Ekonomija b’wiċċ uman (Bank Ċentrali ta’ Malta, 2 ta’ Frar 2007)

Omelija fil-Bank Ċentrali ta’ Malta

2 ta’ Frar 2007

L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

Ekonomija b’wiċċ uman

Il-faqar tal-lum

Ix-xena mfissra fil-parabbola ta’ Lazzru u l-fqir Epuluni (Lq 16) toffri stampa tad-dinja tagħna, fejn għandna għoxrin fil-mija tal-popolazzjoni li tiddisponi minn tmenin fil-mija tar-riżorsi tal-pjaneta, u l-bqija huma persuni bla wiċċ u bla isem, neqsin minn dak li huwa neċessarju għall-ħajja.

Għalkemm mhux f’termini u perċentwali daqshekk allarmanti, din ir-realtà tinsab ukoll fis-soċjetà tagħna. Għandna persuni li huma foqra tant li huma vittmi ta’ l-użura. Għandna studenti li huma mħassbin jekk fil-futur hux sa jkun possibbli li jkollhom xogħol.  Għandna familji li għandhom diffikultajiet finanzjarji mhux traskurabbli, liema piżijiet finanzjarji qegħdin jheddu l-istess stabbiltà tal-familja. U jekk insemmi s-sitwazzjoni tagħna, dan ma jfissirx li nistgħu nittraskuraw l-isfida tal-foqra fid-dinja!

Quddiem din ir-realtà ċ-ċittadin, aktar u aktar iċ-ċittadin Kristjan, għandu jħossu mbuttat biex ifittex il-kawża ta’ dan kollu u jieħu azzjoni li tista’ sservi ta’ rimedju. Li jitnaqqas dan l-iżbilanċ m’hix konvenjenza, imma imperattiv etiku li jilmaħ fil-feriti tad-dinjità ta’ tant persuni u familji theddida għad-dinjità tal-ħajja umana!

Żvilupp integrali

F’dawn ir-riflessjoni u azzjoni għandhom rwol importanti l-ekonomija u l-finanzi, għax huma strument importanti ta’ l-ekonomija.  Meta nitkellmu fuq żvilupp ekonomiku ħafna drabi ssir enfasi fuq l-aspett kwantitattiv ta’ kemm qed tikber l-ekonomija, f’termini ta’ ċifri; imma dan ikun jirriskja li tkun oskurata kull kunsiderazzjoni tal-livell ta’ għixien f’sens wiesa’, li huwa kunċett li jiġbor fih id-dimensjoni l-aktar fundamentali tal-persuna umana, partikularment il-persuna bħala essri relazzjonali. Biex inkomplu nibnu soċjetà li verament tiżgura riżorsi ekonomiċi b’wiċċ uman, irridu nagħmlu l-passaġġ minn attenzjoni biex jintlaħqu miri marbuta biss mad-dimensjoni ekonomika għal orizzont aktar wiesa’ li jfittex l-iżvilupp integrali u ekomonija għas-servizz tal-persuna.

Kif jafferma l-Papa Ġwanni Pawlu II fl-enċiklika Sollicitudo rei socialis, “l-iżvilupp awtentiku, li jirrigwarda d-dinjità tal-bniedem u tal-popli, ma jistax jiġi ridott għal problema teknika.  Jekk jiġri dan, l-iżvilupp jitbattal mill-kontenut veru tiegħu u jkun tradiment tal-bniedem u tal-popli” (n.41).  U l-Papa Pawlu VI jgħallem li “lo sviluppo non si riduce alla semplice crescita economica. Per essere sviluppo, deve essere integrale, il che vuol dire volto alla promozione di ogni uomo e di tutto l’uomo” (“bi żvilupp ma nifhmux biss żvilupp ekonomiku. Biex ikun żvilupp, jeħtieġ ikun sħiħ, li jfisser li jkun jimmira għall-promozzjoni ta’ kull bniedem u tal-bniedem sħiħ” – Populorum progressio, 14).

L-ekonomista Amartya Sen (1999) jipproponi interpretazzjoni oriġinali tal-kunċett ta’ progress u żvilupp: “proċess ta’ twessigħ tal-libertà reali li għadhom igawdu l-bnedmin”. Dan ifisser li l-libertà u l-parteċipazzjoni qed jiġu kkunsidrati bħala kejl ta’ ġudizzju tal-proċessi ta’ l-iżvilupp.  L-isfida ta’ l-iżvilupp allura qiegħda filli joħloq dawk il-kundizzjonijiet fejn kull persuna jkollha l-possibbiltà li tkun dak li hi, u dan billi jingħelbu dawk il-kundizzjonijiet politiċi u ekonomiċi!

Il-profitti

Ħafna drabi l-operaturi finanzjarji, mhux esklużi l-banek, jimmiraw biex jiksbu l-massimu tal-profitti. Dan huwa valur importanti, imma ma jistax ikun l-uniku kriterju li jiggwida l-politika ekonomika. Żgur m’hux il-każ li biex jinkiseb l-ogħla qligħ jiġu ssagrifikati d-drittijiet tal-ħaddiema, il-kwalità ta’ l-ambjent, il-ħin li wieħed jew waħda għandu bżonn biex jiddedikah għall-ħajja relazzjonali u spiritwali. Żgur m’hux il-każ li biex il-profitt ikun kbir isiru investimenti f’attività jew produzzjoni li fiha nfisha hija ħażina u ta’ ħsara għall-bniedem!

Għaliex anki mill-punto di vista strettament ekonomiku, il-profitt ma jfissirx biss kisbiet ekonomiċi “tout court”; it-tkabbir ekonomiku huwa biss parti. Filfatt il-valur ekonomiku ta’ nazzjon iħaddan fih id-damma tal-beni u servizzi li jipproduċi dak il-pajjiż matul is-sena.  Għalhekk il-profitt huwa biss parti mill-kejk sħiħ; minn dan il-qligħ wieħed irid jassigura riżorsi ekonomiċi, mhux bħala finalità fihom infushom, imma bħala mezz għall-ġid komuni. Il-profitt ekonomiku, għalkemm huwa stadju intermedju fundamentali li jiġġenera riżorsi biex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet soċjali urġenti (edukazzjoni, sanità, assistenza, u l-bqija) u biex ikun hemm distribuzzjoni ndaqs tal-ġid, jibqa’ dejjem “strument” u mhux skop fih innifsu. Għalhekk wieħed qatt ma għandu jkattar dan il-ġid akkost ta’ kollox, forsi anki billi jikkomprometti l-ekwilibriju ekoloġiku u soċjali.  Jekk jiġu ssagrifikati d-dimensjonijiet relazzjonali u spiritwali li jikkostitwixxu l-identità fundamentali tal-persuna, dan ifisser li nkunu qegħdin inpoġġu l-bniedem għas-servizz tas-sistema produttiva u mhux is-sistema produttiva għas-servizz tal-bniedem.

Lejn viżjoni aktar “umanista”

Jekk jirnexxielna nagħmlu l-passaġġ minn viżjoni strettament ekonomista li tiffissa fuq l-akkumulazzjoni tal-kapital, għal viżjoni aktar “umanista” li tikkunsidra wkoll punti extra-ekonomiċi, inkunu qbadna triq li għandha twassal biex ix-xena mfissra fil-Vanġelu tal-lum ma jkollhiex rifless fid-dinja u fis-soċjetà tagħna.