XII/5 23 ta’ Diċembru 2007
TA G Ħ R I F L I L L – K L E R U
19. Is-Sibt, 15 ta’ Diċembru 2007, saret il-ħames laqgħa tat-12-il Sessjoni tal-Kunsill Presbiterali fiċ-Ċentru Pastorali tar-Ragħaj it-Tajjeb, Victoria, immexxija mill-Isqof Mario Grech, fil-preżenza tal-Moderatur il-ġdid, Dun Daniel Xerri, Rettur tas-Seminarju. Attendew 75 % tal-membri.
20. L-Accountant Mario Grech ta tagħrif dwar ir-rapport finanzjarju annwali tal-Fond Ċentrali tad-Djoċesi għas-sena 2006. Qal li kien hemm żbilanċ ta’ Lm 40,000 derivat minn nuqqas ta’ madwar Lm 30,000 fid-dħul mill-imgħax fuq l-investimenti u anke minn spejjes kapitali straordinarji, bħal fil-każ tal-bini ta’ l-iskola tal-Konservatorju. Qal li l-item prinċipali tad-dħul (madwar Lm 190,000 netti wara li jinqata’ l-imgħax mogħti lill-parroċċi u entitajiet oħra) ġej mill-imgħax mill-investimenti waqt li l-item ewlieni ta’ ħruġ jikkonsisti fil-ħlas u għotjiet lill-qassisin (madwar Lm 171,000). Il-ħruġ jikkomprendi wkoll operational costs li jinkludu spejjes ta’ manutenzjoni u xogħlijiet ta’ refurbishment li saru fit-Tribunal Ekklesjastiku.
21. Fost id-diversi interventi tal-Membri:
(a) ġie mistoqsi hux possibbli li bħall-N.G.O.s, il-Knisja tiġi eżentata mit-taxxa fuq l-income;
(b) issemma’ li l-Kunsill Presbiterali jista’ jipproponi li għall-futur, meta titwaqqaf fundazzjoni pija meta din tagħlaq, parti minnha tmur għall-Fondo Clero. L-Isqof qal li jista’ jindika din l-idea lill-kappillani bħala desideratum;
(ċ) intwera qbil minn diversi Membri li jeħtieġ ikun hawn aktar sensibilità għall-kontribuzzjonijiet u li jingħata tagħrif lin-nies in ġenerali f’dan is-sens;
(d) f’dan ir-rigward, ġie propost li l-Isqof jagħmel programm fuq ir-radju dwar il-qagħda ekonomika tad-Djoċesi u dan jixxandar f’peak time mir-radjijiet tal-parroċċi;
(e) ġie suġġerit li fil-parroċċi jkun hemm lajċi li jitrattaw il-materji finanzjarji. L- Isqof fakkar li skond il-Kodiċi tad-Drittu Kanonku hu previst li jkun hemm kunsill finanzjarju fil-parroċċi.
22. Mons. Isqof jipproponi li kull saċerdot almenu jikkontribwixxi Lm 1,000 għall-Fondo Clero Djoċesan, jew meta għadu ħaj jew inkella bħala lascito għal wara mewtu. Sad-data ta’ dan it-Tagħrif, ingħataw Lm12,000 mingħand saċerdoti individwali.
23. Ġie mfakkar li s-Santa Sede tinsisti ma’ l-impjegati tagħha li jaħsbu fil-Knisja fit-testment tagħhom.
24. Rigward il-kontribuzzjonijiet versu l-fond ċentrali, ġie rrimarkat illi:
(a) skond regolament tal-Provinċja Ekklesjastika Maltija, meta tinbiegħ xi proprjetà ta’ enti ekklesjastiku, terz tar-rikavat imur għall-enti li tkun, terz għall-Fondo Clero u terz għall-iskejjel tal-Knisja;
(b) meta jsiru opri ġodda, jitħallsu 10 % ta’ l-ispejjes ta’ l-opra lill-fond ċentrali.
25. F’konnessjoni max-xogħol ta’ bini fl-iskola sekondarja tal-Konservatorju ta’ l-Isqof, Mons. Isqof semma li rċieva programm preventiv dwar dak li fadal għall-iskola li jammonta għal madwar Lm100,000 oħra. Saru kummenti pożittivi mill-Isqof u minn xi Membri dwar l-utilità ta’ din l-iskola.
Dun Edward Xuereb (Segretarju)