Illum, 29 ta’ Ottubru 2007, fuq inizjattiva u fil-preżenza ta’ l-Arċipriet-elett tal-Parroċċa tal-Katidral Mons Ġużepp Attard, saret laqgħa kordjali u pożittiva bejn delegazzjoni tas-Soċjetà Filarmonika Leone u Mons Isqof Mario Grech flimkien ma’ delegazzjoni tal-Kurja Djoċesana. F’din il-laqgħa ġew iċċarati ċerti punti biex il-partijiet, skond il-kompetenzi rispettivi tagħhom, jibqgħu jaħdmu flimkien b’rispett reċiproku lejn xulxin.
Fi tmiem il-laqgħa, wara li ntwera apprezzament għal dak li wettaq l-Arċipriet Joe Vella Gauci matul il-parrokat tiegħu, l-Arċipriet-elett Mons Ġużepp Attard u d-delegazzjoni tas-Soċjetà Filarmonika Leone fissru x-xewqa li jkun xieraq li Mons. Joe Vella Gauci jibqa’ jagħti l-kontribut tiegħu fil-ħajja tal-Knisja. Mons Isqof Mario Grech, filwaqt li ppreċiża li r-relazzjoni mas-saċerdoti hija kompetenza ewlenija tiegħu, japprezza dan il-ħsieb u qal li diġà qed jaħdem dwaru.
Dun Anton Refalo, PRO tal-Kurja ta’ Għawdex
Dr Jean Paul Grech LLD, PRO tas-Soċjetà Filarmonika Leone