- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

IL-ĠID TAL-PERSUNA U TAL-KOMUNITÀ
Messaġġ fil-festa ta’ San Franġisk De Sales patrun tal-Ġurnalisti - 24 ta’ Jannar 2008

Posted By admin On January 24, 2008 @ 10:21 pm In 2008 | Comments Disabled

Waqt quddiesa għall-ġurnalisti li ċċelebra l-lejla, il-Ħamis 24 ta’ Jannar 2008, fir-Rabat, Għawdex, fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Franġisk de Sales, patrun tal-ġurnalisti, l-Isqof Mario Grech għamel dan il-messaġġ:

Il-Kelma t’Alla llum turina li Ġesù kien jattira n-nies; kien infuwenti fuq dawk ta’ madwaru. Għalkemm kien ikollu l-folla tisimgħu, Ġesù ma kienx jittraskura lill-individwu. Kellu attenzjoni personali għal kulħadd. Da parti tagħha, in-nies kienet tfittxu biex tisma’ l-kelma tiegħu; għan-nies, kliem Ġesù kien jagħmel sens u jagħti sens. Kliemu kien jirrifletti l-ħlewwa ta’ l-imħabba t’Alla lejn il-bniedem.

F’din l-okkażjoni tal-festa ta’ San Franġisk de Sales, patrun tal-ġurnalisti, nara xebħ bejn il-missjoni ta’ Ġesù u dik ta’ min huwa involut fil-qasam tal-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali. Bħal Ġesù, il-ġurnalist, ix-xandâr u l-kittieb jolqot l-attenzjoni tal-bnedmin; bħal Ġesù, dawn għandhom ħafna influwenza fuq dawk li jaqrawhom, jisimgħuhom, jew jarawhom. Wieħed jistenna li l-kelma jew l-aħbar stampata jew imxandra, tinteressa għax tkun bis-sens u tnissel aktar sens f’dawk li jirċevuha.

Għaliex l-oġġett tal-ħidma tal-ġurnalist huwa l-ġid tal-persuna u tal-komunità tal-bnedmin. Il-komunikazzjoni ssir mill-persuni għall-persuni bil-għan li jkun hemm kontribut fl-iżvilupp sħiħ tal-bnedmin. Kull persuna għandu jkollha l-opportunità li tikber fir-rispett tal-ħtiġijiet fiżiċi, intellettwali, emozzjonali, morali u spiritwali tagħha. Għalhekk, bil-ħidma delikata tiegħu jew tagħha, il-ġurnalist jikkontribwixxi biex kull individwu jkun jista’ jimxi ’l quddiem f’dan il-proċess ta’ maturazzjoni umana u soċjali. Ikun jonqos il-gurnalist jekk bl-intervent tiegħu, flok jistimola biex l-individwu jkun aktar hu jew hi, ifixkel dan il-proċess ta’ żvilupp integrali lejn ħajja aktar dinjituża mibnija fuq it-tfittxija tal-verità.

Il-bżonn ta’ l-individwu qatt ma jista’ jiġi ssagrifikat minħabba l-interessi tal-massa! Inkella l-persuna tkun ridotta għal “oġġett” li jintuża biex imexxi l-aġenda ta’ min għandu f’idejh il-ġurnal, it-televiżjoni jew ir-radju. Meta jseħħu inċidenti bħal dawn, bħal fil-każ tal-qasam kummerċjali jew politiku, min jippossedi jew imexxi l-mezzi tal-komunikazzjoni jkun joħloq forma ta’ skjavitù ġdida.

Il-ġid tal-persuna ma jistax jintlaħaq indipendentament mill-ġid komuni. Għax il-ġid komuni huwa proprju l-ġabra tal-ġid li l-membri tal-komunità jfittxu “flimkien”; l-istess komunità teżisti biex tgħin fil-kisba ta’ dan l-istess ġid tal-membri kkunsidrati individwalment. Għalhekk, filwaqt li huwa korrett li l-mezzi tal-komunikazzjoni jintużaw biex jiġu promossi l-interessi tal-grupp jew komunità partikulari, ikun ħażin jekk dawn l-istess mezzi jintużaw biex jikkonfrontaw u jkesksu grupp ma’ ieħor, komunità ma’ oħra.

Għalhekk, mhux sewwa li l-mezzi tal-komunikazzjoni tagħna fil-coverage li jagħtu ma jużawx l-istess kriterji meta jitfgħu l-lenti fuq dak li jiġri fin-naħa t’isfel u n-naħa ta’ fuq tal-pajjiż, per eżempju bejn Malta u Għawdex. Lanqas huwa f’postu meta ssir diskriminazzjoni ma’ gruppi reliġjużi: xi drabi tingħata l-impressjoni li donnu jogħġobna nipproponu r-“reliġjon lajċista” u nxejnu t-twemmin kattoliku. Wieħed japprezza meta l-gruppi politiċi ma jippermettux li l-mezzi tal-komunikazzjoni tagħhom iservu ta’ għodda biex tixxellef l-għaqda fost il-poplu.


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2008/01/24/il-gid-tal-persuna-u-tal-komunita-messagg-fil-festa-ta-san-frangisk-de-sales-patrun-tal-gurnalisti-24-ta-jannar-2008/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.