INĦARSU D-DRITTIJIET TA’ WLIEDNA
Festa tat-Twelid tal-Madonna, Xagħra – 8 ta’ Settembru 2006
Il-festa tal-Bambina
“Għaliex dan il-jum solenni ta’ festa? Għaliex din il-liturġija differenti minn tas-soltu? Għaliex il-festi jew iċ-ċelebrazzjonijiet esterni li jagħmlu parti miċ-ċelebrazzjoni nisranija, anke jekk hu meħtieġ li jiġu msoffija minn dak li mhux nisrani? Għaliex dan kollu?
Għax, kif tħabbar fil-Vanġelu, Ġużeppi huwa r-raġel ta’ Marija li minnha twieled il-Messija. Din hija r-raġuni prinċipali għaliex il-Knisja llum tiċċelebra din il-festa. Hija l-festa tat-twelid ta’ Marija; imma mat-twelid ta’ Marija tifraħ id-dinja, għaliex fit-twelid tagħha feġġ fix-xefaq it-twelid tal-Feddej tagħna lkoll. Għalhekk nifirħu u nagħmlu festa. Jien nixtieq u nitlob lill-Ispirtu s-Santu ħalli lill-Knisja jgħinha tniżżel iktar fil-fond l-għeruq tagħha f’din iċ-ċelebrazzjoni, mgħejunin minn Marija.
Sinjal ta’ tama quddiem it-theddid tat-tifrik
Smajna fl-ewwel qari, meħud mil-profeta Mikea, rakkont ħelu. Imma, kif jiġri dejjem, xi drabi nagħmlu inġustizzja ma’ l-Iskrittura għaliex naqraw silta u ma nkunux nafu l-kuntest tagħha. X’inhu l-kuntest li fih Mikea jagħmel din il-profezija? Żewġ versi qabel ma jibda kapitlu ħamsa li qrajna llum, Mikea proprju jitkellem fuq Ġerusalemm, u jgħid li Ġerusalemm hija marsusa mill-għadu u ħa tara t-tifrik tagħha; imma, minkejja kollox, il-Profeta jagħti xaqq ta’ tama. Għaliex? Għaliex għad jitwieled f’Betlem ta’ Efrata il-prinċep li jerġa’ jġib l-ordni u jerġa’ jwaqqaf mill-ġdid lil Ġerusalemm. U meta Mikea jħabbar il-miġja ta’ dan il-prinċep, li huwa Kristu, isemmi wkoll dik il-mara illi għad tagħti t-twelid ta’ dan il-prinċep. U allura f’din il-profezija għandna riferenza għal Marija.
Nistħajjel li anke f’widnejna jinżel ħelu manna dan id-diskors, għaliex jekk inħarsu lejn il-ħajja ta’ madwarna, kważi kważi nilmħu l-istess sinjali illi Mikea jinnota dwar Ġerusalemm. Bħal Ġerusalemm id-dinja tagħna tinsab marsusa mid-diveresi kurrenti u diversi idejoloġiji illi ma jagħmlux ġieħ lill-bniedem mifdi minn Kristu. U jekk Mikea kien qed iħabbar il-qerda ta’ Ġerusalemm, jien naħseb illi ma nkunux profeti tad-dlam jekk ngħidu li jekk id-dinja, jekk is-soċjetà tagħna ma tieqafx tirrifletti ftit fuqha nnifisha u tara x’deċiżjonijiet qegħda tieħu, x’direzzjoni qegħdin nagħtu, allura bħal Mikea aħna wkoll naraw il-qerda tal-belt tagħna.
Id-drittijiet fundamentali tal-bniedem
Ħarsu ftit lejn dawk li huma d-drittijiet fundamentali tal-bniedem… minkejja li niftaħru li aħna ffirmajna l-karta ta’ dawn id-drittijiet! U meta nirreferi għad-drittijiet tal-bniedem qed nifhem damma ta’ drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, eċċ. Inħarsu ftit madwarna u naraw għandniex soċjetà li hija sensibbli biżżejjed biex dawn id-drittijiet jiġu mħarsa. U meta nitkellmu minn drittijiet, ma nivvintawx id-drittijiet, imma d-drittijiet huma miktuba fin-natura tagħna l-bnedmin. Meta n-Nazzjonijiet Uniti taw lid-dinja din il-Karta tad-Drittijiet huma kienu biss qegħdin jagħrfu dak il-partimonju tal-ġeneru uman, patrimonju illi r-raġuni, meta mħaddma tajjeb, tgħinek biex faċli tiskoprih.
Għaliex qed ngħid “ma nivvintawx id-drittijiet”? Għax faċli ssib, anki fostna, min facilment jasal biex jagħmel affermazzjoni u jiddeskriviha bħala xi dritt ċivili tagħna, bħalma meta, per eżempju, gie li tkellmu dwar id-divorzju bħala dritt tal-bniedem. Sa fejn naf jien id-dritt li huwa definit fil-Karta tad-Drittijiet Umani huwa d-dritt għaż-żwieġ u mhux għad-divorzju! Allura nħarsu ftit madwarna u naraw jekk dak li jagħmilna bnedmin, dak illi jżejjen id-dinjità umana tagħna hux qed jiġi rrispettat, hux qed jiġi mħares. Jekk le, allura tgħodd il-profezija ta’ Mikea: taqtax qalbek, għaliex int, poplu nisrani, tista’ tkun ħmira f’din id-dinja. Veru li aħna poplu ċkejken u l-vuċi tagħna ma twassalx wisq; imma nisimgħu lil Mikea: “Int, Betlem, l-iżgħar fost l-ibliet ta’ Ġuda, minnek għad joħroġ dan il-prinċep”. Dan huwa minnu għaliex minn Betlem – belt insinjifikanti, imma belt fekonda, kif tfisser il-kelma Efrata –, ħareġ Kristu d-difensur tal-bniedem, Kristu x-xandâr tad-drittijiet tal-bniedem. Dan Kristu twieled min dik li llum qed niċċelebraw it-twelid tagħha, Marija. Il-Missirijiet tal-Knisja, meta jinterpretaw dan it-test ta’ Mikea, jaslu biex ukoll jassoċċjaw il-belt ta’ Betlem ma’ Marija.
Bħal Marija, nirriflettu l-ġmiel ta’ Kristu
Marija, it-tifla ta’ Nażaret, x’kellha speċjali? Xejn. Imma s-Setgħani xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tagħha; u għax kienet żgħira u insinjifikanti, imma kienet b’qalb kbira u disponibbli biex tħalli lil Alla jaħdem fiha, illum qegħdin niċċelebraw din il-festa, it-twelid tagħha.
Iva, Betlem-Marija huma sejħa biex aħna nagħmlu kuraġġ, u minkejja li aħna poplu ċkejken – u issa qed nitkellem bħala poplu t’Alla –, minkejja li Ġerusalemm tidher li qed tiġi mwaqqgħa, aħna nistgħu nagħmlu ħwejjeġ kbar fuq l-eżempju ta’ Marija. Bħalma Marija tat lil Kristu lid-dinja elfejn sena ilu, anke int illum tista’ tiġġenera, anzi għandek tiġġenera lil Kristu lid-dinja ta’ żmienna.
San Pawl fit-tieni qari meħud mill-Ittra lir-Rumani jgħid: “Alla lil dawk li jħobb ippredestinahom, għażilhom biex jieħdu s-sura fuq ix-xbieha ta’ Ibnu, ħalli hu jkun l-ewwel fost il-bnedmin.” Alla lil dawk li jħobb qed isejħilhom biex jieħdu s-sura fuq ix-xbieha ta’ Kristu li sar bniedem minn Marija Verġni. Min hi din li llum qegħdin niċċelebraw it-twelid tagħha? Hija dik illi Alla għażilha sa mill-eternità, ippreparaha, għamilha Immakulata anke fit-tnissil tagħha, biex permezz tagħha jibda l-proċess definittiv biex il-bniedem isir jixbaħ lil Kristu. Mela, bit-twelid ta’ Marija beda għalina l-bnedmin dak il-proċess ħalli aħna lkoll jirnexxielna nieħdu s-sura fuq ix-xbieha ta’ Kristu.
Il-Papa Pawlu VI, li qabel ma sar Papa kien arċisqof ta’ Milan – fejn il-katidral huwa iddedikat bħal dan is-santwarju lin-Natività ta’ Marija – għandu riflessjonijiet sbieħ fuq din il-ġrajja. F’dal-kuntest, il-Papa Montini jħares lejn Marija bħala l-bniedma li tirrifletti l-ġmiel ta’ Alla. U kieku Marija ma ngħatatx lilna bit-twelid tagħha, aħna konna nitilfu darba għal dejjem din il-mera tal-ġmiel ta’ Alla, konna nitilfu l-kunċett ta’ dak li hu sabiħ. Għalhekk illum niffissaw il-ħarsa tagħna fuq il-Bambina għaliex naraw tilmaħ dik li għandha x-xbieha ta’ Kristu, Kristu l-bniedem perfett, il-bniedem ħieles minn kull tebgħa, il-bniedem li kien igawdi l-ħelsien fl-ogħla grad tiegħu.
Id-drittijiet tat-tfal
F’dan il-kuntest jiena u nimmedita x’għandi ngħidilkom illum bħala ragħaj tagħkom, inħoss li għandi nagħmel riflessjoni qasira dwar aspett wieħed minn dan id-diskors kollu.
Il-bniedem ħieles huwa l-bniedem li għandu d-drittijiet tiegħu rispettati. U meta nħares lejn il-Bambina, niftakar f’kategorija importanti fil-ħajja tagħna li wkoll għandhom id-drittijiet tagħhom, għalkemm aħna mhux dejjem nagħrfuhom, niddefenduhom u nħarsuhom. Qed nitkellmu dwar kategorija li huma wkoll parti mill-belt ta’ Ġerusalemm, u jekk aħna ma niddefenduhomx, inkunu nittraskuraw il-pedament ta’ din il-belt. Qed nitkellem dwar kategorija illi wkoll Alla ppredestinahom biex ikollhom is-sura tax-xbieha ta’ Ibnu. Liema hi dik il-kategorija li mill-ewwel tiġik f’qalbek meta tħares lejn il-Bambina? Huma il-“bambini”, jew aħjar t-tfal tagħna. Iva, naħseb illi huwa l-mument illi nagħmlu riflessjoni dwar xi trobbija qegħdin nagħtu lil uliedna. X’futur qegħdin nipproġettaw għal uliedna? X’pedament qegħdin nagħmlu biex uliedna jkunu dawk illi jibnu il-belt ta’ l-għaqda?
Nixtieq nillimita r-riflessjoni fuq ftit mid-drittijiet tat-tfal. Jeżisti dokument internazzjonali li jitkellem mid-drittijiet tat-tfal: fih tnejn u erbgħin dritt!
Id-dritt għall-ħajja
It-tfal għandhom dritt għall-ħajja. Hawn xi ħadd illi jista’ jiġih dubju li t-tfal tagħna ma għandhomx dritt għall-ħajja? Meta qed nitkellem fuq it-tfal, m’inhiex nirreferi biss għal dawk li twieldu, imma qed nitkellem anke minn dak li jitnissel u jkun għadu fi ħdan ommu jew ommha. Iva, sa mill-bidunett tat-tnissil nemmnu li hemm persuna; għalkemm tkun għadha ma twilditx, għandha d-drittijiet daqs wieħed kbir. Anzi, għax tkun għadha ma twilditx u allura hija dgħajfa u bla vuċi, aħna għandna d-dmir illi niddefenduha.
Per eżempju smajna illi kemm fl-istituzzjonijiet Ewropej kif ukoll f’pajjiżna hemm min qed jinnamra ma’ l-idea li għandu jkun hemm liċenzja biex jintużaw dawk li jissejħu ċelluli staminali meħudin mill-embrijun uman biex jintużaw għal skopijiet ta’ terapija, ta’ mediċina. L-iskop, kieku, huwa wieħed tajjeb; imma intom taħsbu li wasalna fi żmien fejn il-fini jiġġustifika l-mezzi? Taħsbu illi nistgħu nittraffikkaw, ninnegozzjaw, nimmanipulaw u nisfruttaw il-persuna tal-bniedem biex infejqu adult? Hekk inkunu qegħdin nagħmlu meta nfittxu li niksbu dawn iċ-ċelluli staminali mill-embrijun uman. Hemm diversi prinċipji etiċi illi jgħidu li m’għandna qatt nirrikorru għal dawn iċ-ċelluli meħudin mill-embrijun: l-embrijun hu persuna! Biex ngħid hekk – ħalli nibqa’ fil-kuntest tad-diskors tal-lum – anke l-embrijun huwa tifel jew tifla li għandu d-dritt għall-ħajja.
Dan biex ma nsemmix xi vuċijiet oħra li fil-beraħ jew fil-moħbi jitkellmu dwar id-dritt għall-abort! Dan huwa wieħed mid-“drittijiet” li, kif semmejtilkom fil-bidu, qegħdin noħolquh aħna; għax meta toqtol tarbija tkun qed toqtol persuna. Il-festa tal-Bambina tagħmlilna ġieħ jekk lilna ġġiegħlna nagħmlu eżami tal-kuxjenza u naraw jekk l-imħabba tagħna lejn il-Bambina hix ukoll imsieħba minn imħabba vera lejn it-tfal tagħna.
Id-dritt għall-familja
It-tfal għandhom dritt għall-familja. Dan ma jingħadx daqshekk direttament fil-Karta tad-Drittijiet tat-Tfal. Forsi nifhem għaliex ma jingħadx li t-tfal għandhom dritt għall-familja! Dil-Karta ġiet konkluża fl-1989 u ratifikata sena wara. Allura l-kuntest ta’ żmienna, meta l-familja qed tiddgħajjef, jekk nitkellmu minn dritt għall-familja, tfaqqas damma oħra ta’ dmirijiet.
Imma indirettament f’dan id-dokument jissemma dan id-dritt għaliex jingħad li t-tifel jew it-tifla għandhom dritt li jkollhom il-ġenituri tagħhom, li jkunu jafu min huma l-ġenituri tagħhom. Uliedna għandhom dritt li jitrabbew f’ambjent ta’ familja; u dan ifisser li lkoll kemm aħna għandna piż fuq spallejna biex niggarantixxu li uliedna jkollhom familja; li għall-kapriċċi tagħna l-adulti uliedna ma jiġux imċaħħda minn dan l-ambjent naturali ta’ l-imħabba.
Naturalment hemm ukoll dawk illi jsibu ruħhom mingħajr familja għal diversi raġunijiet. Fil-Knisja għandna d-djar tat-tfal, illi grazzi għall-ġenerożità ta’ ħafna – speċjalment ta’ ħafna sorijiet, imma mhux tas-sorijiet biss, imma anke tagħkom li ssostnu dawn id-djar – it-tfal li huma bla familja jsibu din id-dar li toffri kenn u mħabba. Naturalment ir-reliġjużi huma bnedmin ukoll; allura forsi mhux dejjem kollox ikun ward u żahar, imm’aħna ma nistgħux narmu l-ilma bit-tarbija b’kollox! Jekk hemm xi ħaġa li mhix qiegħda tgħin lit-tfal għandna d-dmir li nikkoreġuha; ħadd ma jista’ jgħid li ma kellniex nies u ma għandniex persuni fi ħdan il-Knisja illi taw ħajjithom biex joffru spirtu ta’ familja lil dawk li ma għandhomx! Illum irrid nirringrazzja lilhom u lilkom għal dan kollu.
Imbagħad hemm ukoll l-adozzjoni u l-fostering. Anke jekk dawn huma żewġ istituti legali illi forsi jieħdu t-tul biex jiġu attivati, però huma mezzi li jgħinu ħafna lit-tfal li huma bla familja. Dawk il-ġenituri jew miżżewġin illi jagħmlu att erojku meta jadottaw jew iżommu fil-familja tagħhom tfal għall-fostering ħaqqhom kull tifħir u rikonoxximent.
F’din l-għodwa nixtieq nagħmel appell ħalli jekk hemm xi liġijiet li qed jitħejjew fir-rigward – u naf li hemm liġi dwar il-fostering – dawn jgħaddu mill-proċess tagħhom proprju biex nistgħu noffru servizz aħjar lic-ċkejknin tagħna, u hekk dan id-dritt tat-tfal għall-ambjent ta’ familja jiġi rikonoxxut u magħruf aħjar.
Dritt għall-mistrieħ u għall-edukazzjoni
It-tfal għandhom dritt għall-mistrieħ, u dan norbtu wkoll mad-dritt għall-edukazzjoni. Dwar li t-tfal għandhom dritt għall-edukazzjoni m’hemmx għalfejn ngħid ħafna, anzi rrid ngħid li neħtiegu li mmorru bil-mod, għax xi darba jiġri li l-ġenituri jinsistu wisq fuq il-formazzjoni skolastika ta’ wliedhom u dan a skapitu ta’ trobbija sħiħa. Meta qed ninsistu ħafna fuq l-iskola qed jiġu ssagrifikati dimensjonijiet oħra tal-ħajja tagħhom. Anke bħala Knisja aħna nħossu li rridu nagħtu kontribut f’dan il-qasam, u nwiegħdkom li aħna nkomplu naħdmu biex lil uliedna, sa fejn nistgħu, nagħtuhom edukazzjoni li tgħinhom tiżviluppa l-persuna sħiħa tagħhom. Hija meħtieġa mhux biss edukazzjoni tal-moħħ imma edukazzjoni tal-qalb.
F’dan il-kuntest nirreferi għad-dritt għall-ħin liberu. Nagħmlu ftit eżami ta’ kuxjenza u naraw aħniex akkaniti li t-tfal ikollhom dritt għall-ħin liberu daqskemm aħna akkaniti biex uliedna jiksbu knowledge mill-iskola u l-privat li noffrulhom! It-tfal għandhom bżonn ta’ ħin ta’ rikreazzjoni, u dan ifisser li aħna għandna d-dmir bħala soċjetà illi noffrulhom rikreazzjoni li tixirqilhom. Issa, għiduli daqxejn: li jkollok tifel ta’ tnax-il sena, jekk mhux iżgħar jew ftit ikbar, u torganizzalu disco, u torganizzah f’ħin u f’lokal fejn ftit wara jibda d-disco ¬tal-kbar, jidhrilkom li din hija attività rikreattiva li qed tifforma lil uliedna? Jekk dan nibagħtuh jew inħallu ’l ħaddieħor jistad għal din l-attività, kemm ħa tkun diffiċli illi xħin imbagħad jasal fl-età tiegħu jew tagħha, tgħidlu: “issa oqgħod attent fejn tmur”! Jien naħseb li rridu nagħmlu ftit riflessjoni dwar x’tip ta’ divertiment u ħin ta’ mistrieħ qegħdin noffru lil uliedna.
Ħarsien mill-vjolenza
It-tfal għandhom dritt illi jkunu mħarsa mill-użu ħażin tal-mass media. Proprju l-bieraħ f’wieħed mill-ġurnali kellna rapport interessanti ħafna minn aġenzija tal-gvern – l-Aġenzija Appoġġ – fejn jgħid li wieħed minn kull tlieta ta’ wliedna jużaw l-internet. Sakemm tuża l-internet mhix xi ħaġa ħażina, anzi hi xi ħaġa tajba; u nħeġġiġkom biex lil uliedkom tgħallmuhom dawn il-mezzi, basta jkunu iggwidati, għaliex, kif jirriżulta minn dan ir-rapport, hemm wisq materjal vjolenti, pornografiku, razzista fl-internet u l-mezzi l-oħra ta’ komunikazzjoni. Inti mingħalik li t-tifel jew it-tifla qiegħda tehda mal-kompjuter, u jkollok għalliem ieħor li mingħajr ma tkun taf ikun qiegħed jitma l-moħħ u l-qalb ta’ wliedek! Proprju għalhekk twaqqaf hotline biex kull min jaf illi fl-internet hemm materjal ta’ din ix-xorta, speċjalment fejn hemm il-pornografija tat-tfal, materjal vjolenti jew razzista, għandu juża dan il-hotline u jirrapporta. Jiena nħeġġiġkom biex tikkoperaw ma’ dawn l-inizjattivi jekk irridu nissalvagwardjaw lil uliedna.
It-tfal għandhom dritt illi ma jkunux abbużati, la fiżikamanet, la psikoloġikament, la sesswalment u lanqas emozzjonalment. Minn tagħrif li għandi, quddiem l-Aġenzija Appoġġ hemm ħames mitt każ jistennew li jiġu trattati. Possibbli ma nistgħu nagħmlu xejn biex dawn il-każijiet jiġu investigati fi żmien qasir? L-ewwelnett ħalli nneħħu darba għal dejjem l-idea li min qed jagħmel dan l-isfreġju fuq uliedna jibqa’ frank; imbagħad biex ngħinu lil dawn il-vittmi jirkupraw dimensjoni importanti li tista’ tħallihom immarkati ħajjithom kollha! Għalina li niftaħru li għandna ċiviltà li tiddefendi d-drittijiet tat-tfal, dawn huma drittijiet li jeħtieġu azzjoni immedjata. Mentri xi drabi nkunu nafu li qed jiġru u nagħlqu fommna u għajnejna!
It-tfal b’diżabilità
Imbagħad hemm kategorija oħra importanti li nħoss li għandna nindirizzaw: it-tfal li għandhom xi diżabilità. Dawn għandhom dritt għal ħajja sħiħa, dritt illi jipparteċipaw fil-ħajja tal-komunità. Dawn il-ġranet iltqajt ma’ delegazzjoni mid-Dar Arka li għandna fid-djoċesi, u nistqarr magħkom qaluli ħafna tagħrif li x’ħin telqu rringrazzjajt lil Alla kemm għandna voluntiera ddedikati għal dawn ħutna b’diżabilità. Kemm taħsbu li trid l-Arka biex tmexxi f’sena? Għandhom bżonn disgħin elf lira fis-sena! Dawn il-flus jidħlu minn sorsi diversi, imma l-parti l-kbira jidħlu mingħandkom, għax intom ġenerużi. U għalhekk dalgħodu, filwaqt li rrid ngħid kelma t’apprezzament lil ħutna kemm voluntieri u kemm ħaddiema li hemm fl-Arka għall-ħidma li jwettqu mat-tfal b’diżabilità, irrid ngħid kelma ta’ ringrazzjament lilkom, għaliex bil-ħidma tagħkom b’mod jew ieħor qegħdin tgħinu lil dawn it-tfal ħalli jkollhom ħajja inqas diffiċli.
Nappella wkoll biex inkomplu naġixxu ħalli nagħmlu l-postijiet tagħna iktar aċċessibbli għall-persuni li għandhom diżabilità, għax altrimenti ma nkunux ngħinuhom biex jieħdu sehem fil-ħajja tal-komunità. Illum qed tikber din l-awareness illi nagħmlu l-postijiet tagħna iktar aċċessibbli, però għad baqagħlna triq twila x’nimxu dwar dan.
Il-Bambina tispirana
Il-Bambina hija wkoll ir-Reġina tal-Vittorja. Ħafna drabi d-diskors tagħna f’din iċ-ċirkustanza jittratta dwar l-istorja glorjuża ta’ pajjiżna. Nagħmlu sew, għax l-Assedju u l-Gwerra huma parti mill-istorja ta’ ġensna; imma, għeżież tiegħi, l-Assedju u l-Gwerra huma wkoll esperjenzi ta’ żmienna. Niftakru kif llum interpretajna lill-profeta Mikea! Il-belt tagħna hija assedjata bħalma kienet Ġerusalemm! Jekk aħna tassew irridu nagħtu ġieħ lill-Bambina, li hija r-reġina tal-vittorja, hemm bżonn illi llum inħalluha tkompli tispirana bit-tfulija tagħha ħalli aħna nsiru iktar konxji biex, l-ewwelnett, ilkoll kemm aħna niksbu s-sura ta’ Kristu, il-bniedem perfett, imbagħad biex nimpenjaw lilna nfusna, kulħadd skond il-qasam tiegħu, ħalli b’mod partikolari lil uliedna ngħinuhom ikantaw vittorja meta tassew id-drittijiet tagħhom ikunu rispettati minn kulħadd.