- Gozo Diocese - http://gozodiocese.org -

Is-saċerdot ministru tal-Kelma ta’ Alla (Parroċċa San Ġorġ, 20 ta’ Awissu 2006)

Posted By admin On August 20, 2006 @ 12:35 pm In 2006 | Comments Disabled

IS-SAĊERDOT MINISTRU TAL-KELMA TA’ ALLA

Ċelebrazzjoni ta’ Radd il-Ħajr fl-okkażjoni tal-25 Sena mill-Ordinazzjoni Presbiterali ta’ Dun Effie Masini u Dun Jimmy Xerri, Bażilika San Ġorġ, Rabat – 20 ta’ Awissu 2006

Nistqarr magħkom illi din l-Ewkaristija li fiha qed infakkru l-25 sena mill-ordinazzjoni ta’ dawn iz-żewġ saċerdoti hija motiv ta’ ferħ kbir għalija. Li nissieħeb magħkom, għeżież ħuti fis-saċerdozju, Dun Jimmy Xerri u Dun Effie Masini, inħoss li huwa rigal minn Alla. Ilna nafu lil xulxin, konna s-seminarju flimkien, konna kollegi bħala għalliema fis-seminarju, biex ma ngħidx għallimtuni, ħdimna flimkien, u llum il-Mulej poġġieni f’dan il-ministeru biex naqdikom bħala isqof tagħkom.

Huwa mument ta’ ferħ għal ommijietkom. Anzi, għeżież ommijiet, irrid ngħidilkom grazzi pubblikament f’isem il-Knisja, mhux biss il-Knisja f’Għawdex imma f’isem l-Knisja ta’ Kristu fuq din l-art. Għaliex uliedkom kienu tagħkom u intom offrejtuhom biex ikunu ministri tal-Knisja ta’ Kristu, li m’hix ċirkoskritta la għall-konfini għall-parroċċa u lanqas dawk tad-djoċesi ta’ Għawdex, imma għall-Knisja universali.

Nifraħ magħkom, għeżież familjari ta’ dawn is-saċerdoti, nifraħ mal-komunità parrokkjali illi fiha saret l-ewwel esperjenza tal-fidi ta’ dawn ħuti, u fiha komplew jitrawmu. Nifraħ mal-Knisja f’Għawdex. Meta f’Ħamis ix-Xirka ċċelebrajna anki din ir-rikorrenza, int, Dun Jimmy, kont imbiegħed minna għax il-ministeru tiegħek sejjaħlek fil-Brażil; imma nassigurak li ħassejniek preżenti magħna. Dakinhar iċċelebrajna l-ħamsa u għoxrin sena tagħkom flimkien mal-ħamsin sena ta’ saċerdozju ta’ wħud mis-saċerdoti li jżejnu lid-djoċesi tagħna. U dan qed ngħidu biex dan il-ferħ tiegħi u tagħna naqsmuh magħkom ilkoll hawn preżenti f’din l-assemblea liturgika; għax barra li hawn familjari u ħbieb ta’ dawn iz-żewġ saċerdoti, barra li hawn membri fi ħdan din il-komunità, naf li hawn ukoll insara minn komunitajiet parrokkjali oħrajn.

Nixtieq li llum joħroġ minn qalbna dan ir-radd il-ħajr lil Alla għal dawn ħutna. Għaliex? Nista’ ngħid ħafna fuq is-saċerdot; imma, imnebbaħ mill-Kelma ta’ Alla li għadha kif ixxandritilna fil-Vanġelu tal-lum (Ġw 6,51-58), ngħid li għandna nifirħu għaliex f’Dun Effie u Dun Jimmy, u fihom is-saċerdoti kollha, għandna nilmħu bnedmin li Alla pprovdihomlna biex itaffilna l-ġuħ.

Smajna lil Ġesù jgħidilna: “Jiena huwa l-Ħobż ħaj li niżel mis-sema. Min jiekol minn dan il-Ħobż ma jmut qatt”. Aħna nafu kemm il-problema tal-ġuħ hija problema mifruxa mhux ħażin, frott ta’ ħafna kawżi. U naħseb dan tikkonfermah int, Dun Jimmy, li ġej mill-art tal-missjoni. Nafu li daqskemm hija gravi l-problema tal-ġuħ, hi l-problema tal-malnutriment, jiġifieri ta’ l-ikel ħażin. Għax mhux biżżejjed li jkollok x’tiekol, imma jrid ikollok ikel ta’ kwalità; għax jekk l-ikel ikun ħażin, jagħmillek il-ħsara. Il-maltnutriment huwa ħażin daqs li kieku m’għandekx x’tiekol.

Meta qegħdin nitkellmu fuq il-ġuħ u fuq il-malnutriment, m’aħniex nitkellmu biss fuq il-ġuħ materjali, imma f’sens wiesgħa tal-kelma. “Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix”, jgħid Kristu, “imma b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla”. U din il-ħaġa tikkonfermawhielna intom it-tnejn; anki int, Dun Effie, bil-ministeru attiv tiegħek fid-djoċesi tagħna, speċjalment maż-żgħażagħ. U naħseb tikkonfermawha intom ilkoll, għeżież ħuti nsara!

Hemm bżonn nitolbu lil Alla biex jgħinna nirbħu l-problema tal-ġuħ u tal-malnutriment, fis-sens wiesgħa ta’ dawn iż-żewġ kelmiet. Bl-Ingliż jgħidu: “You are what you eat”! Jekk tiekol ikel bnin, inti tinbena f’persuna b’saffejn, tkun a healthy person; imma jekk tiekol l-imbarazz, int tkun bniedem imħawwad u mimli imbarazz u tgħix ħajja f’riskju. U jien naħseb illi rridu nammettu illi din il-problema teżisti.

Jeżisti l-ġuħ spiritwali, il-ġuħ tal-Kelma ta’ Alla, u jeżisti wkoll il-malnutriment, jiġifieri għarfien ħażin tal-Kelma ta’ Alla, biex ma ngħidx għalliema mhux korretti tal-Kelma ta’ Alla! Din jien irrid nirrispondi għaliha quddiemkom u quddiem Alla, kif naħseb li lkoll kemm aħna, aħna s-saċerdoti għalliema tagħkom, irridu nirrispondu għaliha.

“Jien huwa l-Ħobż ħaj li niżel mis-sema”. Id-dinja u s-soċjetà dan li għandha bżonn. M’għandhiex bżonn ta’ saċerdoti li huma organisers jew saċerdoti li huma esperti fis-soċjoloġija – dan naturalment bl-ikbar rispett lejk, Dun Effie, li inti speċjalizzat, bħala xjenza, fis-Soċjoloġija. Id-dinja għandha bżonn ta’ saċerdoti illi jistgħu jpoġġu fuq fommhom din is-sentenza: “Jiena Ħobż ħaj li niżel mis-sema. Min jiekol minn dan il-Ħobż, ma jmutx, imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem”.

“Jiena l-Ħobż ħaj”. Dan il-ħobz ħaj huwa Kristu. U d-dinja għandha bżonn ta’ Kristu. Dan hu li aħna s-saċerdoti aħna mibgħutin biex inwettqu fostkom: biex l-ewwel u qabel kollox inlaqqgħukom ma’ Kristu, ngħinukom tiskopru l-ġmiel ta’ l-Iben ta’ Alla li sar bniedem fostna biex jifdina.

U Kristu min hu? Kristu huwa l-Verb ta’ Alla, il-Kelma ta’ Alla li saret laħam. Aħna s-saċerdoti nlaqqgħukom ma’ Kristu jekk prinċipalment inwasslulkom il-Kelma ta’ Alla. Jekk Kristu qed jgħid: “Jiena hu l-Ħobż ħaj”, qed jimplika wkoll il-fatt li huwa l-Kelma mlissna minn Alla sa mill-eternità, illi fil-milja taż-żmien saret laħam. U l-laħam sar il-Kelma ta’ Alla mitkellma. U aħna s-saċerdoti prinċipalment dan hu li aħna mibgħutin biex nagħmlu. U intom, ħutna fi Kristu, għandkom tistennew bi dritt minn għandna li ngħinukom tiltaqgħu mal-Kelma, ngħinukom biex dik il-Kelma illi saret laħam tgħammar fikom, tibdilkom u hekk issiru kelma li xxandar il-ġmiel ta’ Alla fid-dinja tal-lum. Intom l-ittra miktuba tagħna għad-dinja.

Dan hu l-ministeru tal-Kelma tagħna s-saċerdoti. U jien nirringrazzja lil Alla illi għandna ħafna saċerdoti illi jifhmu din il-vokazzjoni tagħhom u jingħataw u jagħmlu sagrifiċċji kbar biex jgħinu lill-bnedmin jissodisfaw dan il-ġuħ. Int, Dun Jimmy, wara li wettaqt il-ministeru tiegħek għal ħafna snin fid-djoċesi tagħna, ħassejt lill-Mulej isejjaħlek biex tmur fid-djoċesi ta’ Maceò. Hemmhekk, kemm bħala kappillan u anki issa fil-formazzjoni tal-ministri ta’ Alla bħala rettur ta’ seminarju, int qed tipprova taqsam din l-esperjenza ta’ Kristu u tal-Kelma. L-istess int, Dun Effie, f’dawn il-ħamsa u għoxrin sena – dan nista’ nikkonfermah jien b’esperjenza personali – tissagrifika lilek innifsek ħalli proprju lill-Knisja tagħna tgħinha tistagħna f’din l-esperjenza tal-Kelma.

Jiena dak li għandi x’ngħidilkom: inħeġġiġkom biex l-ewwel u qabel kollox tkunu intom – biex ma ngħidx inkunu aħna – illi nagħmlu l-esperjenza ta’ dan “il-Ħobż ħaj li niżel mis-sema”; inkunu aħna li nkomplu nitwaħħdu ma’ Kristu. Din hi l-vokazzjoni tagħna. Aħna, meta ħassejna s-sejħa għas-saċerdozju, kien il-ġmiel ta’ Kristu saħħarna għal warajh. U ma nħallu ebda ġmiel ieħor ifixkilna. Ħallu l-Kelma ta’ Alla tkompli tibnikom bħala saċerdoti, biex imbagħad tkunu tistgħu b’ħajjitkom, imbagħad bil-kelma, tipproklamaw il-Kelma. Hekk intom tibnu persuni, komunitajiet ta’ nsara, il-Knisja: li hija sabiħa għax tirrifletti l-preżenza ta’ Kristu; tkun Knisja illi tkun eku tal-Kelma li saret laħam.

Mhux dan tridu intom, għeżież ħuti nsara? Ikkoreġuni jekk jien żbaljat bħala isqof tagħkom. Mhux din trid tkun il-preokkupazzjoni tiegħi bħala ragħaj, ta’ dawn sħabi bħala ragħajja sħab fil-missjoni tiegħi bħala ragħaj? Ftakru x’qalilna Ġesù fil-Vanġelu tal-lum: missirijietkom kielu ikel li wassalhom għall-mewt (ara Ġw. 6,57). Forsi anki missirijietna, li żgur xtaqulna kull ġid, mhux dejjem għaddewlna l-aħjar ħobż! Allura rridu noqogħdu attenti biex jekk hemm bżonn ċertu ikel, ċertu kwalità ta’ ħobż li writna mingħand missierijietna, naraw kif nagħġnuh mill-ġdid, jew naqbdu u neħilsu minnu darba għal dejjem, ħalli tassew ikollna ikel li jissodisfa l-ġuħ, u mhux, għall-kuntrarju, joħloq ġuħ aktar minn qatt qabel.

“Dan huwa l-Ħobż li niżel mis-sema”: Kristu, il-Mulej Ġesù. Ta’ dan irrodd ħajr lil Alla, u nitlob lilkom, komunità nisranija, biex lilna s-saċerdoti ssostnuna bit-talb tagħkom, ħalli bħal Kristu nkunu għalikom “ħobż ħaj tas-sema”, u fl-istess waqt inkunu fidili għall-mandat li l-Knisja qed tafdalna biex inwaslulkom dan il-ħobż ħaj li huwa Kristu.


Article printed from Gozo Diocese: http://gozodiocese.org

URL to article: http://gozodiocese.org/2006/08/20/is-sacerdot-ministru-tal-kelma-ta%e2%80%99-alla-san-gorg-20-ta%e2%80%99-awissu-2006/

Copyright © 2007 Gozo Diocese. All rights reserved.