- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Fewġa ħelwa
Omelija fil-Velja djoċesana ta’ Għid il-Ħamsin
Pjazza San Ġorġ, Victoria (26 ta’ Mejju 2007)

Posted By admin On May 26, 2007 @ 11:05 am In 2007 | Comments Disabled

Omelija fil-Velja djoċesana ta’ Għid il-Ħamsin
Pjazza San Ġorġ, Victoria, Għawdex
Is-Sibt 26 ta’ Mejju 2007
L-E.T. Mons. Mario Grech, isqof ta’ Għawdex

FEWĠA ĦELWA

Fis-sekwenza li għadna kif tlabna, fost ħwejjeġ oħra aħna lill-Ispirtu s-Santu sejjaħnielu “fewġa ħelwa”. Nistqarr magħkom li din iċ-ċelebrazzjoni qed inħossha bħal fewġa ħelwa u nixtieq lil kull wieħed u waħda minnkom iġarrab dan l-istess sentiment. Nixtieq illi t-tifkira ta’ din l-esperjenza tagħna flimkien tkun fewġa ħelwa li takkumpanjana fit-toroq tal-ħajja fix-xhur li ġejjin.

Fewġa ħelwa
Fid-diversi siltiet li tħabbrulna mill-Kelma ta’ Alla llejla nara li hemm messaġġ pożittiv ħafna. Veru li l-ħajja tagħna llum xi drabi hija bħall-belt ta’ Babel (ara Ġen 11,1-9), fejn il-bniedem donnu jrid jibni l-belt tiegħu biex jilħaq is-sema u jeskludi lil Alla. Imma huwa veru wkoll dak li jgħid Eżekjel permezz ta’ tixbiha oħra: minkejja li l-ħajja qisha wied fejn hemm l-iskeletri u riħa ta’ mewt, Alla jwiegħed li jibgħat l-Ispirtu tiegħu – Spirtu li joħloq, iqaddes u jagħti l-ħajja (ara Eżek 37). Għalhekk f’din il-lejla nħossu l-Ispirtu s-Santu bħala fewġa ħelwa.

Mibgħutin
Fil-Vanġelu li tħabbrilna (Ġw 20,19-23) Ġesù lill-Appostli mhux biss jikkomunikalhom l-Ispirtu tiegħu, imma jgħidilhom: “Kif il-Missier bagħat lili hekk jien nibgħat lilkom”. Hekk ukoll għandna nħossuna mibgħuta aħna lkoll. Biex din il-fewġa ħelwa li jagħtina l-Ispirtu ta’ Alla nikkomunikawha lid-dinja ta’ madwarna u ’l-Knisja f’Għawdex hemm bżonn tkun “aħbar tajba”, kif iffissajna fil-Pjan Pastorali ta’ din is-sena!

Għalhekk illejla nitolbu lill-Ispirtu s-Santu biex lil kull wieħed u waħda minna – lili, isqof tagħkom; lilkom, ħuti fis-saċerdozju; lilkom, reliġjużi; u lilkom, lajċi – jagħtina li nħossuna mibgħuta biex inkunu aħbar tajba, biex innisslu t-tama, u hekk din il-fewġa ħelwa tgħaddi mill-bibien, mit-twieqi u jekk hemm bżonn mill-ventilaturi tad-djar tagħna, billi din hija aħbar li għandha bżonn il-familja tagħna.

Kapulavur ta’ l-Ispirtu
Illejla, meta proprju qegħdin nagħmlu din it-talba ta’ tifħir lill-Ispirtu s-Santu, ma nistgħux ma nitfgħux ħarsitna fuq il-beatu Ġorġ Preca, li fil-fehma tiegħi huwa kapulavur ta’ l-Ispirtu s-Santu. Illejla nixtieq nippreżentahulkom bħala bniedem illi tassew għamel esperjenza ta’ l-Ispirtu bħala fewġa ħelwa u ħassu milqut minn Kristu biex din l-Aħbar it-Tajba jxandarha ma’ kulħadd. Il-Knisja sa tippreżenta lil Dun Ġorġ mhux biss lilna l-Maltin u l-Għawdxin imma lill-ġemgħa universali bħala wieħed mill-mudelli ta’ dawk illi ħallew l-Ispirtu jnebbaħhom biex ikunu Bxara Tajba. Jien naħseb li hawn numru sustanzjali minna, anki hawn preżenti, li gawdew, jekk mhux ukoll qegħdin igawdu, mill-ħeġġa li kellu Dun Ġorġ għal Kristu u li mbagħad għaddieha lis-Soċjetà tiegħu.

X’nixtieq nissottolinja fuq Dun Ġorġ f’dan il-kuntest kollu? Għax kien mimli bl-Ispirtu, Dun Ġorġ għaraf x’kienu l-ħtiġijiet ta’ żmienu u sab forma ġdida kif iwassal il-Bxara t-Tajba. Għalhekk ħoloq l-“oqsma”, li huma skejjel tal-katekiżmu. Huwa għaraf x’kontenut kellu jwassal bit-tagħlim; għaliex ħafna drabi jista’ jkollok ċentri u oqsma, imma wieħed jistaqsi x’qegħdin nittrażmettu! Dun Ġorġ kien dejjem jittrażmetti “Leħen il-Maħbub”, il-leħen ta’ Sidna Ġesù Kristu. Barra minn hekk Dun Ġorġ ma kienx kuntent li hu jkun appostlu waħdu, imma ħaseb biex iħarreġ lis-soċji tiegħu bħala “appostli” oħra biex ikunu jistgħu jwettqu din il-missjoni u jħossuhom mibgħuta mill-Mulej. Dun Ġorġ nissel fis-soċji tiegħu dak li llum insejħulu spirtu ta’ volontarjat b’indirizz speċifiku: volontarjat f’qasam ekkleżjali, b’għan preċiż li huwa dak tal-katekeżi. Huwa mhux biss nissel fihom ix-xewqa li jingħataw b’mod volontarju imma wkoll għaddielhom l-ispirtu tiegħu biex ikunu ddedikati u determinati.

Rifless fid-djoċesi
Dan kollu jiena nixtiequ jseħħ fil-Knisja tagħna; fina lkoll, imma f’xi wħud minna aktar minn oħrajn, għaliex dan jagħmel parti mill-identità tagħna li aħna mibgħuta b’sejħa minn Alla fil-Knisja: “Kif il-Missier bagħat lili hekk jien nibgħat lilkom”. Għeżież tiegħi, xi drabi nħoss li aħna mhux dejjem inħossuna mibgħuta biex proprju nwasslu l-leħen tal-Maħbub. U biex inkunu nafu l-leħen tal-Mulej irridu nkunu midħla tal-Kelma, ħalli mbagħad insibu postna f’dawk l-iskejjel tal-katekeżi li jinkludu mhux biss l-oqsma tal-Museum imma wkoll id-diversi ċentri tal-katekeżi u ċentri li jilqgħu lit-tfal, l-adolexxenti kif ukoll l-adulti, l-għarajjes u l-familji tagħna. Kemm tkun ħaġa sabiħa illi minn dawn iċ-ċentri u minn dawn l-iskejjel tal-katekeżi toħroġ fewġa ħelwa li tpaxxi lir-ruħ!

Skola għall-ministeri
Biex nagħmlu dan għandna bżonn ukoll ninvestu aħjar. B’dan infisser li forsi hemm bżonn inbiddlu ċerti skemi li għandna biex ninvestu aħjar ħalli jkollna skola li fiha jitħarrġu l-appostli. Bħalma għandna s-seminarju li fih jitħarrġu u huma mħejjija s-saċerdoti, għax m’għandux ikollna wkoll skola li fiha jitħarrġu l-lajċi u r-reliġjużi ħalli jkunu tajbin biex iwasslu l-Bxara t-Tajba? Il-ħsieb tagħna huwa li fil-futur fid-djoċesi jkollna din l-“iskola għall-ministeri”. Il-Knisja għandha bżonn ta’ iktar voluntiera veri. Hawn irrid infisser l-apprezzament tiegħi lejn dawk kollha li b’mod jew ieħor, volontarjament u mingħajr interess, jekk mhux ukoll bi spejjeż tagħhom u sagrifiċċju, qegħdin jingħataw għal din il-missjoni. Imma għandna bżonn ta’ iktar voluntiera ħalli l-biċċa xogħol li bdejna nkunu nistgħu ntemmuha.

Dan huwa li jien nitlob illejla lill-Ispirtu s-Santu Alla bl-interċessjoni ta’ Dun Ġorġ: biex ikattar fina lkoll din l-esperjenza ta’ l-Ispirtu li hija esperjenza li sserraħna u timliena bil-paċi, imma wkoll timliena b’dik il-passjoni għal Kristu ħalli nkunu nistgħu nxandruh minn fuq il-bjut tagħna.


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2007/05/26/fewga-helwaomelija-fil-velja-djocesana-ta%e2%80%99-ghid-il-hamsin-pjazza-san-gorg-victoria-26-ta%e2%80%99-mejju-2007/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.