- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Il-verita` tagħmilkom ħielsa
Omelija fit-tifkira tas-Sejħa tal-Verġni mbierka lil Karmena Grima
Santwarju Ta’ Pinu (22 ta’ Ġunju 2007)

Posted By admin On June 22, 2007 @ 1:16 pm In 2007 | Comments Disabled

Omelija fit-tifkira tas-Sejħa tal-Verġni mbierka lil Karmena Grima
Santwarju tal-Verġni Marija Ta’ Pinu, l-Għarb, Għawdex
Il-Ġimgħa 22 ta’ Ġunju 2007
L-E.T. Mons. Mario Grech, isqof ta’ Għawdex

IL-VERITÀ TAGĦMILKOM ĦIELSA (Ġw 8,32)

Ir-rakkont ta’ Kana li għadna kif qrajna fil-Vanġelu fost ħwejjeġ oħra jindikalna illi min ma jiqafx jaħseb daqsxejn qabel jaġixxi, u min iħalli lilu nnifsu jinħakem mill-ferneżija tal-ħajja jew mill-konfużjoni, jiġrilu bħalma ġralhom l-għarajjes ta’ Kana, illi naqsilhom element importanti tal-festa: l-inbid.

Nistaqsi jekk huwiex il-każ illi fil-ħajja tagħna tant aħna għaddejjin b’ritmu mgħaġġel u tant aħna mifruxin fil-ħsieb tagħna li l-konfużjoni u d-diżorjentament qishom saru parti mill-ħajja, u qegħdin fir-riskju li f’ħajjitna nwarrbu jew nitilfu elementi importanti, biex ma ngħidx il-fundament tal-ħajja tagħna. Għax min jaġixxi mingħajr ħsieb jew mingħajr ma joqgħod iqis u jiżen, ir-riskji li jiżbalja huma kbar.

Jiena ma nixtieq nara lil ħadd iwettaq dawn it-tip ta’ żbalji, la bħala individwi, la bħala familji u anqas fuq livell soċjali. Jekk ma nagħrfux il-bżonn illi nnaqqsu ftit mir-ritmu ta’ l-għaġla biex nirriflettu u niżnu qabel ma ngħidu u niddeċiedu, ħa jonqosna l-inbid jekk mhux diġà beda jonqos.

Dak li qed ngħid għall-ħajja privata nħoss li għandi ngħidu għall-ħajja pubblika, b’mod partikulari għal dawk l-individwi u entitajiet li l-uffiċċju tagħhom ipoġġihom f’pożizzjoni li b’dak li jgħidu, jagħmlu u jiddeċiedu sejrin jew qegħdin isawru l-ħajja ta’ ħafna u qegħdin jagħtu direzzjoni lis-soċjetà.

Is-sejħa tal-Madonna: nieqfu fil-preżenza ta’ Ġesù
Illum qegħdin nagħmlu din il-festa ta’ meta l-Verġni mbierka minn din il-kappella tefgħet il-ħarsa tagħha fuq mara sempliċi li kienet għaddejja fuq xogħolha. X’qaltilha l-Verġni Marija f’din il-vuċi li Karmena Grima semgħet ħierġa mill-kappella Ta’ Pinu? “Ejja, ejja, ejja”. Xi tfisser din is-sejħa?

Nifhem li l-Verġni mbierka sejħet lil Karmena biex tieqaf ftit mill-attività tal-ħajja u tiġi proprju fil-preżenza ta’ l-imgħallem Ġesù, u hemmhekk hija jirnexxielha taħseb. Din ir-riflessjoni tagħmilha mhux billi ddur fuqha nfisha, bil-ħila intellettwali tagħha biss, imma billi taħseb b’moħħ u b’qalb li huma mdawlin minn Alla. Hija sejħa li l-Verġni mbierka għamlet lil Karmni ħalli tieqaf u titlob, fis-sens li tiddisponi lilha nfisha biex tħalli lill-Ispirtu ta’ Alla jdawlilha l-ħsieb tagħha u jirrivelalha l-verità biex hija tkun iktar ħielsa, għax kif insibu f’San Ġwann, “il-verità tagħmilkom ħielsa” (Ġw 8,32).

Għiduli intom jekk illum hemmx bżonn li nħallu din il-vuċi ta’ Marija tasal fil-kuxjenza tagħna: “Ejjew u poġġu lilkom infuskom fil-preżenza ta’ Ibni l-Mulej Ġesù, li huwa l-verità”; dak illi San Ġwann fil-prologu tal-Vanġelu tiegħu jgħid għalih: ‘Fih seħħew il-grazzja u l-verità… Fih hemm tassew il-milja tal-grazzja u tal-verità’ (ara Ġw 1:16-17)”. Inpoġġu fil-preżenza ta’ Ġesù; iInsibu ftit ħin għas-skiet interjuri u nħallu l-verità ta’ Alla ddawwalna biex id-deċiżjonijiet li nieħdu jew nipproponu jkunu deċiżjonijiet li jaqblu mal-verità; dik il-verità li ma joħloqhiex il-bniedem kif ifettillu jew għax iċ-ċirkustanzi tagħna hekk jitolbu jew jindikawlna. Mela l-verità hija daqshekk relattiva fis-sens li lbieraħ kienet mod u llum ieħor?! Il-verità ma titbiddilx.

Jekk ma rridux nibqgħu mexjin b’din il-ħajja ttraxxnata u nsibu il-ħin biex inwieġbu għal din il-vuċi, rridu npoġġu lilna nfusna fil-preżenza ta’ Alla ħalli hu jgħarrafna l-verità u hekk niksbu l-ħelsien veru. Il-verità tgħinek tpoġġi ħajtek fl-ordni tagħha, tgħinek tirbaħ id-diżordni. Hemm indikazzjonijiet li għandna diżordni sew fil-ħajja individwali, sew f’tal-familja u sew fil-ħajja soċjali tagħna. Sakemm aħna ma nħallux il-verità ta’ Alla tmexxina, sa nibqgħu mingħajr inbid fil-ħajja.

F’Ġesù Kristu l-bniedem isib il-verità
Din il-verità li qed nitkellmu fuqha m’hix biss verità filosofika jew psikoloġika, imma għal min jemmen il-Vanġelu jagħti verità partikulari li dehret fil-persuna ta’ Ġesù Kristu, li fuq wiċċu idda d-dawl ta’ wiċċ Alla fil-ġmiel kollu tiegħu. Kristu huwa t-triq, il-verità u l-ħajja (ara Ġw 14,6). Għalhekk it-tweġiba deċiżiva għal kull problema tal-bniedem, speċjalment il-problemi reliġjużi u morali, jagħtiha Ġesù; anzi t-tweġiba hija Ġesù Kristu nnifsu. Kif jgħallem il-Konċilju Vatikan II “hu biss fil-misteru tal-Verb magħmul bniedem li verament jidher ċar il-misteru tal-bniedem” (Gaudium et spes 22).

Ġesù Kristu jgħallimna verità li ebda moħħ, intelliġenti kemm huwa intelliġenti, ma hu sa jasal għaliha: il-verità li Alla tant ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu biex kulmin jemmen fih isalva. Dan l-Iben tant ħabbna li ta lilu nnifsu għalina. Din hija verità teoloġika li tisboq il-verità filosofika u tipperfezzjonaha. Il-komunità kristjana għandha bżonn tissaħħar wara l-persuna ta’ Ġesù Kristu, illi jirrivelalna l-qawwa ta’ l-imħabba ta’ Alla għalina, biex imbagħad inkunu nistgħu ngħixuha. Ħafna sitwazzjonijiet fil-ħajja nsolvuhom biss jekk fina u fostna hemm l-imħabba kristjana.

Il-Verġni mbierka, li sejħet lil Karmena Grima biex tieqaf quddiem Ġesù, żgur li qaltilha dak li qalet lill-qaddejja ta’ Kana: “Agħmel dak li jgħidlek Ibni” (ara Ġw 2,5). Dan huwa l-messaġġ li nixtieq nafdalkom f’din il-ġurnata tant għażiża għall-Knisja f’pajjiżna: inħallu din il-vuċi tinżel fil-fond ta’ qalbna u fis-skiet noqogħdu fil-preżenza ta’ l-imgħallem Ġesù. Akbar m’int aktar int fid-dmir li toqgħod fil-preżenza tal-verità, għaliex dak li tgħid, tagħmel u tiddeċiedi sa jaffetwa lil ħafna. Noqogħdu fil-preżenza tal-Verità biex imbagħad inkunu aħbar tajba għas-soċjetà ta’ madwarna u jirnexxilna nevitaw li fil-ħajja, għalkemm jista’ jkollna ħafna, inkunu tlifna dak li huwa essenzjali.


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2007/06/22/il-verita-taghmilkom-hielsa-omelija-fit-tifkira-tas-sejha-tal-vergni-mbierka-lil-karmena-grima-santwarju-ta-pinu-22-ta%e2%80%99-gunju-2007/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.