Messaġġ tal-Papa għall-Jum Dinji tal-Paċi 2008

Il-Familja Umana, Komunità ta’ Paċi

English version click here

popebenedictwithchildren.jpgIl-Messaġġ tal-Papa Benedittu XVI għall-41 Jum Dinji tal-Paċi, li se jiġi ċċelebrat fl-1 ta’ Jannar 2008, jiffoka fuq it-tema, “Il-Familja Umana, Komunità ta’ Paċi”. Fil-Messaġġ, il-Papa juri kif bejn il-familja u l-paċi hemm rabta dejjiema.  L-ewwel parti tal-Messaġġ tiffoka fuq it-tifsira u l-valur tal-konnessjoni bejn il-familja u l-paċi, waqt li t-tieni parti teżamina l-familja umana fid-dawl ta’ għadd ta’ problemi li direttament jolqtu l-paċi.

Il-familja naturali, jgħid il-Papa, bħala komunoni intima ta’ mħabba u ħajja bażata fuq żwieġ bejn raġel u mara, tikkostitwixxi l-post primarju ta’ l-umanizzazzjoni għall-persuna u għas-soċjetà u hija benniena ta’ ħajja u mħabba.  Il-familja hija għalhekk ġustament definita bħala l-ewwel soċjetà naturali, istituzzjoni divina li tinsab fil-qofol tal-ħajja tal-persuna umana bħala l-mudell ta’ kull ordni soċjali. 
Wara li jsemmi l-fatt li l-familja hija l-ewwel u l-għalliem indispensabbli tal-paċi, il-Papa jfakkar li l-familja hija wkoll is-sies tas-soċjetà għaliex b’modi deċiżivi hija tgħin lill-membri tagħha jesperjenzaw il-paċi.  Għaldaqstant, il-komunità umana ma tistax tgħaddi mingħajr is-servizz li tipprovdi l-familja.

Peress li l-familja għandha d-dover li teduka lill-membri tagħha, hija għandha drittijiet speċifiċi li ma jistgħux jiġu miċħudin jew ristretti billi tiġi mtappna l-verità dwar il-bniedem, għaliex dan jhedded l-istess sisien tal-paċi.  Kull ħaġa li twassal biex iddgħajjef il-familja mibnija fuq iż-żwieġ bejn raġel u mara, kull ħaġa li direttament jew indirettament tkun ta’ tfixkil biex il-familja tibqa’ miftuħa għall-aċċettazzjoni responsabbli ta’ ħajja ġdida, kull ħaġa li tfixkel id-dritt tal-familja li tkun primarjament responsabbli għall-edukazzjoni ta’ wliedha, tikkostitwixxi ostaklu reali fit-triq għall-paċi.
Meta s-soċjeta u l-policy pubblika ma jkunux impenjati biex jassistu l-familja, jgħid il-Papa, huma jkunu qed iċaħħdu lilhom infushom minn riżors essenzjali fis-servizz tal-paċi.  Barra minn hekk, il-media tal-komunikazzjoni soċjali, b’mod partikolari, minħabba l-potenzjal edukattiv tagħhom, għandhom ir-responsabbiltà li jġibu ’l quddiem ir-rispett għall-familja, jippreżentaw b’mod ċar dak li tistenna l-familja u dtittijietha, u jippreżentaw is-sbuħija kollha tagħha.
Il-Papa jgħid li familja tgħix fil-paċi jekk il-membri kollha tagħha jbaxxu rashom għal mod ta’ mġiba komuni fejn l-individwaliżmu egoista jinżamm ’il bogħod u l-individwi jinġabru flimkien f’ambjent li jħeġġeġ l-koeżistenza armonjuża tagħhom u jagħti direzzjoni lil ħidmithom.