- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Missier li jħaddan lil kulħadd (Ittra Pastorali - Randan 2007)

Posted By admin On February 4, 2007 @ 11:27 am In Pastoral Letters | Comments Disabled

3/2007

Ittra Pastorali ta’ l-
E.T. Mons. Mario Grech Isqof ta’ Għawdex
Fl-okkażjoni tar-Randan 2007

Missier li jħaddan lil kulħadd

Fostna forsi mhux kulħadd konvint li Alla huwa Missier; u fost dawk li jgħidu li jafuh, forsi mhux ilkoll għandna għarfien korrett jew biżżejjed tiegħu. Għandi xewqa kbira li dan il-Missier, li jinsab b’dirgħajh miftuħa biex iħaddan lil kulħadd, ikun magħruf u maħbub!

Dan l-aħħar iltqajt ma’ missier li tilef lil ibnu. B’qalb maqsuma stqarr miegħi x’ħass meta, waqt li kienet għaddejja l-konsagrazzjoni ta’ l-Arċisqof Cremona, hu kien qed jassisti lil ibnu fl-agunija. Dak il-ħin ma stajtx naħbi d-demgħa li qabżitli meta b’dak li qalli dan il-missier ġabni aktar konxju ta’ x’jgħaddi mill-qalb ta’ missier u omm quddiem il-mard jew il-mewt ta’ iben jew bint; komplejt nifhem il-profondità tar-relazzjoni ta’ bejn “il-missier u l-iben”.

Missier ta’ żewġ ulied

Billi nhar l-Erbgħa li ġej nagħtu bidu għaż-żmien tar-Randan li jħejjina għall-Għid il-Kbir tal-Mulej, nixtieq nagħmel sejħa lill-Knisja tagħna biex tirrifletti dwar ikona rrakkontata minn San Luqa (15:11-32) fejn naraw lill-Missier Alla li jagħmel minn kollox biex jerġa’ jikseb lura lil uliedu t-tnejn, ħalli jerġa’ jkun “Missier ta’ żewġ ulied”, għax sakemm xi ħadd minnhom kien nieqes, hu ma setax ikun missier; u min minnhom ikun nieqes, ma setax ikun iben.

Nerġgħu lura għand il-Missier

Ir-Randan huwa żmien ta’ grazzja biex “inqumu” u nerġgħu lura għand il-Missier. Ir-Randan huwa sejħa speċjali biex niskopru min hu l-Missier li jilmaħna meta nkunu għadna ’l bogħod minnu, jitħassarna, u b’ġirja waħda jiġi jiġri jiltaqa’ magħna, jimliena bil-bews u jordna li nitlibbsu bl-isbaħ libsa tad-dinjità ta’ bnedmin, biċ-ċurkett tas-setgħa li tiġi mid-dinjità ta’ bnedmin ulied, u bil-qorq tad-dinjità ta’ wlied ħielsa biex nistgħu nimxu bil-libertà! M’huwiex il-Missier li libbes il-libsa, iċ-ċurkett u l-qorq lil ibnu ż-żgħir, imma huwa jordna lill-qaddejja biex jagħmlu dan, biex, filwaqt li lilu jurih li qiegħed jerġa’ jagħtih id-dinjità ta’ ibnu, jaffermah ’il fuq mill-qaddejja!

Ir-Randan huwa opportunità biex il-Missier jibni relazzjoni ġdida magħna, li jridna nkunu miegħu mhux bħala “lavranti” imma bħala “uliedu”; u frott ta’ din ir-relazzjoni, nistgħu nidħlu f’relazzjoni ġdida ma’ l-aħwa, kif ħtiġilhom jagħmlu l-aħwa tal-parabbola.

Ir-Randan jiftħilna beraħ il-bibien tad-dar tagħna biex inħossuna milqugħin. Din id-dar hija l-familja; imma hija wkoll il-Knisja.%@


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2007/02/04/missier-li-jhaddan-lil-kulhadd-ittra-pastorali-randan-2007/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.