- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Dun Ġorġ Preca: Xandâr tad-duttrina tajba
Omelija fil-pellegrinaġġ djoċesan fuq il-qabar tal-Beatu Ġorġ Preca
Il-Kappella tal-Midalja Mirakuluża, il-Blata l-Bajda (8 ta’ Mejju 2007)

Posted By admin On May 8, 2007 @ 7:48 pm In 2007 | Comments Disabled

DUN ĠORĠ PRECA: XANDÂR TAD-DUTTRINA TAJBA

Hija ħaġa li timliek bil-ferħ meta tara l-poplu ta’ Alla miġbur f’din l-okkażjoni li ċertament hija ġrajja storika għall-Knisja lokali u għal pajjiżna. Inħoss x’jgħidli li dan il-mument tal-kanonizzazzjoni ta’ Dun Ġorġ huwa mument ta’ grazzja għall-Knisja tagħna, u nkunu irresponsabbli quddiem Alla u quddiem id-dinja jekk inħallu dan il-mument ta’ grazzja jgħaddi u ma jqanqalniex biex aħna wkoll ninbnew bħala ġens qaddis, b’tama qawwija li Dun Ġorġ jistimulana ħalli l-poplu tagħna jkompli jikber fil-qdusija.

“Kulma smajt mingħandi” (2 Tim 2:2)
Is-silta li qrajna mit-tieni ittra ta’ San Pawl lil Timotju (2,1-15) toffri wieħed mit-testi li jistgħu jispirawna biex inpoġġu l-pedament ta’ dan il-ġens qaddis, tal-Knisja lokali. Kif qalli l-postulatur tal-kawża, Mons. Charles Scicluna – li nixtieq nirringrazzjah għax-xogħol li għamel biex illum ninsabu lejlet din il-kanonizzazzjoni – , Dun Ġorġ kien jikkunsidra dan il-qari bħala l-“pedament ta’ l-opra tiegħu”. Jiena sa nieħu sentenza waħda minn din is-silta: meta Pawlu jeżorta lil Timotju biex “kulma smajt mingħandi għaddieh lil nies ta’ fiduċja, biex huma stess ikollhom il-ħila li jgħallmuh ukoll lil oħrajn” (2 Tim 2,2).

Din il-kelma għandha tidwi fi qlubna, fil-komunitajiet tagħna, fil-Knisja tagħna. San Pawl jitlobna ngħożżu t-tagħlim li ħallielna l-Mulej Ġesù biex ngħadduh lill-oħrajn. Għal liema tagħlim qed jirriferi Pawlu?

It-tweġiba nsibuha fl-ewwel ittra lil Timotju meta Pawlu jikteb li “l-liġi m’hix magħmula għal dawk li huma tajbin, imma għal dawk li huma bla liġi u bla rażan, ħżiena u midinbin, bla reliġjon u sagrilegi, qattiela ta’ missirijiethom u ommijiethom, qattiela, żienja, sodomi, negozjanti ta’ l-ilsiera, giddieba, dawk li jaħilfu l-falz; u għal dak kollu li jmur kontra t-tagħlim sħiħ (id-duttrina tajba)” (1 Tim 1,9-10). U fit-tieni ittra Pawlu jkompli jisħaq ma’ Timotju biex iħares “it-teżor tal-fidi” li kien fdat f’idejh (ara 2 Tim 1,14)!

“Duttrina tajba” u “t-teżor tal-fidi” huma żewġ frażijiet profondi ħafna u validi mhux biss għall-Knisja tal-bidu imma wkoll għall-Knisja kontemporanja! Għax illum qegħdin ngħixu fi żminijiet fejn ilkoll kemm aħna – intom, ħuti fis-saċerdozju; intom, soċji, li għandkom il-kariżma u l-mandat f’din is-Soċjetà tad-Duttrina Kristjana; intom, reliġjużi; u intom, għeżież lajċi – qegħdin nixxenqu biex inħaddnu din id-“duttrina tajba” li għaddielna Pawlu! Jien dan nista’ ngħidu għax xi wħud minnkom stess ġieli tistaqsuni: “Imma dak li ntqal fit-tali programm huwa l-vera duttrina? Dik il-kitba tirrifletti dak li hemm fid-depożitu tal-fidi?”.

X’inhu t-tagħlim sħiħ?
X’jifhem Pawlu b’“duttrina tajba”? M’hux faċli nidħlu fil-moħħ u l-qalb ta’ l-Appostlu. Imma ċertament Pawlu jimplika li hu t-tagħlim li l-ewwel u qabel kollox irid ikun rifless fil-ħajja, it-tagħlim li jitlob koerenza bejn il-Vanġelu u l-ħajja tax-xandâr! Għalhekk Pawlu bil-kuraġġ jistieden lid-dixxiplu: “Kun ixbah lili, li nixbah lil Kristu”. Pawlu ma kellux dubju li kien qed jgħallem din id-duttrina tajba. U aħna rridu noqogħdu attenti ħalli t-tagħlim li ngħaddu jkun jirrifletti din il-koerenza bejn dak li nistqarru u dak li ngħixu, għax anki l-imġiba tagħna hija strument li bih nittrażmettu l-Vanġelu lill-oħrajn. Jien ma nistagħġibx illi jkun hemm min jitfixkel għaliex bil-kliem ngħidu mod imma mbagħad b’imġibitna ngħaddu messaġġ ieħor!

Għal San Pawl l-essenza ta’ dan it-“tagħlim sħiħ” kienet il-primat ta’ Alla u li l-grazzja ta’ Alla hija gratuwita. Alla jsawwab fuqna l-imħabba tiegħu mhux għax aħna għandna xi jedd imma għax hu ħa grazzja magħna. Il-ġustifikazzjoni sseħħ bil-fidi! L-imħabba ta’ Alla hija tant kbira li l-Missier bagħat lil Kristu ħalli jifdi lil kull bniedem, u din il-fidwa hija offerta gratuwita ħierġa mill-qalb tfur bl-imħabba ta’ l-Iben ta’ Alla lejn il-bniedem.

Din l-imħabba narawha inkarnata fi Kristu: “Hu, li kellu n-natura ta’ Alla, ma qagħadx ifittex tiegħu li huwa daqs Alla, imma xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir, sar jixbah lill-bnedmin u deher minn barra bħall-bnedmin; ċekken lilu nnifsu billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-Salib” (Efes 2,6-8). Għal Pawlu l-umiltà ta’ Kristu hija element ta’ din id-duttrina tajba. Kristu tneżża’ minn kollox biex ilibbes lilna bid-divinità! Daqshekk hija profonda l-umiltà ta’ Alla! Jekk aħna ma nħallux din l-umiltà ssaħħarna ma nistgħux ninfetħu għall-misteru.

Din id-duttrina tajba tidher fil-mod kif wieħed jaħseb u jaġixxi, u titlob imġiba magħmula mill-umilità, is-sinċerità, id-diżinteress personali u d-disponibbiltà għall-qadi. Fil-fatt aspett ieħor ta’ dan id-depożitu tal-fidi huwa s-Salib, li permezz tiegħu dehret il-gratuwità tal-fidwa li kisbilna Kristu. Ġesù offra lilu nnifsu bħala vittma fuq is-Salib biex jagħti glorja lil Alla l-Missier u biex jifdina. Din il-verità tant hija qawwija li hemm min jitfixkel, tant li Pawlu lill-Korintin jgħidilhom li “l-predikazzjoni tas-Salib hija bluha għall-pagani u skandlu għal-Lhud, imma għal dawk li jsalvaw, għalina, hija l-qawwa ta’ Alla… Fejn hu l-għaref? Fejn hu l-iskriba? Fejn hu l-filosfu tad-dinja? U billi fl-għerf ta’ Alla d-dinja b’għerfha ma għarfitx lil Alla, Alla għoġbu jsalva lil min jemmen bil-bluha tal-predikazzjoni” (1 Kor 1,18-21).

Kieku kellna niġbru fil-qosor x’inhi din id-duttrina tajba skond San Pawl, konna niġbruha taħt dawn it-tliet elementi: l-imħabba ta’ Alla, l-umiltà ta’ Kristu u s-Salib.

Xandâr tat-tagħlim sħiħ
Il-beatu Dun Ġorġ kien konvint minn dan “it-tagħlim sħiħ”, kif jirriflettu ċerti kitbiet u talb tiegħu. Waħda mit-talbiet li ħallielna hija dik li s-soċji jgħidu fl-Arloġġ fil-ħin tal-11.15am: “Alla Missier, noffrulek il-pjagi ta’ Sidna Ġesù Kristu biex fil-Knisja tiegħek tkattar in-numru ta’ operarji tiegħek u ssaqqi kontinwament bl-ispirtu tal-karità, ta’ l-umiltà u tal-manswetudni”. F’din it-talba nara ġabra ta’ din id-duttrina tajba: l-imħabba, li hija Alla nnifsu; l-umiltà u l-manswetudni, li huma modalità kif ngħixu l-imħabba fil-prattika.

Għal Dun Ġorġ kien importanti li l-bniedem ikun mimli b’Alla u jgħix għal Alla! Alla għandu jkun oġġett ewlieni tal-ħsieb tal-bniedem.

Biex il-bniedem jagħraf lil Alla jeħtieġ li jkun umli, għax “m’hemmx Alla fejn m’hemmx umiltà” (Direttorju spiritwali 98), u min jagħraf lil Alla ma jistax ma jikbirx fl-umiltà. Kif jgħallem Dun Ġorġ is-sinjal sod tal-vera umiltà huwa l-ubbidjenza. Din il-virtù ta’ l-ubbidjenza hija sabiħa f’kulħadd, għax ilkoll hemm bżonn nagħmlu konfront mar-rieda ta’ Alla; imma l-aktar l-ubbidjenza hija meħtieġa f’dawk li Alla sejħilhom biex iwasslu “it-tagħlim sħiħ” lill-oħrajn!

Min bl-umiltà joqrob lejn Alla jikber fil-virtù tal-manswetudni u jagħraf ikun kollu kemm hu ta’ Alla u ta’ l-oħrajn. Jasal f’dan il-grad min jimita lil Ġesù, il-Ħaruf ġwejjed li joffri lilu nnifsu bħala vittma għall-oħrajn billi ma jfittixx dak li hu tiegħu, imma jkun lest li jitlef u jitbattal. Fi kliem ieħor huwa manswet dak li jaċċetta li jissallab frott imħabbtu għal Alla u għall-proxxmu.

Il-ħajja ekkleżjali llum
Din hija l-bażi tal-ħajja ekkleżjali. Kif jgħid Pawlu lil Timotju: “ma noqogħdux nintilfu fi kwistjonijiet fuq kliem li ma jiswa għal xejn ħlief biex jagħmel ħsara lil min jisimgħu” (2 Tim 2,14), imma niftakru “f’Ġesù Kristu li qam mill-imwiet” (2,8). Biex tgħix dan it-“tagħlim sħiħ” trid tkun lest biex bħal Pawlu tbati sa l-irbit tal-ktajjen bħallikieku tkun għamilt xi delitt (ara 2,9) u tieħu kollox bis-sabar għall-imħabba ta’ dawk li qed jistennew il-fidwa (ara 2,10)!

Għalhekk, għeżież tiegħi, nitolbu lill-Mulej Alla biex bl-interċessjoni ta’ Dun Ġorġ l-ewwelnett tasal din it-talba f’ġieħ il-pjagi biex il-Missier ikattar in-numru ta’ l-operaturi pastorali; ma’ dawn ninkludi mhux biss il-vokazzjonijiet saċerdotali, li l-Knisja f’pajjiżna tant għandha bżonn, imma wkoll vokazzjonijiet għall-ħajja reliġjuża u dik ikkonsagrata, u lajċi oħra li, imnebbħin mill-kariżma ta’ Dun Ġorġ, jissieħbu f’din is-Soċjetà tal-Museum, li hija monument ħaj u barka għall-Knisja u għal pajjiżna. Fl-istess ħin nitolbu lill-Missier sabiex jagħtina dan l-ispirtu ta’ l-imħabba, ta’ l-umiltà u tal-manswetudni biex inkunu nistgħu nħaddnu u ngħixu din id-duttrina tajba.

Monument f’Għawdex
Din il-ġrajja tiġi u tgħaddi. Fid-djoċesi ta’ Għawdex nixtiequ nagħmlu tifkira ta’ Dun Ġorġ u għalhekk qed inniedu monument ta’ Dun Ġorġ bil-ħsieb li nqiegħduh f’post ċentrali li hemm fil-faċċata tal-knisja ta’ San Ġakbu. Imma l-aqwa monument li nistgħu nagħmlu lill-beatu Dun Ġorġ la huwa fil-bronż u lanqas fl-irħam, imma billi nitħeġġu iktar mill-eżempju tiegħu ħalli nikkontribwixxu biex inkomplu nibnu l-Knisja ta’ Kristu f’pajjiżna. Din nibnuha fis-sod jekk aħna nibqgħu nxandru din id-duttrina sħiħa li għallimna Pawlu fuq Ġesù Kristu.


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2007/05/08/dun-gorg-preca-xandar-tad-duttrina-tajba-omelija-fil-pellegrinagg-djocesan-fuq-il-qabar-tal-beatu-gorg-preca-il-kappella-tal-midalja-mirakuluza-il-blata-l-bajda-8-ta%e2%80%99-mejju-2007/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.