- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Tifsira ta’ l-Ikona tat-Tħabbira tal-Mulej

Posted By admin On October 26, 2007 @ 11:38 pm In Pastoral Plans | Comments Disabled

Daħla

Illum ħafna huma dawk li qed juru interess kbir lejn l-ikoni. Issib persuni li għandhom kollezzjoni sħiħa, u oħrajn qed iħarsu lejn l-ikona bħala oġġett ta’ arti antika. Iżda l-għan ewlieni li għalih tiġi mpittra l-ikona mhuwiex dan; l-għan ta’ kull ikona ma huwiex artistiku, iżda huwa wieħed spiritwali: dak li jressaq dejjem aktar il-bniedem lejn Alla biex iduq xi ftit mill-imħabba infinita tiegħu.

Il-kelma ikona ġejja mill-grieg u tfisser xbieha. L-ikona hija sempliċi pittura fuq l-injam li turi x-xbieha ta’ Kristu, tal-Verġni Marija jew tal-qaddisin. San Ġwann Dammaxxenu kien iħobb isejjaħ l-ikona bħala: Vanġelu Mpitter! Għandu elf raġun jgħid hekk, għaliex l-ikona, permezz tal-figuri u l-kuluri, trid twasslilna dak li hemm miktub fil-Kotba Mqaddsa, b’mod partikulari fil-Vanġelu.

L-Ikona

[1] Ikona tal-Pjan Pastorali 2007-2008. It-Thabbira Tal-Mulej L-ikona li qed takkumpanja l-mixja tal-Knisja f’Għawdex matul din is-sena pastorali tinsab fil-Mużew Nazzjonali ta’ Ochrida fil-Maċedonja, waqt li fil-bidu kienet fil-Knisja ta’ San Klement. Għalkemm l-awtur m’hux magħruf, l-istudjużi jżommu li kien jgħix f’Kostantinopli fil-bidu tas-seklu XIV. Ninnotaw li jidher ċertu moviment f’din l-ikona: il-moviment tal-Anġlu lejn il-Verġni Marija. L-ikona hija mibnija fuq dak li nsibu fil-vanġelu ta’ San Luqa fl-ewwel kapitlu, versi 26 sa 38.

Fuq naħa jidher il-mibgħut ta’ Alla, l-anġlu Gabrijel, li qiegħed iwassal il-messaġġ divin lill-Verġni Marija, li tinsab bilqiegħda fuq tron. In-naħa ta’ fuq ta’ l-Ikona jidhru l-kelmiet bil-grieg li jġibu l-Isem ta’ l-Ikona: Ho chairetismos li jfissru Tħabbira, waqt li fuq ras l-anġlu jidher l-isem Ho Achanghelos Gabriel, l-Arkanġlu Gabrijel. Mentri ħdejn il-Madonna jidhru il-kelmiet M(ete)r Th(eo)u, li jfissru l-Omm ta’ Alla. Tajjeb ngħidu li permezz ta’ din il-festa, il-liturġija tara l-bidu tat-twettieq tal-pjan tas-salvazzjoni. Infatti, l-innijiet liturġiċi jistiednu lill-fidili biex jifirħu u jfaħħru ’l Alla għaliex ġie mħabbar il-pjan tas-salvazzjoni. L-istedina ta’ ferħ lil Marija hija stedina ta’ ferħ lill-umanità. Fl-Apolitikion (il-Lawdi tal-festa, miktuba minn Teofanu) il-knisja Biżantina tkanta:

“Il-Misteru moħbi sa minn dejjem, illum ġie mħabbar:
l-Iben ta’ Alla jsir Bin il-bniedem…….

Adam, imnikket għaliex ma sarx bħal Alla kif xtaq,
iżda Alla jsir bniedem biex jagħti lil Adam id-divinità.
Jifraħ għalhekk il-ħolqien kollu,
għaliex l-Arkanġlu deher quddiem il-Verġni
u jwasslilha l-aħbar ta’ ferħ fejn kien isaltan in-niket”
.

L-Anġlu Gabrijel

“Imbaghad fis-sitt xahar Alla bagħat l-anġlu Gabrijel f’belt tal-Galilija, jisimha Nazaret, għand xebba, mgħarrsa ma’ raġel jismu Ġużeppi, mid-dar ta’ David. Din ix-xebba kien jisimha Marija. L-anġlu daħal għandha u qalilha: “Ifraħ, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek” (Lq 1, 26-28).

Gabrijel huwa l-mibgħut ta’ Alla, u għalhekk f’idu x-xellugija jħaddan Bastun, simbolu tal-pellegrin li ħalla t-tron ta’ Alla u ġie fid-dinja “f’belt tal-Galilija”. L-anġlu rċieva l-awtorità ta’ Alla biex jidħol għand Marija u jwasslilha messaġġ Divin, għalhekk il-bastun ifisser ukoll awtorità Divina.

Il-Libsa Bajda: Gabrijel huwa liebes ilbies abjad, dan hu l-kulur tad-dawl u tal-ħajja, dawk kollha li għandhom x’jaqsmu ma’ Alla qed igawdu mill-glorja Divina. Niftakru fir-rakkont tat-trasfigurazzjoni: “id-dehra ta’ wiċċu tbiddlet u l-ilbiesi tiegħu saru ta’ bjuda li tgħammex”.

Anke Ġwanni fid-dehra tas-sema jilmaħ il-maħturin ta’ Alla libsin ilbiesi bojod: “ħarist, u ara, kien hemm kotra kbira li ħadd ma jista’ jgħoddha, minn kull ġens u tribù,… weqfin quddiem it-tron u quddiem il-ħaruf, lebsin ilbiesi twal bojod…” Fuq il-komma ta’ l-anġlu tidher Faxxa Kaħla tfisser li l-missjoni tiegħu hija waħda ġejja mis-sema, hija Divina.

L-Id il-Leminija li hija merfugħa lejn Marija, turi li bejn iż-żewġ persunaġġi għaddej djalogu: l-anġlu qed jitkellem u Marija tisma’ u tirċievi l-aħbar. Eluf ta’ snin qabel, is-serpent wassal aħbar ta’ mewt lil Eva, issa Gabrijel iwassal aħbar ta’ ferħ lil Eva l-ġdida, aħbar li twassal għall-ħajja.

Is-Subgħajn ta’ l-Anġlu qegħdin f’pożizzjoni ta’ barka lejn il-Verġni Marija, għaliex l-aħbar li hu ġab hija waħda ta’ barka. Hija barka mis-Santissima Trinità, infatti jidhru tliet subgħajn miftuħa, waqt li ż-żewġ subgħajn l-oħra huma magħluqa u jmissu ma’ xulxin: dan biex ifissru li t-Tieni Persuna Divina ser issir bniedem u b’hekk ser torbot flimkien żewġ naturi, dik Divina ma’ dik umana fil-persuna ta’ Kristu .

Il-Verġni Marija

Il-Verġni Mbierka tidher bilqiegħda, maħsuda bid-dehra ta’ l-anġlu u liebsa mantar kannella skur li fit-truf fih burdura tad-deheb, waqt li l-libsa hija ta’ kulur ikħal skur.

Il-Mantar ta’ kulur kannella jfisser l-umiltà ta’ din ix-xebba. Hu wkoll il-kulur tal-ħamrija, għaliex Marija hija dik l-art mhix maħduma (verġni) iżda fertili, lesta li tilqa’ f’ġufha s-Salvatur. Fl-innu Akathistos naraw kif Marija hija mxebbħa ma’ għalqa għammiela:

“Mill-ġuf tagħha
għamel għalqa għammiela
għal min jixtieq jaħsad
il-frott tas-salvazzjoni”.

Marija hija l-għalqa li minnha tnissel Kristu, l-awtur tas-salvazzjoni tagħna. Il-liturġija orjentali fil-kanoni tagħha tagħmel użu mill-istess simboliżmu u ssejjaħ lil Marija “għalqa” waqt li lil Kristu ssejjaħlu l-“qamħa Divina” għax għalina huwa sar il-ħobż tal-ħajja. “Sliem għalik, O għalqa mhix maħduma, minnek nibtet il-qamħa Divina”.

Il-Libsa kulur Ikħal skur (vjola) qed tfisser id-distakk ta’ Marija mill-ħwejjeg tad-dinja u l-elevazzjoni ta’ ruħha għall-ħwejjeġ ta’ Alla. Dak li Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu fl-aħħar ċena japplika fuq kollox ghal Marija: “Jien tajthom il-kelma tiegħek, u d-dinja bagħdithom, għaliex huma m’humiex tad-dinja…”. Marija emmnet fil-kelma li l-anġlu ġabilha mis-sema, u hekk bil-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu tnissel f’ġufha Kristu Ġesù, il-Kelma ta’ Alla.

F’din l-ikona, Marija tinsab bilqiegħa fuq imħadda ħamra, anke ż-żarbun hu ta’ l-istess kulur. Il-kulur aħmar porpra huwa l-kulur tas-slaten: Marija hija s-sultana għaliex hija Omm Kristu Sultan. Kull min jilqa’ l-kelma regali ta’ Alla jitlibbes bir-regalità ta’ Alla. Il-kelma ta’ Alla ddaħħalna f’relazzjoni ma’ Alla, u nibdew niġu ttrasfigurati fiH.

L-id xellugija qed iżżomm mekkuk u kobba suf aħmar. Hawn għandna riferiment għall-kotba apokrifi fejn naqraw li meta Marija ġiet mogħtija lil Ġużeppi biex ikun ir-raġel tagħha, hija ħalliet it-Tempju u marret toqgħod f’darha, iżda meta tefgħu x-xorti biex tiġi maħduma l-purtiera tat-tempju, ix-xorti waqgħet fuq Marija biex tkun hi li taħdem il-porpra ta’ din il-purtiera. Bdiet taħdimha d-dar, u ġara li meta marret iġġib l-ilma mill-bir, skond din il-kitba apokrifa kellimha għall-ewwel darba l-Anġlu Gabriel. Il-Padri u l-Kittieba tal-Knisja jaraw is-sens simboliku ta’ dan kollu. Hekk, per eżempju, fil-Kanoni tal-festa miktub minn Indrija ta’ Kreta nsibu: “Il-porpra regali tal-Għimmanuel, li hija l-ġisem tiegħu, ġiet minsuġa fil-ġuf purissimu tiegħek, o Verġni Omm Alla”.

San Efrem tas-Sirja: “Illum Marija saret sema li fih hemm Alla, għaliex fiha niżlet tgħix id-divinità. (Id-divinità) iċċekknet fiha biex tgħolli lilna, u dan għalkemm min-natura tagħha ma hix żgħira. Fiha (f’Marija) nisġet (id-Divinità) għalina l-libsa tas-salvazzjoni”. Hawn qiegħed il-kobor tal-Misteru ta’ l-Inkarnazzjoni: Marija toffri lil Alla ħajjitha u f’ġufha jinħadem il-ġisem tal-Verb ta’ Alla, waqt li Alla jsir bniedem biex ilibbes lill-bniedem bil-libsa tal-glorja, tas-salvazzjoni.

L-Id il-leminija: dan il-ġest ta’ Marija jfisser l-attenzjoni u l-biża’ tagħha għal dak li qed tisma’. Joqgħod tajjeb il-kliem tas-Salm 45:

“Isma’, binti, ħares u agħti widen,
insa ’l ġensek u ’l dar missierek.
Jitgħaxxaq is-sultan bi ġmielek;
u int, għax hu sidek, agħtih qima”
.

L-Ispirtu s-Santu

L-Ispirtu s-Santu huwa mpitter b’raġġ iswed u mhux abjad. Hawn għandna referenza diretta għall-vanġelu ta’ Luqa: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u l-qawwa ta’ l-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek”. Fl-Iskrittura jidhru f’kontrappożizzjoni d-dell (naturali) tal-Mewt u d-dell ta’ Alla, dell li jagħti l-ħajja. Jixraq forsi nistaqsu lilna nfusna: Jien taħt liema dell tinsab ħajti? Taħt id-dell ta’ l-ispirtu ta’ Alla, jew taħt id-dell tas-siġra tar-riġnu li taħtha Ġona mar jistkenn, dell li jispiċċa u hu mingħajr ħajja?

Fit-Tradizzjoni tal-Knisja nsibu paralleliżmu bejn Eva u Marija. Marija tnissel wara li tisma’ l-Kelma ta’ Alla; waqt li Eva tnissel il-mewt għaliex ma’ tismax il-kelma ta’ Alla, u tagħti widen lil dik tal-Qarrieq. Efrem minn Nisibi jikteb: “Il-mewt daħlet permezz tal-widna ta’ Eva, u għalhekk kien hemm bżonn li l-ħajja tidħol permezz tal-widna ta’ Marija. Minħabba s-siġra tal-Għeden il-bniedem sar midjun, u għalhekk il-Mulej ġie u ħallas għal dan id-dejn permezz tal-għuda tas-salib”. Din il-widna rridu nifhmuha fis-sens simboliku: li tisma’ jfisser tobdi. Il-konċilju ta’ Niċea (AD 325) kien ikkundanna t-teżi ta’ ċertu Elianu li kien jgħid li l-Verb daħal (tnissel) f’Marija permezz tal-widna. Tajjeb inżommu l-kliem ta’ Eliżabetta: “Hienja dik li emmnet li jseħħ kull ma bagħat jgħidilha l-Mulej”.

Il-Bir

Fin-naħa t’isfel ta’ l-ikona jidher impitter bir ċkejken li fis-simboliżmu tiegħu jagħtina messaġġ ieħor. Fil-kulturi antiki, il-bir huwa dak l-element essenzjali għall-ħajja tal-bniedem għaliex fih jilqa’ l-ilma li mingħajru l-bniedem ma jgħixx. Tant hu hekk li fil-kultura Ebrajka l-bir spiss huwa mxebbaħ mal-mara li f’ġufha titnissel il-ħajja. F’din l-ikona, mela, għandna riferiment għall-ġuf safi ta’ Marija li laqa’ fih l-ilma tal-ħajja, Kristu. Jeħtieġ niftakru fid-diskors ta’ Kristu mas-Sammaritana ħdejn il-Bir ta’ Ġakobb, fejn Ġesù jistqarr: “kull min jixrob mill-ilma li nagħtih jien ma jkun qatt bil-għatx. L-ilma li nagħtih jien isir fih għajn tnixxi ilma li jasal sal-ħajja ta’ dejjem”. Ġesù stess huwa mxebbaħ ma’ l-ilma tal-ħajja. Minħabba l-misteru ta’ l-Inkarnazzjoni, Marija ssir għall-ġeneru uman il-Bir tal-ħajja.

Konklużjoni

Rajna kif l-ikona ma hix sempliċi oġġett ta’ arti, iżda hija fuq kollox għajnuna għal dawk kollha li jieqfu quddiemha jitolbu u jirriflettu fuq il-misteru mpitter. Jidher ċar li l-ikona tat-Tħabbira tal-Mulej, barra li tirrakkonta dak li nsibu fil-Vanġelu ta’ Luqa, qed tistedinna biex nieħdu lil Marija bħala mudell għal ħajjitna. Il-bniedem li qed ifittex li jiltaqa’ ma’ Alla jeħtieġ joqgħod fis-skiet u hemm jisma’ lil Alla: hekk imbagħad, permezz tal-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu, titnissel fih il-preżenza ta’ Alla. Dan iseħħ jekk bħal Ommna Marija nkunu liebsa l-umiltà. Ejjew nifirħu u fl-istess ħin infaħħru lil Alla għaliex permezz ta’ Marija Alla ngħaqad mal-bniedem biex jibqa’ mal-bniedem. L-Omm Verġni Marija tistedinna nersqu fi ħdanha biex tkun hija li tgħallimna nitkellmu u ngħożżu f’qalbna kelmet il-Mulej.


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2007/10/26/tifsira-ta%e2%80%99-l-ikona-tat-thabbira-tal-mulej/

URLs in this post:
[1] Image: http://gozodiocese.org/wp-content/gallery/ikoni/ikona-pjan-pastorali-2007.jpg

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.