- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Il-ministeru tat-tqaddis tal-komunità nisranija (Parroċċa Żebbuġ, 15 ta’ Ottubru 2006)

Posted By admin On October 15, 2006 @ 4:10 pm In 2006 | Comments Disabled

IL-MINISTERU TAT-TQADDIS TAL-KOMUNITÀ NISRANIJA

Pussess ta’ Dun Reuben Micallef bħala Arċipriet tal-Parroċċa taż-Żebbuġ – 15 ta’ Ottubru 2006

Din l-Ewkaristija hija mument importanti ħafna fil-ħajja tiegħek, għażiż Dun Reuben, u wkoll għalija. Għalhekk l-ewwel sentimenti li jiġuni f’qalbi bħalissa huma sentimenti ta’ gratitudni lejn Alla l-Imbierek li qed jagħtina din il-grazzja li ngħixu dawn il-mumenti sbieħ.

“X’għandi nagħmel?…”

Il-Vanġelu li għadu kif tħabbrilna huwa provvidenzjali għaliex jista’ jagħtina diversi dwal dwar iċ-ċirkustanza tal-lejla.

L-ewwelnett jien nilmaħ f’dak ir-raġel li resaq lejn Kristu lilek, għax nistħajlek li anke int staqsejt: “X’għandi nagħmel biex ikolli l-ħajja ta’ dejjem?”. U dan int għamiltu kemm meta ġejt biex titlob li tiġi aċċettat għall-presbiterat u kemm meta ħadt impenji oħra pastorali f’Ruma u fid-Djoċesi tagħna bħala vigarju parrokkjali fil-parroċċa tal-Katidral; u naħseb li iktar u iktar meta sejjaħtlek għal dan il-ministeru ġdid. U kif għidt fid-digriet tal-ħatra, għamilna dak id-dixxerniment flimkien. U nistħajlek illi b’differenza minn dak ir-raġel tal-Vanġelu, meta Kristu qallek: “Imxi warajha” u int għaraft li din is-sejħa ġġib magħha ċaħdiet żgħar u kbar, inti ma sewwidtx qalbek, imma d-disponibilità u l-ġenerożità tiegħek wassluk biex tgħidlu: “Iva, nimxi warajk”. U kif jgħid Ġesù lil Pietru: dawk illi jħallu għalih lil ommhom, lil ħuthom, lil ħbiebhom, lil raħal twelidhom, lill-komunità tagħhom, dawk ser jirċievu iktar barkiet. U jien il-lejla rridek temmen aktar bis-sħiħ f’din il-wegħda.

Imma Ġesù qal ukoll li ma’ dawn il-barkiet hemm mumenti tqal, hemm is-salib. Jien dawn il-mumenti ma nixtieq nawgurahom lil ħadd, imma tinsiex li jien u inti u dawn ħutna s-saċerdoti aħna dixxipli ta’ Kristu msallab, u lil Kristu Imsallab rridu nippridkaw.

Is-saċerdot magħżul minn Alla f’dak li għandu x’jaqsam ma’ Alla

U dan iġibni għat-tieni riflessjoni li nislet mill-Vanġelu. meta nara lil dan ir-ragel jiġri mgħaġġel għand Ġesù u jgħidlu: “Mgħallem tajjeb, x’għandi nagħmel biex ikolli l-ħajja ta’ dejjem?”, jien nilmaħ lil dan il-poplu, lil din il-komunità parrokkjali illi issa inti ragħaj spiritwali tagħha, jiġru warajk u jagħmlulek din id-domanda: “X’għadna nagħmlu biex ikollna l-ħajja ta’ dejjem?”

U hawnhekk indur fuqkom, għeżież insara. Ftakru li l-arċipriet u s-saċerdoti huma magħżulin minn fostkom minn Alla u qegħdin fostkom bħala ministri tiegħu prinċipalment biex ngħinukom tiksbu l-ħajja ta’ dejjem. U għalhekk ir-rikjesti li intom tagħmlulna għandhom jirrigwardaw dan biss: “X’għandi nagħmel biex ikolli l-ħajja ta’ dejjem?”  Jien mhux se niddejjaq jekk minn erba’ u għoxrin siegħa kuljum bħala Isqof tagħkom nagħtikom erba’ u għoxrin siegħa jekk tfittxuni biex ngħinkom tiksbu l-ħajja ta’ dejjem. Jien naħseb li lanqas l-arċipriet il-ġdid m’hu ser isibha bi tqila jekk intom f’ħinu u barra minn ħinu, f’ħin opportun u mhux opportun, tfittxuh u tħabbtulu l-bieb tiegħu biex titolbuh jgħinkom tiksbu l-ħajja ta’ dejjem. Għaliex, ippermettuli ngħid, mhux dejjem infittxu din il-verità mingħand is-saċerdot, u xi drabi lis-saċerdot nagħmlulu ċerti demands illi jtellfuh milli jwettaq din il-missjoni prinċipali tiegħu. Nittama li qiegħed ninftiehem.

Fil-bidu tal-quddiesa għidtilkom li l-ġrajja tal-lejla nikkunsidraha bħala ġrajja importanti fin-nisġa ta’ l-istorja tal-Knisja tagħna, u nixtieq li dan li qiegħed ngħid iħalli eku mhux biss f’din il-komunità imma fid-djar tagħna kollha.

“Mgħallem tajjeb…”

Imma dan ir-raġel inebbaħni xi ħaġa oħra. Dan ir-raġel jersaq fuq Kristu u jgħidlu: “Mgħallem tajjeb”. Kemm nixtieq illi dan il-poplu jersaq għandek, għażiż Dun Reuben, għax iħossu attirat mit-tjubija tiegħek u għax jara fik raġel, saċerdot imżejjen bit-tjubija. M’iniex nirreferi biss għat-tjubija naturali u għat-tjubija bħala virtù umana li twassal biex tkun ħelu man-nies, li tkun disponibbli, lest biex tisma’ u li jkollok kelma ta’ faraġ. Ir-raġel meta jgħidlu “Mgħallem tajjeb” qed jirreferi għal tjubija oħra: it-tjubija ta’ Alla. U jiena nitlob għalik u nħeġġek biex tkabbar din it-tjubija divina ħalli kif dak ir-ragel ra fi Kristu rifless tat-tjubija tal-Missier, anke int tkun strument tat-tjubija ta’ Alla għal dan il-poplu u għas-soċjetà tagħna. Ħu ħsieb li tkabbar fik dawk il-karatteristiċi li lil Alla jagħmluh Alla. Veru li inti bniedem u jiena bniedem, imma l-grazzja ta’ Alla taħdem fina biex aħna nitrawmu f’dawk il-virtujiet li aħna nistgħu nikkupjawhom minn Alla.

Hemm kelma oħra flok tjubija, li hija il-kelma “qdusija”. Dak ir-raġel lil Ġesù seta’ qallu: “Mgħallem qaddis, għidli x’għandi nagħmel biex ikolli l-ħajja ta’ dejjem!”

U jiena nappella lilkom, għeżież ħuti nsara, biex lill-arċipriet tagħkom u lis-saċerdoti tħalluhom jitqaddsu. Ixxekluhomx fil-mixja tal-qdusija, għaliex dak li għandna bżonn mhumiex amministraturi ta’ komunitajiet jew ta’ xi azjenda: għandna bżonn saċerdoti qaddisin! Saċerdoti li jirriflettu t-tjubija ta’ Alla, u kemm x’ħin ikunu fuq l-altar u kemm x’ħin ikunu fit-toroq tagħkom u fi djarkom, biex idakkrukom bil-qdusija.

“X’għandi nagħmel biex nakkwista l-ħajja ta’ dejjem?”

Element ieħor li niġbed minn dan il-vanġelu huwa dwar dan ir-raġel li lil Ġesù fissirlu bżonn: “X’għandi nagħmel biex nakkwista l-ħajja ta’ dejjem?” Skond it-teoloġija ta’ San Ġwann, il-ħajja ta’ dejjem tibda minn din id-dinja u għandha wkoll it-twettieq tagħha f’din id-dinja billi jkun hemm ħajja li tixraq lill-bniedem, soċjetà li tkun tassew dar tal-bnedmin.
Ġesù ma weġbux bħala soċjologu, u ma tahx tweġiba ta’ psikologu jew ta’ avukat.  Huwa wiegbu billi tah risposta biblika: “Inti l-kmandamenti tafhom?” U kompla jgħidlu: “Mela issa ħaġa waħda tonqsok: Imxi warajja.” U hawnhekk Kristu tah dak li huwa speċifiku tiegħu. Dan nirrikmandalek, għażiż arċipriet, illi meta jiġu għandek fittex li tagħtihom it-tweġiba mnebbħa mill-Kelma ta’ Alla.

“Mur biegħ li għandek u mbagħad ejja warajja”

Dan il-poplu li qed nafdalek għandu bżonn l-għerf tal-Kelma ta’ Alla li tifred il-ġogi mill-mudullun, kif qalilna l-awtur ta’ l-ittra lil-Lhud. Din il-Kelma għandu bżonn dan il-poplu; kelma li mhix mitlufa b’ħafna kliem sabiħ, artikulat u forsi mżejjen bil-letteratura, imma l-kelma ta’ Alla kif inhi, anzi fir-radikalità tagħha, jiġifieri kelma li tinfed bħal xabla b’żewġt’ixfar.

Intom jidhrilkom li Kristu kien ħelu jew li għamel xi kompomessi ma’ dan ir-ragel? Meta qallu: “Mur biegħ li għandek u mbagħad ejja u imxi warajja”, Ġesù għamillu proposta radikali, li forsi l-bniedem stess mhux lest li jismagħha. U għalhekk oqgħod attent biex ma tagħmilx xi kompromess. X’ħin issa afdajtlek il-Vanġelu f’idejk jien għidtlek: “Nafdalek din il-Kelma ta’ Alla biex lil din il-komunità trawwamha fil-Kelma ta’ Alla.” U jalla ssib min jgħinek ħalli tagħmlu minn din il-parroċċa skola tal-Kelma ta’ Alla. Ħafna drabi ninfexxu f’opri ta’ deheb, fidda u affarijiet oħra. Imma smajtu x’qal l-ewwel qari: id-deheb huwa trab u l-fidda hija tajn ħdejn il-Kelma ta’ Alla. Għeżież tiegħi, dan huwa l-patrimonju li rridu nħallulkom. Mhux deheb u fidda imma l-Kelma ta’ Alla li tqaddiskom u tgħinkom.

Għażiż arcipriet, naħseb li dawn il-punti għall-meditazzjoni tagħna mnebbħa mill-Kelma ta’ Alla huma provvidenzjali. Għandna sfida kbira quddiemna. Fi kliem Kristu: “Kemm huwa diffiċli li wieħed jidħol fis-saltna tas-smewwiet”. Dawk li jistudjaw l-iskrittura meta janalizzaw dan it-test ta’ San Mark jgħidulna li din hija s-sentenza li ried jgħid Kristu. Mhux kemm hija diffiċli li l-għonja jidħlu fis-saltna tas-smewwiet, imma kemm hija diffiċli li lkoll kemm aħna nidħlu fis-saltna tas-smewwiet. Aħna rridu reliġjon komda u rridu nidħlu fis-saltna tas-smewwiet rekbin, mhux bil-mixi. Għalhekk fil-bidu għidtilkom li aħna rridu nimxu wara Kristu, u Kristu daħal fis-smewwiet billi għadda mill-passjoni, il-mewt u l-qawmien.

Però mbagħad Kristu jgħid ukoll: “Għall-bnedmin dan mhux possibbli, imma għal Alla kollox jista’ jsir”. U din hija l-aħħar kelma li nħallik biha. Inħeġġek biex tikber fil-fidi flimkien ma’ din il-komunità. Hija l-fidi li żżommna weqfin, determinati biex inkomplu nibnu din il-Knisja li inti qed tirċievi mhux minn għandi biss imma mingħand iż-żewġ rgħajja l-oħra ta’ qablek, Mons. Luigi Vella u l-Kan. Noel Saliba, li nixtieq nirringrazzjahom… b’mod partikulari lilek, Dun Noel, għal dak li għamilt f’dawn l-aħħar għaxar snin. U miegħi tingħaqad ukoll din il-komunità.


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2006/10/15/il-ministeru-tat-tqaddis-tal-komunita-nisranija-knisja-zebbug-15-ta%e2%80%99-ottubru-2006/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.