Komunità li xxandar u tgħix il-ġrajja tal-Qawmien (Katidral, 15 ta’ Awissu 2006)

KOMUNITÀ LI XXANDAR U TGĦIX IL-ĠRAJJA TAL-QAWMIEN

Festa ta’ Marija Mtellgħa s-Sema, Katidral – 15 ta’ Awissu 2006

Il-primat ta’ Alla u l-primat tal-bniedem

Il-festa ta’ Santa Marija hija festa impenjattiva ħafna. Qed nirreferi għall-impenn li trid tagħmel il-Knisja, l-impenn li rridu nagħmlu aħna l-insara individwalment u proposta ta’ impenn lis-soċjetà ta’ madwarna.

Jekk nagħtu daqqa t’għajn lejn l-ikonografija tal-Misteru ta’ l-Assunzjoni ta’ Marija nsibu illi hemm żewġ impostazzjonijiet. L-ikonografija ta’ l-orjent tippreżenta din il-ġrajja billi ħafna drabi Marija hija rappreżentata bħala figura rieqda, mimduda, mejta, imma imbagħad hemm id, l-id ta’ Alla nieżla fuqha li tqajjimha mill-mewt u taqbadha minn idha biex iddaħħalha fis-sema.

F’din l-ikonografija il-messaġġ huwa ċar: l-omnipotenza ta’ Alla, il-qawwa ta’ Alla illi bagħat lil Kristu fid-dinja biex jifdina, u Kristu fdiena bil-mewt u l-qawmien tiegħu. Kristu ġie mqajjem mill-mewt mill-Missier, u Marija – kif qrajna fit-tieni lezzjoni: l-ewwel Kristu u wara dawk ta’ Kristu, – bir-raġun kellha jkollha dan il-premju, dan il-privileġġ illi Alla l-Imbierek jagħmel magħha, in virtù tar-redenzjoni ta’ Kristu, illi jqajjimha u jtellagħha fis-sema bir-ruħ u bil-ġisem: il-primat ta’ Alla dan li jfisser.

Min-naħa l-oħra l-ikonografija ta’ l-oċċident tippreżenta lil Marija fl-Assunzjoni tagħha kif hi ppreżentata f’dan it-tempju, f’dan il-katidral: Marija tielgħa s-sema bir-ruħ u bil-ġisem, u lejha jħarsu l-Appostli. X’inhu l-prinċipju wara dan il-mod ta’ preżentazzjoni tal-Misteru ta’ l-Assunzjoni bir-ruħ u bil-ġisem ta’ Marija?

Hemm messaġġ, jgħidulna it-teoloġi, biex jafferma n-nobilità tal-ġisem tal-bniedem. F’din l-ikonografija hemm messaġġ antropoloġiku, biex ikollna viżjoni pożittiva tal-bniedem u l-bniedem sħiħ, u dan kontra dak il-moviment anke teoloġiku li kien jgħid li l-bniedem ma jiswa xejn, li l-bniedem huwa biss sors, għajn ta’ ħażen. Mentri bil-proklamazzjoni tad-domma ta’ l-Assunzjoni ftit iktar minn ħamsin sena ilu, Piju XII ried jafferma dan il-prinċipju antropoloġiku, jiġifieri li l-bniedem huwa kreatura tajba, li l-bniedem hu bniedem sħiħ, għandu destinazzjoni qaddisa li bħal Marija jipparteċipa mir-rebħa ta’ Kristu fuq il-mewt, u jasal il-jum li fih aħna nidhlu fl-eternità bir-ruħ u l-ġisem.

Dawn huma ż-żewġ prinċipji li rridu nżommu quddiem għajnejna, anke fil-ġurnata tal-lum: il-primat ta’ Alla u l-primat tal-bniedem, għaliex jekk aħna niċħdu verità minn dawn it-tnejn inkunu qegħdin nagħmlu żball kbir; jekk mhux ukoll għamilna żball kbir, għaliex jien għandi d-dubju tiegħi kemm is-soċjetà tal-lum tagħraf il-primat ta’ Alla, kemm is-soċjetà tal-lum tagħraf li l-bniedem għandu valur, li l-bniedem huwa ċ-ċentru tal-kreat, u allura jistħoqqlu kull rispett fid-dinjità umana tiegħu.

Il-Misteru ta’ l-Għid ta’ Kristu

L-istess ġrajja ta’ l-Assunzjoni ta’ Marija hija rifless tal-Misteru ta’ l-Għid ta’ Kristu. Infatti nsejħu l-Għid ta’ l-Assunta bħala l-Għid ta’ żmien is-sajf, biex aħna nżommu ħajja din il-verità hekk ċentrali: l-Għid ta’ Kristu. Għax ħbieb tiegħi, kieku Kristu ma qamx kieku l-fidi tagħna hija vojta. U x’jgħidilna l-messaġġ ta’ Kristu rxuxtat u li telgħa s-sema? Jgħidilna illi bir-reżurrezzjoni, bil-qawmien ta’ Kristu saret ġustizzja ma’ dak li kien imsallab.

It-teologu Jürgen Moltmann, meta jirrifletti dwar il-qawmien ta’ Kristu, jgħid li f’din il-ġrajja Alla l-Imbierek ta messaġġ qawwi. Għandna lil bniedem imsallab, il-vittma li qed tbati, iġġorr fuqha l-inġustizzji kollha ta’ l-umanità, u Alla l-Imbierek jigglorifikah billi jqajmu mill-mewt u jdaħħlu fil-glorja tas-sema.

Allura r-reżurrezZjoni hija espressjoni tal-ġustizzja ta’ Alla mal-bnedmin; u liema hija l-iktar forma gravi ta’ l-inġustizzja mal-bnedmin? Huwa l-faqar ta’ żminijietna, il-faqar li nistgħu mmissuh b’idejna. Il-Verġni mbierka tgħinna ħalli aħna nikkontemplaw dan l-aspett ta’ rebħa illi għamel Kristu, il-fqir fost il-foqra. Il-Verġni mbierka tmur tkanta l-innu tar-rebħa, tkanta l-innu tal-Magnificat, li tkantah mhux biss hi personalment imma tkantah f’isem il-bnedmin kollha, u tgħid: “is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar, xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu, mela bil-gid lil kull min hu bil-ġuħ u ’l-għonja bagħathom ’il barra b’xejn.”

Il-Magnificat: l-għanja tar-rebħa

Mela anke l-għanja tal-Magnificat hija għanja li tkompli ddawwal il-misteru li qegħdin niċċelebraw illum, għaliex Marija li hija waħda mill-anawim, il-fqar ta’ Jaħweh. Marija illi hija il-qaddejja tal-Mulej, Marija li anke ekonomikament kienet fqira, ġiet igglorifikata u mtellgħa s-sema bir-ruħ u bil-ġisem, u kif Alla għamel ma’ Kristu – illi għamel ġustizzja ma’ dak illi bata l-inġustizzja, – hekk ukoll għamel ma’ Marija.

Imma Marija hija wkoll il-vuċi tal-Knisja. Marija, meta tkanta l-Magnificat, hija l-vuċi tagħna lkoll u tantiċipa dik l-għanja li rridu nkantaw aħna, għax aħna bnedmin li rridu ngħixu bit-tama, proprju bit-tama li dak li għaddiet minnu l-Verġni Marija sejrin ngħaddu minnu aħna wkoll: illi kif il-Verġni Marija hija dik il-persuna li tpoġġi fil-konkret il-qawmien ta’ Kristu, il-komunità nisranija trid tagħti din ix-xhieda li aħna komunita li niċċelebraw lill-Verġni Marija fl-Assunzjoni, għax nemmnu – u hekk hu – illi Kristu, l-Iben ta’ Alla, qam mill-mewt, tela’ s-sema, u hemmhekk tkantat il-vittorja fuq id-dnub; hemmhekk saret ir-rebħa defInittiva fuq id-dragun li jitkellem minnu l-Apokalissi; hemmhekk saret ġustizzja mal-fqar ta’ Alla.

Għalhekk qed ngħid illi l-festa ta’ Santa Marija hija festa impenjattiva ħafna, għalija, għalikom, għall-Knisja, u proposta ta’ impenn favur is-soċjetà, għaliex f’dan il-jum aħna rridu nagħmlu eku ta’ l-għanja ta’ Marija, ta’ l-Assunta u ngħidu: is-Setgħani għamel magħna ħwejjeġ kbar, xeħet għajnejh fuq il-foqra tiegħu, mela bil-ġid lil dawk li huma bil-ġuħ u l-għonja bagħathom ’il barra b’xejn. Dan ifisser l-impenn tagħna ħalli nagħmlu mill-Knisja komunità li tagħmel esperjenza tar-reżurrezzjoni, esperjenza tar-rebħa fuq il-faqar, li huwa l-aktar forma gravi ta’ inġustizzja illi hawn illum. U liema faqar nixtieq inpoġġi għall-attenzjoni tagħkom? Il- faqar materjali.

L-inġustizzja tal-faqar

Ħafna drabi s-soċjetà affluenti tagħna, is-soċjetà li qegħda tegħreq fil-konsumiżmu, tagħti impressjoni żbaljata tar-realtà. Aħna mingħalina li ħutna kollha ħalqhom fix-xgħir, imma r-realtà mhix dik. Ir-realtà tgħidilna li għandna minn ħutna li huma foqra materjalment, li għandhom bżonn l-għajnuna, l-attenzjoni. Is-soċjetà tgħidilna illi kulħadd għaddej fuq ir-rubini, imma mhux din ir-realtà. Ir-realtà tixhdilna illi hawn individwi, hawn familji illi qegħdin ibatu, u qegħdin ibatu min-nuqqas tal-meħtieġ, u mhux biss faqar materjali imma wkoll faqar soċjali. Hawn faqar kulturali. X’inhi l-attitudni tagħna quddiem dan kollu?

Irridu aħna, bħala komunità illi tiċċelebra, li temmen fl-Għid ta’ Kristu u fl-Għid ta’ l-Assunta, naħdmu biex ikollna sistema politika illi tassew tiggarantixxi illi jkun hemm taqsim ġust tal-ġid komuni? Irridu aħna naħdmu biex ikollna iktar sens ta’ ġustizzja soċjali, fejn min għandu jgħin lil min ma għandux? Irridu aħna naħdmu biex ikollna soċjetà illi temmen effettivament fil-karità? Meta aħna nagħmlu karità ma aħniex inħarsu ’l isfel fuq dawk li aħna ngħinu, imma qegħdin neżegwixxu wieħed mid-dmirijiet tagħna, illi naqsmu l-ħobż tagħna ma’ min ma għandux.

Irrid ukoll napprezza lil dawk kollha fis-setturi kollha tas-soċjetà illi huma impenjati biex proprju noħolqu soċjetà fejn il-faqar jiġi eliminat. Għandna diversi individwi, għaqdiet, korpi illi jaħdmu biex proprju ħutna l-bnedmin jegħlbu din il-kundizzjoni tal-faqar tagħhom. Irrid infaħħar lill-komunitajiet insara illi jemmnu bis-sħiħ f’din il-verità, f’dan id-dmir, u matul is-sena diversi drabi juru il-ġenerożità tagħhom mal-fqir.

Ħafna drabi meta niċċelebraw dawn il-festi solenni ikun hemm min jgħidilna: mhux skandlu illi tapplikaw dawn il-flejjes biex tagħmlu l-festi, imbagħad ma tagħtux każ ta’ min hu bil-ġuħ? Jien, min jgħid hekk, ngħidlu li ma jafx x’qed isir fil-komunitajiet insara tagħna. Għaliex kieku jkollna nagħmlu kont tal-għotjiet kollha li aħna matul is-sena noffru lill-foqra, nibqgħu meraviljati. Allura napprezza u nħeġġeġ lil dawk kollha li b’mod jew ieħor huma msieħba soċjali biex il-faqar jiġi żradikat darba għal dejjem.

F’dan il-mument jien qed nilmaħ saċerdot li qiegħed fil-missjoni, reliġjużi li qegħdin fil-missjoni. Dawn membri li ħarġu mill-poplu t’Alla f’Għawdex! Dawn huma individwi li emmnu bis-sħiħ fil-bxara t-tajba ta’ Kristu li qam mill-mewt, tal-ġustizzja li għamel Alla ma’ Kristu; jemmnu bis-sħiħ fil-misteru ta’ l-Assunzjoni, u b’ħajjithom qegħdin jingħataw ħalli jtaffu wkoll il-faqar materjali ta’ ħutna ’l bogħod minn pajjiżna: u dan jagħmluh bis-sapport morali, l-ewwel u qabel kollox, u anke sapport ieħor li aħna noffrulhom: u ta’ dan ngħidilkom grazzi.

Faqar fir-relazzjonijiet interpersonali

Hemm faqar ieħor illi hemm bżonn naħdmu biex neqirdu biex inkunu tassew bħal Marija, persuni li ngħixu l-misteru tal-qawmien, li nkunu komunità paskwali, li xxandar u tgħix il-misteru tar-reżurrezzjoni favur il-bniedem sħiħ. Tiġi f’qalbi l-kriżi ta’ relazzjonijiet li hemm bejnietna. Anke f’dawk li huma relazzjonijiet interpersonali għandna faqar kbir.
U kif qalbi tħoss, jien persważ li tħoss anke qalbkom. Dan nista’ nixhdu anke mill-esperjenza tiegħi – anke jekk qasira – bħala isqof tagħkom, għaliex mhux wieħed jew tnejn li javviċinawni u jiftħu qalbhom miegħi jgħiduli li l-ikbar pjaga li għandhom hija proprju l-faqar tar-relazzjonijiet: jew ta’ bejniethom jew ta’ wliedhom, jew inkella anke ta’ komunità ma’ komunità, ta’ grupp ma’ ieħor.

Għeżież tiegħi, anke dan huwa faqar li qiegħed joqtolna bil-mod il-mod, u jekk aħna ma nimpenjawx irwieħna biex negħlbu din il-forma ta’ faqar, allura r-relazzjonijiet ta’ bejnietna, ir-relazzjonijiet tiegħi u tiegħek, ir-relazzjonijiet ta’ bejn il-ħaddiema, ir-relazzjonijiet ta’ bejn il-miżżewġin, ir-relazzjonijiet ta’ bejn l-għarajjes, ir-relazzjonijiet ta’ bejn grupp u ieħor fid-diversi livelli tal-ħajja tagħna, jekk aħna ma naħdmux aħna qegħdin inħaffru l-qabar tagħna stess. Filwaqt li l-qabar ta’ Marija huwa qabar vojt, għax Marija ġiet imtellgħa s-sema bil-qawwa ta’ Kristu, bil-qawwa ta’ Alla, aħna nibqgħu fil-qabar li qegħdin inħaffru aħna stess.

Is-sitwazzjoni tal-familja

Ħarsu ftit lejn is-sitwazzjoni tal-familja ta’ żmienna. Il-familja hija dak l-ambjent fejn jitwieldu, fejn jimmaturaw ir-relazzjonijiet ta’ bejnietna. Dwar dan għedna wkoll kelma jiena flimkien ma’ l-Arċisqof Mons. Mercieca fil-pastorali li tajnikom għal din is-solennità. GħIdna li fil-familja jinbtu dawk ir-relazzjonijiet illi minnhom infushom jitolbu dik il-fedeltà. Aqrawha, u tagħmlux bħal ma għamlu xi wħud li l-pastorali qabduha minn isfel u allura tawha interpretazzjoni li fil-fehma tiegħi hi żbaljata. Kull sentenza ħsibna fuqha, tlabna fuqha, ipproponejnihielkom. Jekk ir-relazzjonijiet ta’ bejnietna ma jitjibux – u jrid jkun hemm salto di qualità, – allura ħa nibqgħu nbatu bħala familji, ħa nibqgħu nbatu bħala familja, ħa nibqgħu inbatu bħala nazzjon.

Ħarsu ftit lejn min falla fir-relazzjoni. Jien jiġuni quddiem għajnejha dawk li huma vittmi tad-droga, dawk li huma vittmi ta’ l-alkoliżmu. Intom jidhrilkom li xi ħadd jirrikorri għax-xorb żejjed hekk b’kapriċċ? jirrikorri għad-droga b’kapriċċ? Hemm min jinqabad imma hemm ukoll min jirrikorri għal dawn il-mezzi bħala sostitut għal relazzjonijiet falluti għax huwa fqir fir-relazzjonijiet interpeRsonali. Irridu dawn il-pjagi jkomplu jikbru jew inkella, nerġa’ ngħid, irridu nkunu bħal Marija, poplu li jgħix ir-reżurrezzjoni u nantiċipaw mil-lum ir-rebħa li għamel Kristu fuq l-inġustizzji, fuq il-faqar?

Organizzazzjonijiet li jaħdmu għall-ġid tal-persuna

U hawnhekk irrid ngħid kelma ta’ apprezzament lejn dawk l-istituzzjonijiet illi jaħdmu biex isaħħu r-relazzjonijiet ta’ bejnietna. Ħafna drabi l-ħażin jagħmel ħoss kbir, però hawn ħafna tajjeb ukoll, u anke din il-ħaġa jien nista’ nikkonstataha personalment mill-esperjenza li għandi. Hawn nies li huma ssagrifikati biex itejbu r-relazzjonijiet ta’ l-oħrajn, u lil dawn jien nirringrazzjahom; mhux dejjem jirnexxu, imma l-motivazzjoni hija tajba.
Irrid insellem lill-Moviment ta’ Kana, moviment illi ħadem u għadu jaħdem favur il-familja. Irrid insellem lill-Oasi, istituzzjoni ġewwa gżiritna li wkoll tagħmel xogħol moħbi imma fejjiedi ma’ dawk li huma vittmi tad-drogi, ma’ dawk li huma vittmi ta’ l-alkoliżmu. Insellem lil dawk id-djar illi jilqgħu fihom, joffru kenn jew lit-tfal li ġejjin minn familji mfarrka jew anke persuni li huma vittma tal-vjolenza domestika.

Id-Djoċesi tagħna hija mżejna b’ħafna doni, kwalitajiet sbieħ ispirati minn dan li qegħdin niċċelebraw illum. Jiena ngħid dan biex ninkoraġġikom, imma fl-istess ħin inħeġġiġkom biex inxammru u lkoll naħdmu għalenija.

Faqar spiritwali

Faqar ieħor li nixtieq nikkontemplaw illum u nħalli lill-Assunta tilluminana kif nistgħu neliminawh huwa l-faqar spiritwali jew il-faqar reliġjuż. Ikollna ngħidu li għalkemm l-estern ikanta dak li hu reliġjuż, għalkemm iċ-ċelebrazzjonijiet reliġjużi tagħna ma humiex nieqsa, imma jkolli nistqarr magħkom: bħala ragħaj spiritwali tagħkom inħoss li hawn faqar spiritwali.

Meta ngħid faqar spiritwali qed nifhem illi aħna sajmin mill-Kelma ta’ Alla. Jekk ngħid faqar spiritwali qed ngħid li aħna ħafna drabi ma napPrezzawx il-grazzja ta’ Alla li taslilna mis-Sagramenti mqaddsa. Għaliex il-qrar għandu jkun ċelebrazzjoni annwali? Għaliex l-Ewkaristija tal-Ħadd m’għandhiex tkun iktar għal qalbna u l-komunitajiet jinġabru proprju nhar ta’ Ħadd meta niċċelebraw l-Għid tal-Mulej, rifless fl-Għid ta’ l-Assunta? Għaliex baqgħalna ċertu forom ta’ espressjoni reliġjuża illi xejn ma jagħmlu ġieħ la lil min jagħmilhom u lanqas lill-Knisja kollha kemm hi? Jiena nħeġġiġkom, għaliex fejn hemm il-faqar spiritwali hemm faqar morali; u li aħna moralment qegħdin niftaqru ma hemmx għalfejn ngħidulkom jien.

Araw ċerti deċiżjonijiet li qegħdin nieħdu jew qed jiġu proposti biex jittieħdu, u araw humiex deċiżjonijiet imdawwla minn prinċipji ta’ etika, ta’ morali! U aħna nemmnu li l-prinċipji ta’ morali li aħna għandna nsegwu huma dawk ispirati mill-Kelma ta’ Alla, dawk li tgħallimna Ommna l-Knisja: għalhekk aħna poplu kattoliku!

Jiena wkoll f’din il-ħaġa napprezza ħafna l-ħidmiet li jsiru fil-komunitajiet ta’ l-insara tagħna, b’mod partikulari fil-komunitajiet parrokkjali. Jiena naf li hemm saċerdoti, hemm kappillani, hemm reliġjużi, hemm lajċi illi jemmnu bis-sħiħ li jridu jkattru l-ġid spiritwali, li jridu jgħinu biex ikollna poplu li hu għani spiritwalment. Hemm inizjattivi biex proprju l-poplu tagħna jkun miġbur madwar il-Kelma ta’ Alla. Il-bieraħ, ngħidha magħkom, ħadt gost immens meta fil-għaxija, wara li spiċċat il-liturġija, kien hawn grupp sabiħ immexxi wkoll mill-Arċipriet f’dik il-Velja ta’ talb f’dan il-lejl qaddis ta’ l-Assunta. Għaliex m’għandux ikun hemm iktar? Għaliex dawn l-affarijiet m’għandniex inħossuhom? Mhux għaliex foqra spiritwalment?

Jiena napprezza l-impenji ta’ dawk illi konvinti u jaħdmu biex inaqqu mill-ħajja ekkleżjali tagħna dawk is-sinjali li huma skandalużi; per eżempju, il-parrokkjaliżmu. Din hija kelma li rrid nispera u nittama li ma tidwi qatt fostna. U jiena kuntent illi hawn ħafna anke lajċi illi jaqblu miegħi illi din hija forma ta’ faqar, u li huma impenjati biex din il-pjaga tigi mqaċċta darba għal dejjem.

Għeżież tiegħi, dan huwa kollu faqar, u jekk aħna nemmnu fil-ġrajja tal-qawmien ta’ Kristu, jekk aħna qegħdin niċċelebraw il-qawmien u t-tlugħ fis-sema ta’ Santa Marija, ifisser illi aħna rridu nieħdu impenn quddiem Alla, quddiem il-Knisja u quddiem is-soċjetà, impenn biex dak li seħħ meta Alla l-Imbierek għamel ġustizzja ma’ l-Imsallab li huwa vittma ta’ l-inġustizzji, aħna wkoll nagħmlu ħilitna biex bil-mod il-mod inkomplu nneħħu kull forma ta’ faqar illi hawn madwarna, u nkunu tassew komunità li tixbaħ lil Marija, Marija Assunta li qegħda tkanta l-innu tar-rebħa li għamlet fuq il-mewt, Marija l-mara sħiħa li giet imtellgħa s-sema bir-ruħ u l-ġisem.

Komunità li xxandar u tgħix dak li tiċċelebra

Ħalluni ntemm din il-meditazzjoni billi nagħmel tislima partikukari lil din il-komunità parrrokjali illi din is-sena qegħda tiċċelebra l-ħamsin sena minn meta s-Soċjetà Filarmonika Leone rregalat din l-istatwa sabiħa illi tisraq l-għajnejn u l-qlub tagħna lkoll. Għaddew ħamsin sena u llum qed terġa’ tiġi mġedda din il-ġrajja, ġrajja li fil-fehma tiegħi għandha tiġi tradotta f’impenn ta’ djakonija, ta’ qadi, ta’ servizz.

Jiena nawgura illi dawn il-festi li qegħdin nikkonkludu llum jispirawkom ħalli proprju fid-dawl ta’ din il-meditazzjoni li qsamt magħkom tkomplu taħdmu, tkomplu tistinkaw biex, iva, il-komunità parrokkjali tal-Katidral jirnexxilha tagħraf tgħix id-devozzjoni tagħha lejn Santa Marija mhux biss billi tagħmlilha festi kbar kif jixirqilha, imma wkoll billi ngħixu fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, fil-ħajja ordinarja tagħna bħala bnedmin illi qegħdin ngħixu fid-dawl ta’ l-eskatologija, fid-dawl ta’ dak li aħna nemmnu li għad iseħħ, jiġifieri li aħna wkoll għad nissieħbu ma’ Marija. Ma rridu nagħmlu xejn li b’xi mod itappan din ir-relazzjoni tagħna ma’ Marija.

Imma mhux biss ngħixu bit-tama għall-futur, imma din it-tama trid tiġi konkretizzata, attwalizzata fil-ġurnata tal-lum billi kull fejn aħna preżenti, kull fejn nistgħu ngħidu kelma aħna ngħiduha ħalli nirrendu l-komunità tagħna bħala komunità illi tħabbar il-ġrajja tal-qawmien, komunità illi tista’ tkanta ma’ Marija l-Magnificat u tgħid: “is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar”.

Hekk ikun.