Saċerdot li ħabb il-komunjoni (Parroċċa Fontana, 9 ta’ Ottubru 2007)

Nhar it-Tlieta 9 ta’ Ottubru sar il-funeral ta’ Mons. Ġużeppi Bajda, mill-Parroċċa tal-Fontana, Għawdex. Il-funeral tmexxa mill-E.T. Mons Nikol Ġ. Cauchi, isqof emeritu. Dun Ġużepp Bajada kien kollaboratur ewlieni ta’ l-E.T. Nikol Cauchi. Fil-quddiesa tal-funeral ħa sehem ukoll Mons. Isqof Mario Grech u diversi saċerdoti oħra. Din hi l-omelija li għamel l-Isqof Grech waqt il-quddiesa tal-funeral.

SAĊERDOT LI ĦABB IL-KOMUNJONI

Inġbarna f’dan is-Santwarju tal-Qalb ta’ Ġesù biex niċċelebraw l-Ewkaristija b’suffraġju ta’ ħuna Mons. Ġużeppi Bajada. Għan-nisrani, il-mewt mhix it-tmiem ta’ kollox, imma hija l-passaġġ biex wieħed jgħaddi minn din id-dinja għal għand il-Missier u jgħix f’komunjoni miegħu għall-eternità. Il-mewt hija tappa meħtieġa biex nidħlu ngħammru fil-komunità tat-Trinità. Biex il-bniedem jasal għal din il-komunjoni, minn din id-dinja stess jeħtieġ li jixtieqha u jipprova jantiċipa l-esperjenza tagħha. Mons Ġużeppi Bajada huwa nisrani-saċerdot li emmen f’din il-komunjoni u stinka biex il-Mulej isibu jiżtħoqqlu biex jidhol fl-għamara ta’ dejjem.

Jekk kull saċerdot għandu jkunu “il-bniedem t’Alla”, Dun Ġużepp ma kienx ’il bogħod minn dan l-ideal. Il-ministeru saċerdotali offrielu żewġ toroq. Kien għalih it-triq ordinarja biex iwassal lil Kristu lill-oħrajn. Fl-istess ħin kien ukoll it-triq li indirizzatu biex jitwaħħad ma’ Kristu u gradwalment jikber fix-xebħ tiegħu miegħu. L-imħabba tiegħu lejn il-Qalb ta’ Ġesù żgur li għenitu biex jagħraf il-kobor, it-tul u l-fond ta’ l-imhabba ta’ Alla lejh. Hekk il-qalb tiegħu faret bl-imħabba lejn Alla. Sinjal ċar ta’ kemm dan is-saċerdot kien ifittex lil Alla f’ħajtu huwa l-ispirtu ta’ talb li huwa kellu.

Jien lil Dun Ġużepp ilni nafu minn meta bdejt il-kors tiegħi għas-saċerdozju fis-Seminarju tagħna, kif ukoll wara li ġejt ordnat saċerdot, meta konna flimkien fil-Kurja. Dejjem nafu bħala bniedem tat-talb. Fis-Seminarju kien jgħaddi minn kappella għall-oħra jinvista lil Ġesù Sagramentat. Konna narawh fil-kurituri tas-Seminarju bil-kuruna tar-Rużarju jew il-Brevjar f’idejh. Kellu diversi devozzjonijiet, u niftakru regolarment jinvista diversi knejjes fir-Rabat, speċjalment lill-Madonna tad-Duluri. Fi ftit kliem, Dun Ġużepp kien ta’ ezempju għalija dwar il-valur tat-talb. Kien għalliem tat-talb. U jekk irridu napprofittaw minn din il-liturgija, kemm aħna s-saċerdoti u intom l-lajċi, nitolbu lill-Mulej “jgħallimna” nitolbu u niskopru t-talb bħala mezz ta’ komunjoni m’Alla.

Din il-komunjoni vertikali għandha rifless fil-komunjoni f’din id-dinja. Lilna membri fil-Knisja ta’ Kristu, Dun Ġużepp ifakkarna fl-għaqda li għandu jkun hemm ma’ l-isqof, partikularment bejn is-saċerdot u l-isqof tiegħu. Dun Ġużepp għadda 40 sena bhala kappillan ta’ l-isqof Nikol Cauchi. F’dawn is-snin, b’imħabba, b’dedikazzjoni u b’sagrifiċċju personali huwa fittex li ġenerożament jgħin mill-qrib lill-isqof tiegħu. Miegħu qasam il-ferħ u l-preokkupazzjonijiet li jġib il-ministeru episkopali. Jien konvint li Dun Ġużepp wettaq dan kollu mhux biss b’imħabba u rispett uman lejn l-Isqof Cauchi, imma wkoll għax kien animat b’dak kollu li tgħallimna Ommna l-Knisja dwar il-ministeru ta’ l-isqof. Ix-xhieda tiegħu f’dan il-livell ta’ komunjoni kienet edifikanti.

Għalkemm forsi ħafna mil-lajċi ma jafux, għal ġafna snin Dun Ġużepp kien id-Delegat ta’ l-Isqof għas-saċerdoti – ministeru li kien iqiegħdu f’kuntatt kemm magħna s-saċerdoti li konna fid-djoċesi, kif ukoll ma’ sħabna li qed jeżerċitaw il-ministeru f’pajjizi oħra. Kien jipprova jgħinna kemm fil-ħtiġijiet spiritwali, bħal meta kien ifakkarna fl-eżerċizzi spiritwali, kif ukoll f’dawk materjali. Meta konna nirrikorru għandu, kien jismagħna u jipprova jgħinna. Jien nara li permezz ta’ dan l-uffiċċju, Dun Ġużepp ħadem biex iġib ’il quddiem il-komunjoni fost il-presbiteri li bis-saħħa ta’ l-ordinazzjoni sagra u tal-missjoni huma magħqudin bejniethom b’rabta intima ta’ aħwa. Anke f’dan l-aspett, Dun Ġużepp illum jistimulana, lilna s-saċerdoti, biex ngħożżu u nħarsu aktar il-komunjoni saċerdotali.

Bħala saċerdot iben din il-parroċċa, Dun Ġużepp ċertament ta l-kontribut tiegħu biex igib ’il quddiem il-komunità parrokkjali. F’kollaborazzjoni ma’ diversi kappillani li servew f’din il-parroċċa u ma’ sħabu s-saċerdoti, huwa ħadem magħkom u għalikom. Ilkoll nafu kemm kellu għal qalbu l-festa titulari tal-Fontana. Kienet xewqa tiegħu li ċ-ċelebrazzjoni tal-festa tkun sabiħa, kemm għax hekk jixirqilha l-Qalb ta’ Ġesù, kif ukoll għax il-“festa” hija waħda mill-attivitajiet li għandha l-parroċċa biex il-membri mhux biss jesprimu s-sens komunitarju, imma bl-okkażjoni tal-festa jsaħħu r-rabtiet ta’ bejniethom. Huwa dmir tagħna lkoll li naħdmu flimkien biex possibilment xejn ma jfixkel, biex il-komunità parrokkjali, għalkemm hija ffurmata minn persuni u gruppi differenti, tkun komunità magħquda. Kif smajna fit-tħabbira ta’ l-Evangelju, din hija x-xewqa-talba ta’ Kristu: “Kif inti fija, Missier, u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina, biex hekk id-dinja temmen li inti bgħattni” (Ġw 17.21b).

Għalhekk, filwaqt li nkomplu noffru t-talb tagħna b’suffraġju ta’ Dun Ġużepp bit-tama li l-Mulej isibu jistħoqqlu li jidħol fil-preżenza dejjiema tiegħu, nitolbu u naħdmu biex biex il-komunjoni m’Alla u dik ekkleżjali jagħtuna ħjiel tas-sbuħija li hemm tistenniena meta naraw lil Alla wiċċ imb’wiċċ. Amen.