- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Pjan Pastorali Djoċesan 2007-2008

Posted By admin On October 26, 2007 @ 12:53 pm In Pastoral Plans | Comments Disabled

[1] Ikona tal-Pjan Pastorali 2007-2008. It-Thabbira Tal-Mulej

Djoċesi ta’ Għawdex
Pjan Pastorali Djoċesan
għas-sena pastorali 2007-2008

“Kunu Ħbieb ta’ l-Evanġelju”
“L-Ispirtu s-Santu jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom.” (Ġw 14,26)

Komunità nisranija mibnija fuq il-Kelma t’Alla

  1. Waqt li tikkontempla t-tħabbira ta’ l-anġlu lill-Verġni ta’ Nazaret (ara Lq 1,26-38), il-Knisja f’Għawdex trid tkompli timxi t-triq tal-fidi u tikber fl-għaqda mal-Missier billi tisma’ l-leħen tal-Verb magħmul bniedem u tħares il-kelma tiegħu bil-qawwa ta’ l-Ispirtu mogħti lilha. B’hekk hija ssir dejjem aktar il-Poplu tal-Patt il-Ġdid, mibgħuta biex ixxandar lill-bnedmin il-ġrajja ta’ l-Għid tal-Mulej.
  2. Il-Knisja tilqa’ bħala grazzja speċjali l-kanonizzazzjoni ta’ San Ġorġ Preca, u tħoss is-sejħa li l-Mulej għadu jagħmel permezz tal-Qaddis: “Kunu ħbieb ta’ l-Evanġelju”. Għalhekk il-Knisja Lokali tixtieq tkompli timpenja lilha nnifisha biex bħal Marija “tisma’ u tgħożż f’qalbha” l-Kelma mħabbra lilha, filwaqt li toffri għajnuna biex l-insara kollha ta’ din id-djoċesi jsiru aktar midħla ta’ “Leħen il-Maħbub”; hekk jimmaturaw fil-fidi u jibnu ħajjithom fuq il-verità li tiġi mill-Kelma ta’ Alla u t-tagħlim tal-Knisja.
  3. Waqt li l-komunità nisranija f’din il-gżira tersaq aktar lejn il-Kelma rivelata, tkun qed titħejja flimkien mal-Knisja kollha biex tgħix żewġ ġrajjiet importanti li huma marbuta mal-Kelma t’Alla: is-Sena Pawlina mnedija mill-Papa Benedittu XVI (Ġunju 2008 – Ġunju 2009) – marbuta ma’ l-Appostlu li nissilna fil-fidi permezz ta’ l-evanġelju, u s-Sinodu ta’ l-Isqfijiet (5-26 ta’ Ottubru 2008) – li se jistudja s-suġġett “Il-Kelma t’Alla fil-ħajja u fil-missjoni tal-Knisja”.

Prijorità tal-Knisja f’Għawdex: Il-formazzjoni ta’ l-operaturi pastorali

  1. Il-Knisja f’Għawdex tqis bħala prijorità l-formazzjoni fil-fidi tal-poplu nisrani kollu. Hi fidi li tiġi mis-smigħ tax-xandir tal-kelma ta’ Kristu (ara Rum 10,17). Għalhekk il-Knisja f’Għawdex tħoss is-sejħa mhux biss li xxandar il-Kelma t’Alla – speċjalment fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi, imma wkoll li tgħin lill-insara jkunu aktar midħla tal-Kotba Mqaddsa.
  2. Biex il-Kelma t’Alla tixxandar aktar u tkun l-ikel ta’ kuljum tal-poplu t’Alla, huma meħtieġa kemm saċerdoti u reliġjużi, kif ukoll lajċi ffurmati li, permezz tal-varjetà tal-ministeri, jgħinu lill-insara tad-djoċesi jersqu aktar qrib tal-Kotba Mqaddsa. Għal dan il-għan, il-Knisja trid taħdem u titlob lil Sid il-Ħsad biex jibgħat aktar ħaddiema fil-ħsad tiegħu, kemm għall-ministeru saċerdotali u ta’ ħajja kkonsagrata, kif ukoll għall-ministeri l-oħra proprji tal-lajċi.
  3. It-triq ewlenija biex isseħħ il-formazzjoni fil-fidi tal-poplu nisrani hija l-katekeżi. Katekeżi mibnija fuq għarfien aħjar tal-Kelma t’Alla twassal lill-komunità nisranija biex tifhem aktar u tiċċelebra aħjar il-liturġija, u tħeġġeġ lill-insara biex joffru l-kontribut tagħhom għall-bini ta’ soċjetà aktar ġusta u solidali ma’ min hu fil-bżonn. Imdawla mill-ministeru ta’ San Ġorġ Preca, fost l-urġenzi li tħoss il-Knisja Lokali llum hi li jkollha katekisti ffurmati biex ikunu jistgħu jaqdu l-ministeru li jiffurmaw insara oħra – tfal, żgħażagħ u kbar – fil-fidi.
  4. L-urġenza ta’ formazzjoni kontinwa fil-fidi hi stedina mhux biss għal-lajċi nsara imma wkoll għas-saċerdoti u l-persuni ta’ ħajja kkonsagrata. Is-saċerdoti huma l-ewwel operaturi pastorali fil-ħidma tal-Knisja għas-salvazzjoni ta’ l-erwieħ. Il-ħeġġa għall-ħajja interjuri, l-eżemplarità tal-ħajja tagħhom, il-preżenza tagħhom qrib l-insara, u l-impenn fl-aġġornament teoloġiku għandhom ikunu sinjal sensibbli ta’ tiġdid fil-ħajja tal-Knisja Lokali.

Formazzjoni u mixja ta’ fidi fi ħdan il-komunità nisranija

  1. Biex il-ħidma pastorali tkun aktar effikaċi u tilħaq l-għanijiet tagħha, trid tkun sostnuta mhux biss mit-talb u mill-ħajja sagramentali imma wkoll minn formazzjoni soda fil-fidi ta’ dawk li jaqdu xi ministeru fil-knisja. Filwaqt li ħafna lajċi taw u qed jagħtu servizz varju u ġeneruż fil-komunità nisranija, l-evanġelizzazzjoni ġdida titlob li min jaqdi xi ministeru – speċjalment il-ministeri marbuta mal-katekeżi, mal-liturġija, u mad-djakonija – ikun hu stess qed jiġi ffurmat. Jeħtieġ, għalhekk, li kull min jiġi msejjaħ biex jaqdi xi ministeru fil-komunità nisranija jifhem il-bżonn li jagħmel hu stess mixja ta’ fidi fi ħdan il-komunità nisranija li lilha jaqdi.
  2. Il-mixja ta’ formazzjoni kontinwa fil-fidi tista’ tieħu forom diversi. Ir-realtà pastorali attwali turi kemm huma provvidenzjali għat-tiġdid tal-Knisja Lokali l-esperjenzi ta’ formazzjoni nisranija li huma mibnija fuq il-Kelma t’Alla. Flimkien mal-formazzjoni fil-fidi li għadd ta’ lajċi nsara qegħdin jirċievu bħala membri fl-għaqdiet reliġjużi, fil-gruppi u fil-movimenti ekkleżjali, jeħtieġ li kull parroċċa jkollha proposti ta’ formazzjoni kontinwa fil-fidi għal dawk l-insara l-oħra li jixtiequ jagħrfu aktar fil-fond is-sbuħija tal-fidi nisranija tagħhom.

Għanijiet tal-Pjan Pastorali Djoċesan

  1. Imsaħħa mid-don ta’ l-Ispirtu li jgħallem il-Poplu tal-Patt il-Ġdid u jfakkru fil-kelma ta’ Kristu, il-Knisja Lokali trid tkompli tibni fuq il-ħidma pastorali li ħarġet mill-Pjan Pastorali Djoċesan tas-sena li għaddiet, filwaqt li tħares ’il quddiem fil-proġettazzjoni tal-ħidma pastorali tagħha. Għalhekk:
    1. titkompla l-azzjoni pastorali tal-Pjan Pastorali preċedenti biex jintlaħqu aktar l-għanijiet imfassla f’dak il-Pjan, jiġifieri li fil-komunitajiet insara kollha jkun hemm proposti ta’ mixja fil-fidi permezz tal-katekeżi għall-adolexxenti;
    2. titkompla u tittejjeb l-azzjoni pastorali fl-iskejjel, kemm sekondarji kif ukoll primarji;
    3. fil-parroċċi jsiru proposti ta’ katekeżi għall-adulti, fejn ikun hemm aktar familjarità mal-Kelma t’Alla;
    4. il-parroċċa u l-komunitajiet insara l-oħra jħejju inizjattivi biex il-Kelma ta’ Alla tkun preżenza aktar ħajja fil-komunità liturġika u fil-familji tagħna.

“Skola” ta’ formazzjoni fil-fidi u fil-qadi tal-ministeri

  1. Id-Djoċesi wkoll tħossha msejħa biex takkumpanja l-mixja fil-fidi ta’ l-operaturi pastorali. Flimkien ma’ seminars u mumenti oħra ta’ formazzjoni, il-Knisja Lokali qed tibda “Skola ta’ Formazzjoni għall-Ministeri”. Permezz ta’ korsijiet bażiċi fit-teoloġija fundamentali u fil-pedogoġija tal-fidi, il-Knisja tkompli tħejji lajċi ffurmati għad-diversi ministeri fil-Knisja. Dan il-proġett edukattiv ikompli jsir fis-snin li ġejjin.
  2. Hemm erba’ oqsma primarji tal-pastorali fejn il-Knisja tħoss li trid tifforma lajċi biex jaqdu l-ministeri li għalihom jiġu msejħa: il-katekeżi, il-liturġija, id-djakonija, u l-pastorali mal-familja. Il-Knisja tħoss li matul din is-sena pastorali l-ewwel proposta ta’ formazzjoni teoloġika u pedagoġika għandha ssir lil dawk li jaqdu l-ministeru ta’ katekist tat-tfal.

Marija, il-mara li tilqa’ u tgħix il-Kelma

  1. Marija hija l-ikona l-kbira tal-Knisja u tad-dixxiplu li jiftaħ qalbu għall-Kelma mħabbra, biex il-Kelma tinkarna u ssir esperjenza ta’ ħajja u ta’ mħabba. Fis-sena pastorali li fiha niċċelebraw il-125 sena mis-Sejħa tal-Madonna Ta’ Pinu lil Karmni Grima u l-150 sena mid-dehriet tal-Madonna ġewwa Lourdes, il-Knisja f’Għawdex tħossha msejħa biex timita lil Marija li laqgħet il-kelma u tat il-ħajja lill-Verb.
  2. Fil-mixja tagħha għad-dell tal-Kelma ta’ Alla l-Knisja f’Għawdex tħares lejn Marija u tilqa’ l-istedina tagħha biex “nagħmlu kull ma jgħid il-Mulej”; lilha titlob biex fil-Knisja kollha u fid-Djoċesi tagħna jkun hawn aktar saċerdoti, persuni kkonsagrati u lajċi nsara li jsawru ħajjithom fuq il-Kelma t’Alla u jsiru dixxipli ta’ Kristu, li hu l-kelma ħajja tal-Missier.

Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2007/10/26/pjan-pastorali-djocesan-2007-2008/

URLs in this post:
[1] Image: http://gozodiocese.org/wp-content/gallery/ikoni/ikona-pjan-pastorali-2007.jpg

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.