- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Knisja kkonsagrata hija bir ta’ ilma ħaj (Katidral Għawdex, 14 ta’ Ottubru 2007)

Posted By admin On October 14, 2007 @ 9:55 am In 2007 | Comments Disabled

Fid-djoċesi t’Għawdex illum, il-Ħadd 14 ta’ Ottubru, ġiet iċċelebrata l-festa tal-Konsagrazzjoni tal-Katidral. Filgħaxija, fl-istess Katidral, l-Isqof Mario Grech mexxa konċelebrazzjoni u fl-omelija wassal dan il-messaġġ.

KNISJA KKONSAGRATA HIJA BIR TA’ ILMA ĦAJ

Fl-Evanġelju li għadu kif tħabbrilna (Ġw 4), San Ġwann jirreferi għal-“bir ta’ Ġakobb” li kien fuq muntanja “ikkonsagrata” bi tradizzjoni li kienet post sagru, tant li s-Samaritana lil Ġesù tgħidlu: “Missirijietna kienu jaduraw lil Alla fuq din il-muntanja” (v.20). Imma minkejja dan kollu, l-ilma li kien jittella’ minn dan il-bir ma kienx jaqta’ l-għatx – “kull min jixrob minn dan l-ilma jerġa’ jagħtih l-għatx” (v.13), tant li din il-mara kienet toqgħod ġejja u sejra biex timla minn dan l-ilma (v.15).

F’dan il-kuntest, Kristu jippreżenta lilu nnifsu bħala l-għajn ta’ l-ilma tal-ħajja: “min jixrob mill-ilma li nagħtih jien, qatt iżjed ma jkun bil-għatx. L-ilma li nagħtih jien isir fih għajn ta’ ilma li jwassal għall-ħajja ta’ dejjem”. Ix-xhieda li tagħti s-Samaritana meta tagħraf lil Kristu bħala “profeta” (v.19) tindika li dak li taffa l-għatx tagħha kien il- “Kelma” tiegħu, hu li huwa l-istess “Kelma” li saret bniedem! Infatti, meta seħħet din il-laqgħa personali ma’ Ġesù, il-mara ħalliet il-ġarra warajha u marret tgħaddi l-aħbar lill-oħrajn (v.28).

Peress li kull bniedem iġarrab l-għatx fil-ħajja, it-tifkira tal-konsagrazzjoni ta’ din il-knisja Katidrali li qed niċċelebraw illum tfakkarni li din il-knisja hija “il-bir” li minnu nistgħu ntellgħu ilma ħaj! Il-Katidral fid-djoċesi huwa l-post fejn hemm il-“kattedra” li minn fuqha titwassal il-Kelma. Kienet il-Kelma li kkonsagrat din il-knisja u hija l-istess “Kelma” li llum tibqa’ tikkonsagra lil kull wieħed u waħda minna u lill-poplu t’Alla.

Għalhekk iċ-ċirkustanza tal-lum hija sejħa biex nagħmlu minn dan it-tempju kkonsagrat “għajn ta’ ilma li jwassal għall-ħajja ta’ dejjem”, billi nagħmlu minn dan il-Katidral “it-tinda fejn tgħammar il-Kelma”. Jekk nittraskuraw dan id-dmir, il-bir ikun vojt jew jekk ikun fih l-ilma, dan ma jaqtax l-għatx!

Is-sejħa tiegħi llum għalhekk hija biex “inkunu ħbieb ta’ l-Evanġelju” – it-tema tal-Pjan Pastorali li xi jiem ilu kien ikkomunikat lid-Djoċesi. Fil-ġimgħat u fix-xhur li ġejjin il-Knisja tagħna ser tagħmel ċerti proposti biex nagħmluha aktar mal-Kelma, inkunu aktar midħla tagħha u nitolbu permezz tagħha. Din il-Kelma għandha tiġi mfissra u interpretata f’kuntest ekkleżjali, jiġifieri fid-dawl tat-Tradizzjoni u l-Maġisteru; altrimenti, hemm ir-riskju li napplikawha ħażin. Għaliex anke x-Xitan jaf jikkwota l-Iskrittura!

F’din il-ġurnata li fiha fil-Knisja ta’ Malta u Għawdex qed jiġi ċċelebrat Jum it-Tagħlim Nisrani, inħeġġeġ lil kulħadd biex nieħdu sehem f’dawn l-inizjattivi li huma meħtieġa għall-formazzjoni nisranija ta’ kulħadd, żgħar u kbar.

Nitolbu lill-Madonna, li lilha huwa ddedikat dan il-Katidral tagħna, biex kif hija laqgħet il-Kelma u kkoperat magħha, hekk aħna wkoll inħallu l-istess Kelma tkompli tqaddisna u ssawwarna biex hekk, kemm il-konsagrazzjoni ta’ din il-knisja, iktar u iktar il-konsagrazzjoni tagħna, jibqgħu effettivi. Amen.


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2007/10/14/248/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.