L-AMBJENT: KTIEB NATURALI
Knisja ta’ San Franġisk, Rabat – 4 ta’ Ottubru 2006
Fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Frangisk li saret fil-knisja tal-Patrijiet Konventwali, ir-Rabat, Għawdex, Mons Isqof Mario Grech mexxa konċelebrazzjoni flimkien mar-Rev. Provinċjal u l-komunità tal-Patrijiet. Fl-omelija tiegħu, Mons. Isqof tkellem dwar tliet imħabbiet li kellu San Frangisk, liema mħabbiet huma ta’ ispirazzjoni għall-poplu t’Alla llum.
Imħabba lejn il-Kelma t’Alla
San Franġisk kien isejjaħ il-Kelma t’Alla bħala “ħobż ifuħ” u “framment tal-preżenza t’Alla”. F’dan iż-żmien li fil-komunità nisranija bdiet is-sena tal-katekeżi, tfal u adulti huma mħeġġa jieħdu sehem f’laqgħat ta’ formazzjoni biex jiskopru l-qawwa ta’ din il-Kelma t’Alla.
Imħabba lejn il-lebbrużi
Kif San Franġisk kien iħaddan il-lebbrużi, illum ukoll għandna nfittxu u nħaddnu l-lebbrużi ta’ żmienna, li huma l-foqra. F’dan ir-rigward, tajjeb li fix-xahar t’Ottubru niftakru fil-Knisja Missjunarja u nagħtu l-appoġġ tagħna bit-talb u għajnuna oħra lil ħutna fil-missjoni, speċjalment fejn hemm missjunarji Maltin u Għawdxin.
Imħabba lejn il-ħolqien
Lejn tmiem ħajtu, meta kien marid sewwa f’San Damjan, San Franġisk jinseġ dak il-kantiku lill-kreaturi fejn diversi drabi jammira dak li hemm “sabiħ” madwaru: sabiħa x-xemx, sabiħ il-qamar, sbieħ il-kwiekeb u sabiħ in-nar. Interessanti l-fatt li l-Fqajjar t’Assisi jilmaħ dan il-ġmiel meta ma kienx kapaci jarahom għax kien qed jitlef id-dawl ta’ għajnejh, tant li ma kienx jiflaħ la d-dawl tax-xemx matul il-jum u anqas il-leħħa tan-nar matul il-lejl! Huwa skopra fl-ambjent ta’ madwaru “ktieb” ieħor li jitkellem dwar il-kobor u s-sebħ ta’ Alla.
Fid-dinja tal-lum, għandna bżonn niftħu għajnejna u napprezzaw aktar l-ambjent naturali tagħna. Jekk ma nkunux responsabbli kif nirrelataw ma’ l-ambjent, għad jasal żmien meta ma nkunux nistgħu naqraw dan “il-ktieb naturali”, mhux għax inkunu tlifna l-kapacità viżiva ta’ għajnejna, imma għax inkunu tlifna l-ambjent.
Fi żminijietna, meta t-tentazzjoni li l-bniedem jaħkem u jesplojta r-riżorsi naturali saret tant qawwija, għandna nużaw l-għaqal u r-responsabilità biex l-ambjent bħala ‘riżorsa’ ma jkun qatt ta’ riskju għall-ambjent bħala ‘darna’.
Ħafna drabi s-sentimenti tagħna quddiem l-ambjent huma ambivalenti: filwaqt li nafu napprezzaw u nammiraw in-natura madwarna, hemm waqtiet fejn l-għażliet u l-azzjoni tagħna jkunu theddida serja għall-ambjent. Dan iseħħ għax il-bniedem tal-lum imxekkel mill-egoiżmu, imdakkar mill-mentalità kapitalista tipika għal żmienna, misjuq mill-kilba biex jagħmel profitti kbar, jasal biex jesplojta r-riżorsi naturali.
Fejn ma hemmx żvilupp sostenibbli, inkunu nirriskjaw li jintilef il-bilanċ tas-sistema ekoloġika, b’detriment serju għas-saħħa u l-ħajja tal-bniedem.
Il-ġustizzja ambjentali hija dmir morali tal-bnedmin kollha, iktar u iktar tagħna l-insara. Dwar il-mod kif nittrattaw l-ambjent llum irridu nagħtu tweġiba mhux biss quddiem Alla jew quddiem is-soċjetà tagħna llum, imma wkoll quddiem il-ġenerazzjonijiet futuri.