- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Il-grotta ta’ Betlehem iddawwal il-familji tagħna (Mtarfa, 18 ta’ Diċembru 2006)

Posted By admin On December 18, 2006 @ 4:15 pm In 2006 | Comments Disabled

IL-GROTTA TA’ BETLEHEM IDDAWWAL IL-FAMILJI TAGĦNA

Quddiesa waqt żjara ta’ l-Isqof Mario Grech fl-iskola sekondarja Sir Temi Zammit, Mtarfa, Malta – 18 ta’ Diċembru 2006

Il-fatt li l-Iben t’Alla sar bniedem huwa minnu nnifsu ġrajja li tqanqal fil-bniedem ċerti mistoqsijiet dwar Alla, dan Alla li tant iħobb lill-bniedem li għażel li jgħammar fostna. Imma t-tarbija ta’ Betlehem tispira riflessjoni dwar it-tfal tagħna llum.

Il-valur fundamentali tal-familja

Ġesù twieled fi ħdan familja. Fi ħdan il-Familja Mqaddsa, it-tfajjel Ġesù kien milqugħ fl-għożża u hemm sab attenzjoni u kenn. Dawn huma elementi neċessarji għal kull tifel u tifla f’din il-fazi ta’ l-iżvilupp tagħhom. Imma meta nħarsu madwarna, kemm nistgħu nserrħu rasna li t-tfal tagħna għandhom garanzija li ser isibu l-familja li toffrilhom din l-għożża, l-attenzjoni u l-kenn? Noqogħdu attenti biex ma nibqgħux nagħmlu esperimenti fuq il-familja! Ħarsa lejn is-snin li għaddew malajr tagħtina prova ta’ kif issarrfu l-esperimenti li għamilna fuq din l-istituzzjoni li hija l-bażi vitali għal kull bniedem u għas-soċjetà. Ma nistgħux nibqgħu nilagħbu bil-familja. Nitkellmu ħafna dwar il-familja, imma f’pajjiżna hemm bżonn li almenu niftehmu dwar x’tip ta’ familja aħna nixtiequ li jkollna u x’mudell ta’ familja rridu nippromwovu.

Il-problema tal-prezzijiet għolja tad-djar

Ġesù twieled fi ħdan familja imma ma twelidx f’dar! Kieku Marija u Ġużeppi xtaqu jsibu dar li tilqagħhom biex it-twelid iseħħ taħt saqaf, imma ma sabux dar li tilqagħhom. Ħabbtu l-bieb ta’ min seta’ joffrilhom akkomodazzjoni, imma l-bibien baqgħu magħluqa. Illum għandna ġenituri u tfal li qed jiġu mċaħħda minn dan is- “santwarju tal-ħajja”! Niltaqgħu ma’ koppji li jridu jiffurmaw familja, imma jibqgħu lura għax m’għandhomx saqaf fejn jidħlu. Għandna għarajjes jew miżżewġin li bħal Marija u Ġużeppi qed iħabbtu fuq il-bieb ta’ min illum jista’ jgħinhom isibu akkomdazzjoni, imma l-prezzijiet li jintalbu huma tant għolja li jew ikollhom jirrimandaw li jibdew jibnu l-familja, jew jidħlu għal ċertu dejn li minnu nnifsu joħloq piż iebes li jista’ jkollu effetti diżastrużi fuq l-istess ħajja tal-koppja; jew forsi wkoll qed isibu mod kif jilagħbu mal-policies li jiddeterminaw min jista’ jikseb dar! Din hija problema soċjali li min iħobb il-familja ma jistax jittraskuraha!

Meta l-ulied jikbru ’l bogħod mill-ġenituri

Imbagħad hemm tfal li għalkemm il-ġenituri tagħhom għandhom is-saqaf tagħhom, xorta jkollhom jgħixu barra mid-dar! F’din il-kategorija hemm dawk it-tfal li jgħaddu ħinijiet twal għand in-nanniet jew f’xi care centre għat-tfal! Mingħajr ma wieħed jeskludi li jista’ jkun hemm każijiet fejn ikun meħtieġ li l-ġenituri jirrikorru għal din l-għajnuna, wieħed għandu jistaqsi jekk hemmx każijiet fejn dan it-trasferiment tat-tfal mid-“dar” naturali tagħhom jistax jiġi evitat għax mhux l-aħjar sistema għat-tfal tagħna!

Theddid kontra l-ħajja

Meta nħares lejn Ġesù fil-maxtura, filwaqt li nitgħaxxaq b’din il-ħajja ġdida, niftakar ukoll li sa minn dak il-mument il-ħajja ta’ Ġesù kienet mhedda serjament. Is-suldati ta’ Erodi kienu qed jagħmlu ħerba u joqtlu t-trabi kollha li twieldu dak iż-żmien. Illum il-ħajja tat-tfal, ta’ l-adolexxenti u taż-żgħażagħ tagħna mhix hielsa minn theddid serju. Hemm diversi aġenti li bħal Erodi lesti li jeqirdu l-ħajja. Mhux qed nirreferi biss għall-abort u l-manipulazzjoni li tista’ ssir fil-mumenti bikrija tat-tnissil tal-ħajja; id-droga u l-alkoliżmu wkoll iqegħdu l-ħajja f’riskju. Is-sewqan bl-addoċċ ukoll jista’ jkun delitt kontra l-ħajja. Huwa dmir tagħna lkoll li nagħtu s-sehemna biex il-ħajja tkun rispettata mill-bidunett tat-tnissil sat-tmiem naturali tagħha.

Il-formazzjoni spiritwali u reliġjuża tat-tfal

U meta nitkellmu mill-ħajja, ma nistgħux nittraskuraw id-dimensjoni spiritwali tal-ħajja tal-bniedem. Riflessjoni dwar x’tip ta’ formazzjoni qed noffru liċ-ċkejknin tagħna tħassibni għax nibża’ li filwaqt li l-formazzjoni skolastika tingħata importanza kbira u prijoritarja, ftit li xejn qed nagħmlu impenn f’dik li hija formazzjoni spiritwali u reliġjuża. Investiment tajjeb f’uliedna jitlob formazzjoni bilanċjata li tikkunsidra d-dimensjonijiet kollha tal-ħajja, partikularment dik kristjana.

It-tfal ta’ familji refuġjati

Quddiem it-theddid ta’ Erodi, Ġużeppi kellu jaqbad lil martu u lit-tarbija Ġesù u jaħrab lejn l-Egittu. Bilkemm għadu kif twieled, u t-tarbija Ġesù isib ruħu refuġjat f’art barranija. U dan ifakkarni f’dawk it-tfal involuti fil-moviment migratorju ta’ żmienna. Kif tista’ qalbek tħoss quddiem it-tarbija ta’ Betlehem u tibqa’ kiesħa u indifferenti quddiem it-tfal refuġjati li għandna magħna? Quddiem il-fenomenu tat-tfal klandestini jew refuġjati ma nistgħux nieħdu l-attitudni li din hija problema ta’ “l-oħrajn”, imma din hija ġrajja umana li għandha tinteressa lilna lkoll. Għandu jkollna kelma ta’ apprezzament għal dawk ħutna li qed jgħinu f’dan il-qasam.

Għandi kelma ta’ apprezzament u gratitudni għal dawk kollha, ġenituri, għalliema, saċerdoti , reliġjużi u katekisti li mhux mingħajr sagrifiċċju qed jaħdmu biex it-tfal tagħna jikbru kif kiber Ġesù “fis-snin, fl-għerf u l-grazzja”.


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2006/12/18/il-grotta-ta%e2%80%99-betlehem-iddawwal-il-familji-taghna-mtarfa-18-ta%e2%80%99-dicembru-2006/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.