilkom u lill-Knisja tagħna: Iftħu qalbkom għal Kristu li f’dan iż-żmien partikulari ser iwasslilkom il-kelma tiegħu. ‘Kunu ħbieb ta’ l-Evanġelju’ – din hija t-tema tal-Pjan Pastorali tagħna u li qed timbuttana biex nieħdu ċerti inizjattivi fil-parroċċi tagħna biex il-komunitajiet tagħna jgħixu madwar il-Kelma. Inħeġġiġkom, għeżież tiegħi, biex issibu postkom f’dawk il-gruppi fil-komunitajiet u fil-parroċċi li proprju qegħdin jiltaqgħu biex ikunu ħbieb ta’ l-Evanġelju. Din hija l-evanġelizzazzjoni ġdida.

Imma b’mod partikulari nħeġġiġkom għal dan iż-żmien tar-Randan, żmien li fih aħna ser nirċievu l-kelma speċjalment waqt l-Eżerċizzi mqaddsa. Minn hawn u ftit ieħor jien ser insejjaħ uħud minn dawk il-predikaturi ta’ l-Eżerċizzi, u jien, bħala Isqof tagħkom u f’isem il-Knisja, ser nagħtihom il-mandat u nibgħathom fil-komunitajiet tagħna mhux biex jippridkaw lilhom nfushom imma biex jippridkaw lil Kristu msallab. Huma jridu jgħidulkom dak li qal Pawlu lin-nies ta’ madwaru: “Agħmlu l-qalb u emmnu li jsir sewwa sew kif tħabbar lili”: hekk qrajna fl-Atti ta’ l-Appostli. Huma ser iwasslulkom dak li l-ewwel huma stess irċivew, biex imbagħad jgħadduh lill-Knisja.

Għeżież tiegħi, dawk li kienu fuq il-bastiment kienu sajmin għal erbatax-il jum, jgħidilna l-awtur ta’ l-Atti. U forsi għalhekk bdew jitilfu t-tama tas-salvazzjoni. Kienu sajmin mhux tant mis-sawm ta’ l-istonku, imma sajmin mill-kelma ta’ Alla: kienu sajmin minn Alla fil-ħajja tagħna.

Jien nitlob lill-Verġni mbierka, l-ankra tas-salvazzjoni tagħna, ħalli takkumpanjana – kif qed takkumpanjana bl-ikona tat-Tħabbira ta’ l-Anġlu li qegħdin nipproponu għal din is-sena pastorali – , ħalli kif hija laqgħet il-kelma u saret il-mara tilma bit-tama, hekk ukoll kull wieħed u waħda minna, kull realtà fi ħdan il-komunitajiet tagħna u l-komunità nisranija tagħna tisma’ l-kelma u tiġi evanġelizzata u kkatekizzata, biex imbagħad tkun tista’ tħabbar lid-dinja ta’ madwarna: “Aħna salvati fi Kristu”. Amen.


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2008/02/23/alla-jgeddidna-bil-qawwa-tal-kelma-tieghuomelija-fl-okkazjoni-tal-pellegrinagg-penitenzjanli-tar-randan-santwarju-nazzjonali-ta-pinu-8-ta-frar-2008/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.