- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Il-Familja skola ta’ kull virtù (Ittra lill-Familji, 2/2007)

Posted By admin On November 17, 2007 @ 11:54 am In Letters | Comments Disabled

Il-Familja skola ta’ kull virtù

Ittra lill-Familji Għawdxin bi tħejjija għall-Festa ta’ Kristu Re 2007 
 

Ittra lill-Familji – 2/2007

15 ta’ Novembru 2007

Għeżież familji,

      Kif Ġesù għandu dejn kbir lejn il-familja tiegħu għax l-ambjent familjari kien għalih it-triq biex seta’ jasal għand kull bniedem, jien ukoll inħossni midjun lejkom, għax anke llum intom waħda mit-toroq ewlenin biex Kristu jasal għand il-bniedem. Il-Knisja f’Għawdex kienet tkun differenti kieku l-preżenza tagħkom kienet nieqsa! L-isfidi pastorali li għandi bħala ragħaj spiritwali tagħkom kienu jkunu ferm aktar iebsin kieku m’hemmx il-kontribut li tagħti kull familja fil-ħajja nisranija ta’ kull wieħed u waħda minna.

      Il-kuntatt li għandi mal-familji tagħna jixhidli li normalment l-ewwel esperjenza t’Alla li aħna jkollna  f’ħajjitna nagħmluha fid-dar u mhux fil-knisja! Il-kelma li tbejjet lil Alla f’qalbna hija dik li nisimgħu f’ħoġor il-ġenituri tagħna, u din taslilna qabel dik li nitgħallmu mingħand il-katekisti. Għal ħafna minna l-familja hija forġa li taħraq id-dnub u skola tal-virtù.

      Min m’għandux din ix-xorta ta’ għajnuna li taslilna mill-familja jsibha diffiċli mhux biss biex jgħix l-Evanġelju imma wkoll biex ikollu ħajja sabiħa. Infatti, naf b’individwi li jixxenqu li jkollhom dan l-ambjent ta’ familja! Uħud minnhom mhux tort tagħhom. Ikun sewwa jekk lil dawn ngħinuhom isibu tweġiba. 

      Għalhekk inħossni midjun lejkom, għeżież familji nsara! Fl-istess ħin nagħmlilkom appell biex tgħożżu l-identità tagħkom bħala familji dixxipli ta’ Kristu. Quddiem l-isfidi li toffri l-ħajja, jeħtieġ li nikbru fil-fidi fiH. Din il-fidi tiġi mis-smigħ tax-xandir tal-Kelma ta’ Kristu (ara Rum 10,17). Huwa għalhekk li fil-Pjan Pastorali ta’ din is-sena qegħdin inħeġġukom biex “tkunu ħbieb ta’ l-Evanġelju”. Jekk inkunu sajmin mill-Kelma t’Alla l-fidi tagħna tiddgħajjef, u nirriskjaw li nitilfu l-patrimonju familjari li semmejt aktar ’il fuq.

      Kif kull familja tagħna tixtieq li uliedha jirċievu s-sagrament tal-Magħmudija – u hekk jibdew il-mixja tal-fidi, hekk ukoll kull familja għandha tifhem il-ħtieġa li tfittex il-Bxara t-Tajba li “tiswa biex wieħed jgħallem, iċanfar, iwiddeb u jrawwem fis-sewwa, biex hekk il-bniedem t’Alla jkun perfett, imħejji għal kull ħidma tajba” (2 Tim 3,16).

Stedina

      Nistieden lill-familji kollha għall-Festa ta’ Kristu Re li ser niċċelebraw nhar il-Ħadd 25 ta’ Novembru 2007 fil-Kumpless Sportiv ta’ Għawdex. Dakinhar flimkien nagħtu ġieħ lil Kristu Re billi nġeddu l-wegħdiet tal-Magħmudija tagħna u nimpenjaw ruħna biex din is-sena nfittxu nkunu ħbieb ta’ l-Evanġelju.

Stedina Speċjali

      Nagħmel stedina speċjali lil dawk il-koppji u persuni li fix-xhur li ġejjin ser iwelldu lit-tarbija tagħhom mhux biss għal din il-ħajja imma wkoll għal Alla – billi mbagħad iressquhom għal magħmudija, kif ukoll lil dawk li matul din is-sena ċċelebraw il-magħmudija ta’ xi ħadd minn uliedhom, biex dakinhar tal-festa ta’ Kristu Re jingħaqdu magħna f’din iċ-ċelebrazzjoni biex il-Knisja tagħmel talba speċjali fuqhom u fuq uliedhom. 

      Sakemm niltaqa’ magħkom nhar Kristu Re, inselli għalikom u nitlob fuq il-familji tagħkom il-barka t’Alla.
 
 

      + Mario Grech

     Isqof għall-qadi tagħkom


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2007/11/17/il-familja-skola-ta%e2%80%99-kull-virtu-ittra-lill-familji-22007/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.