IS-SAĊERDOT HU DON TA’ ALLA
Funeral ta’ Dun Louis Bezzina, Bażilika San Ġorġ, Rabat – 12 ta’ Awissu 2006
Meta narakom miġburin f’din iċ-ċirkustanza madwar il-fdalijiet ta’ ħuna Dun Louis, madwari bħala isqof tagħkom, madwar il-presbiterju, li jirrappreżenta l-presbiterju tad-djoċesi, qalbi tistrieħ u rrodd ħajr lil Alla, għax il-preżenza tagħkom tgħidli ħafna affarijiet.
X’ġejtu tagħmlu hawn illejla? Ġejtu ssellmu lil raġel illi għamel ħafna ġid, kif elenka tajjeb ħija fis-saċerdozju, l-arċipriet? Ġejtu ssellmu għalliem? Ġejtu ssellmu wieħed li ħadem ħafna maż-żgħażagħ? Filantropu? Jew inkella ġejtu hawn biex issellmu lil dak li rċieva don nieżel mis-sema?
Kristu qal: “Jiena hu l-Ħobż li niżel mis-sema”. U għal Dun Louis, u għal kull saċerdot tiegħi, jiena nixtieq intenni: “Dawn huma rġiel niżlin mis-sema”. Ifhmuni: m’iniex ngħid li m’għandniex id-dgħjufija tagħna, m’għandniex il-limiti tagħna, m’aħniex aħna wkoll fi proċess ta’ konverżjoni għax aħna midinbin. Imma aħna wkoll saċerdoti ta’ Kristu. Lilna l-Mulej ħabbna u fdalna, mingħajr ma jistħoqqilna, id-don tas-saċerdozju: meħudin minn fostkom biex inkunu tagħkom, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ Alla.
Forsi mhux dejjem faċli nniżżluha din il-verità dwar is-saċerdot kattoliku; ma nistagħġibx. Forsi anki tort tiegħi, illi mhux dejjem nagħti din it-testimonjanza biex nikkonvinċikom li jiena don ta’ Alla għalikom. Qed nitkellem bħala saċerdot: jiġifieri dak li ngħid għalija qed ngħidu għal kull wieħed minna s-saċerdoti. Imma jista’ jkun ukoll għal raġunijiet oħrajn.
Għaliex, meta Ġesù qal: “Jiena nżilt mis-sema”, il-Lhud infixlu u qalu: “Dan m’hux bin Ġużeppi u Marija? Dan ma nafux minn fejn hu ġej? Ma nafux ir-razza tiegħu?” U forsi anki llejla nistgħu ngħidu: “Ma nafux illi Wiġi, Dun Louis, huwa iben Wiġi u Marinton?” Għaliex ninfixlu? Jiena niġbed tliet konklużjonijiet qosra mill-Evanġelju tal-lum.
Il-Lhud lil Kristu ma għarfuhx, ma apprezzawhx għaliex ma ħallewx il-qawwa ta’ Alla taħdem fihom; irreżistew il-qawwa ta’ Alla: “Ħadd ma jista’ jiġi għandi jekk ma jkunx il-Missier li jiġbdu lejja”. Kristu jkompli jgħid: “Ħadd ma jista’ jiġi għandi jekk ma jħallix lill-Missier ikun l-Imgħallem tiegħu”. U jgħid ukoll: “Ħadd ma ra lil Alla ħlief min ġej mingħand Alla”. Kieku l-Lhud ħallew il-qawwa ta’ Alla l-Missier taħdem fihom, kieku ħallew lill-Missier ikellimhom, kieku ħallew lill-Missier jimmanifesta ruħu fosthom, kieku San Ġwann fil-Prologu ma kienx jgħid: “Ġie f’daru u niesu ma laqgħuhx”!; kieku ma kienx ikollhom dik ir-reazzjoni: “U dan m’hux iben Marija u Ġużeppi l-mastrudaxxa?”.
Allura, biex aħna llejla nsellmu, kif hu d-dover tagħna, lil dan is-saċerdot, iben din il-parroċċa, – li, nerġa’ ngħid, m’hemmx għalfejn noqgħod nitkellem fuq ħajtu, għaliex tana idea żgħira, imma kompleta, l-arċipriet, – jien nixtieq niġbed dawn it-tliet konklużjonijiet, għalikom u għalina s-saċerdoti, ħbieb tiegħi.
Il-poplu ta’ Alla jagħraf jilqa’ u japprezza lis-saċerdot jekk iħalli lill-Missier jaħdem fih, jekk iħalli l-qawwa tal-grazzja. Jew dan diskors tqil, jekk ngħidilkom li hemm bżonn illi nħallu l-grazzja ta’ Alla timliena, toħloqna, tqaddisna? Veru illi anki s-saċerdot, bil-ministeru tiegħu, l-uniku għan tiegħu hu proprju illi jqaddes, jissantifika, jagħtina l-grazzja ta’ Kristu; imma huwa veru wkoll – u dan aħna s-saċerdoti rridu nkunu konxji tiegħu, – illi kollox jiddependi mill-Missier. Kif Kristu fl-aħħar ċena jrodd ħajr lill-Missier għal dawk li huwa tah – “dawk li inti tajtni nitlob għalihom”, – hekk ukoll aħna s-saċerdoti, għeżież ħuti fil-ministeru, għandna nduru lejn Alla l-Missier u ngħidulu: “Grazzi ta’ dawn l-erwieħ li inti fdajtilna”.
U nintelqu f’idejh: “F’idejk nerħi ruħi”. Jien nista’ ngħidilkom li matul dawn is-sitt xhur tal-marda tiegħu, Dun Louis kellu din id-dispożizzjoni, din l-attitudni: “Nerħi ruħi f’idejk. Nagħti ħajti fuq is-sodda tal-mard tiegħi għall-Knisja”. Lili kien jgħidli: “Qed nieħu gost li jiena membru tal-Knisja f’Għawdex”. U saċerdot ieħor qalli li darba Louis qallu: “Il-miraklu sar. Mhux għax jiena ħa nfiq, imma qed ninfatam mid-dinja biex inkun tal-Missier”. Din hi l-offerta li s-saċerdot jagħmel, mhux biss fuq il-mejda tas-sagrifiċċju, imma tiegħu nnifsu għall-poplu ta’ Alla. Jekk irridu nkunu effikaċi fl-appostolat tagħna, intom u aħna rridu nħallu l-Missier jidher iktar fina.
“Ħadd ma jista’ jiġi għandi jekk ma jkunx il-Missier illi jgħallmu”. U ta’ din il-ħaġa, filwaqt li aħna s-saċerdoti nagħmlu eżami ta’ kuxjenza, u naraw jekk meta jinfetaħ fommna aħniex inkunu dawk li jittrażmettu l-Kelma ta’ Alla – il-Kelma li toħloq, il-Kelma li tqaddes – , nistieden anki lilkom, ħuti fi Kristu, ħalli teżaminaw ftit lilkom infuskom, u taraw jekk intomx tistennew dan minn għandna: li nwasslulkom il-Kelma ta’ Alla, li aħna nkunu l-mezz biex Alla jsawwar il-kuxjenza tagħkom. U fejn aħna m’aħniex ngħinukom biex tisimgħu l-Kelma ta’ Alla, biex ma ngħidx infixklukom – għidtilkom li aħna bnedmin!, – għinuna, għidulna. Imma din għandha tkun il-prerogattiva tas-saċerdot: illi jikkopera ma’ Alla, jikkopera mal-Kelma, Kristu li sar bniedem, il-Verb li għammar fostna. U din il-Kelma nagħmlu eku tagħha fid-dinja tal-lum. Kieku l-kelma ta’ Alla nħalluha tidħol fil-qlub tagħna, fil-familji tagħna, fil-komunitajiet tagħna, fis-soċjetà tagħna, kieku ma niżbaljawx, kieku l-ħajja tagħna hija ferm differenti.
U hawnhekk indur anki fuqna s-saċerdoti, biex f’din l-okkażjoni tal-lejla nistgħu nagħmlu eżami ta’ kuxjenza ieħor, u naraw jekk aħniex xandâra fidili tal-messaġġ ta’ Alla. Għax jekk dawn ħutna b’xi mod jew ieħor jiġu ddeformati fil-formazzjoni tagħhom, bħal ħuna Dun Louis għad jasal il-mument li nidhru quddiem Alla, u rridu nagħtu kont! Irridu nagħtu kont!
“Ħadd ma ra lil Alla ħlief dak li ġej minn Alla”. U biex aħna nistgħu nqanqlukom, biex aħna nistgħu, bħala saċerdoti, inħeġġukom fil-ħajja nisranija, hemm bżonn illi aħna nixxenqu biex naraw lil Alla; hemm bżonn illi niffissaw il-ħarsa tagħna fuq il-ġmiel ta’ Alla, il-ġmiel ta’ Alla li deher fi Kristu. U tafu fejn deher l-iktar sabiħ! Fuq is-Salib!… fejn għall-għajnejn tal-bnedmin kien l-ikreh, ta’ min jistmellu. Imma bl-offerta tiegħu deher “l-isbaħ fost ulied il-bnedmin”.
U anki dwar din il-ħaġa jiena nista’ ngħidilkom illi għandi fiduċja kbira li fuq is-sodda tat-tbatija tiegħu Dun Louis għaraf jara l-ġmiel ta’ Alla. U min kellu x-xorti jmur ħdejh seta’ jagħmel esperjenza ta’ dan, seta’ jinduna li dan is-saċerdot, għad li ma jqaddisx minħabba l-mard tiegħu, forsi lanqas jitlob bit-talb liturġiku, imma ħajtu kienet att ta’ adorazzjoni quddiem il-misteru ta’ Alla. Hu stess kien jirrifletti dan il-ġmiel ta’ Alla. U jiena nitlob lil Alla l-Imbierek ħalli lilna s-saċerdoti jagħtina din il-grazzja, li m’hix grazzja ħafifa. U lanqas m’hi grazzja limitata għalina, imma anki għalikom: illi proprju nixxenqu, nistinkaw biex naraw lil Alla. U jekk aħna jkollna din l-esperjenza, jekk aħna nkunu ġejjin minn Alla, allura l-Knisja ta’ Alla f’Għawdex tkun għamlet akkwist kbir, anki meta aħna niġu neqsin, bħalma ġie nieqes ħuna Louis, – li aħna għandna fiduċja kbira illi, filwaqt li l-ħniena ta’ Alla taħfirlu n-nuqqasijiet tiegħu, huwa jidħol igawdi l-ġmiel ta’ Alla fl-eternità.
“Jiena Ħobż nieżel mis-sema”. Jalla kull wieħed minna, kull min huwa mgħammed, imma iktar u iktar aħna s-saċerdoti, ikollna preparazzjoni, tħejjija u kuraġġ biżżejjed biex nistgħu ngħidu lid-dinja tal-lum: “Aħna ħobż nieżel mis-sema”. U anki jekk ikun hemm it-tgergir madwarna, kif kien hemm it-tgergir madwar Ġesù, imma jkun hemm mument fejn, jekk il-poplu ta’ Alla jħalli l-grazzja tal-Mulej taħdem fuqu, iħalli l-kelma ta’ Alla ddawlu, iħalli x-xhieda tagħna ta’ bnedmin li rajna lil Alla tinfluwenzah, ilkoll flimkien nistgħu nagħtu glorja lil Alla għall-eternità.
Ikun imfaħħar Ġesù Kristu.