Futur liż-żgħażagħ (Marsalforn, 25 ta’ Lulju 2006)

FUTUR LIŻ-ŻGĦAŻAGĦ

Manifestazzjoni Marjana favur ambjent moralment nadif, Marsalforn – 25 ta’ Lulju 2006

Il-Vanġelu tal-lum jirrakkontalna l-esperjenza ta’ omm li għandha żewġ ulied: omm Ġakbu u Ġwanni, mart Żebedew, li bħal ħafna ommijiet ħasbet għall-futur ta’ wliedha. Min minnkom ġenituri, li huwa responsabbli mill-vokazzjoni tiegħu, ma jaħsibx fil-futur ta’ wliedu? Xi Knisja tkun il-Knisja tagħna jekk ma tħossiex imħassba dwar il-futur tal-ġenerazzjoni żagħżugħa? Imma x’futur qegħdin naħsbulhom?

Omm Ġwanni u Ġakbu xtaqitilhom dak li fil-fehma tagħha kien l-aħjar ġid, tant li lil Ġesù qaltlu: “Ħaġa waħda nitolbok: li tpoġġihom wieħed fuq il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug fis-saltna tiegħek”. Ġesù pprova jgħinha tifhem li kienet għadha ma fehmitx x’inhi s-saltna tiegħu! Min jaf x’ħasbet li hija s-saltna ta’ Kristu? Xtaqet li jipparteċipaw mill-poter ‘politiku’ ta’ Kristu! Jistax ikun li l-ġenituri tagħna meta jitkellmu dwar il-futur ta’ wliedhom ikollhom xewqat ġenwini imma mhux dejjem indirizzati tajjeb?

X’futur irridu għal uliedna?

Forsi rridu futur fejn hemm liberaliżmu sfrenat, jiġifieri fejn kollox huwa tollerat? Forsi rridu futur fejn kemm jista’ jkun nippruvaw innaqqsu dawk li jistgħu jidhru bħala restrizzjonijiet jew liġijiet li jxekklu l-libertà? Meta nitkellem minn liġijiet qiegħed nitkellem kemm mil-liġi ta’ Alla kif ukoll mil-liġi tal-bnedmin.

Nimmiraw għal futur fejn ikun hemm spirtu kompetittiv eżaġerat, fejn hemm ġirja biex wieħed jilħaq biex ikun jista’ jaħkem fuq ħaddieħor? Qiegħed nitkellem minn poter fis-sens wiesgħa tal-kelma. Per eżempju, il-kilba għall-flus. Il-flus jistgħu jkunu barka imma daqstant ieħor jistgħu jkunu mażra li tjassar lill-bniedem.

Forsi liż-żgħażagħ tagħna qegħdin noffrulhom viżjoni falza tal-ħajja, li mbagħad jagħrfu li hija gibda meta dawn jigu wiċċ imb’wiċċ mar-realtà imma jkun tard wisq? F’dawn il-ġranet xi ġenituri osservawli li llum qegħdin nipproġettaw idea ta’ żwieġ u ta’ familja li hija gidba. Il-konsegwenza hija li mbagħad iz-żgħażagħ tagħna jidħlu għal dan l-istat u jindunaw li mhux kull ma jleqq hu deheb, li mhux kollox huwa ward u żahar, kif illum id-dinja tipprova tbiegħlhom il-prodott!

Mistoqsija serja

X’futur qegħdin nippreżentaw lill-ġenerazzjoni żagħżugħa tagħna? Din id-domanda nagħmilha lili personalment, lill-familji, lis-soċjetà, lil pajjiżna, kif ukoll lill-ġemgħa nisranija li hija l-Knisja miġbura hawn il-lejla.

Kristu għen lil omm Ġakbu u Ġwanni biex timmodifika l-viżjoni ta’ futur li hija kellha għal uliedha billi jirreferiha għall-pjan tal-Missier. Iż-żgħażagħ tagħna qed jitolbuna nirriferuhom għall-pjan ta’ Alla, u qegħdin jgħidulna: “agħtuna dak li huwa spiritwali!. Dan l-aħħar sar servej għaż-żgħażagħ f’Malta u Għawdex li juri li ż-żgħażagħ tagħna qegħin ifittxu lil Alla, għax qed jgħidulna li huma nieqsa minn dak li huwa spiritwali. Qegħdin aħna nippreżentawh lil Alla? Omm ulied Żebedew waslet biex lil uliedha laqqgħethom ma’ Kristu; imma mhux ma’ Kristu bħala l-Iben ta’ Alla! U għalhekk l-importanza li liż-żgħażagħ u l-adolexxenti tagħna aħna nlaqqgħuhom ma’ Kristu, l-Iben ta’ Alla li sar bniedem biex jifdina.

Kristu lil Ġwanni u Ġakbu jgħidilhom: “lesti intom tixorbu l-kalċi li ser nixrob jien?”. Dan huwa diskors simboliku li nistgħu nifhmuh fid-dawl ta’ dak li għadda minnu Ġesù fil-Ġetsemani. Hemmhekk Ġesù stqarr mal-Missier: “Jekk jista’ jkun warrab minni dan il-kalċi, imma ħa tkun magħmula r-rieda tiegħek u mhux tiegħi”. Mela l-futur li Kristu pproġetta għal dawn iż-żewġ żgħażagħ kien futur mibni fuq ir-rieda ta’ Alla. Jekk aħna, għeżież ġenituri, irridu niggarantixxu futur żgur għal uliedna, irridu nagħrfu s-sabiħ tar-rieda ta’ Alla li fissrilna Kristu u li l-Knisja tkompli tgħinna biex nifmuha.

Kristu jgħidilhom: “Fost il-pagani l-kapijiet qegħdin biex jikkmandaw u l-kbarat biex iħaddmu s-setgħa tagħhom; imma fostkom m’għandux ikun hekk; imma min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom; minn irid ikun l-ewwel fostkom, għandu jkun l-ilsir tagħkom” (Mt 20,25-27). Dan l-istil ta’ ħajja li jippreżenta Kristu jikkuntrasta mal-mentalità kompetittiva tad-dinja, fejn min huwa sħiħ jaħkem fuq min huwa dgħajjef, il-kbir fuq iż-żgħir, min għandu l-ħila fuq min m’għandux… Jien ngħidilkom li jekk liż-żgħażagħ tagħna nippreżentawlhom din l-isfida għall-verità, huma jaċċettawha u jiskopru l-awtenticità tal-ħajja għax meta huma jagħtu huma jirċievu.

Esperjenzi pożittivi

Għandna diversi esperjenzi ta’ żgħażagħ, anke fi gruppi ekkleżjali, li jikkonfermaw dan kollu. Għandna żgħażagħ li huma mimlijin b’Alla u qegħdin ifittxu li jagħmlu r-rieda tiegħu, anke jekk jiswielhom prezz; għandna żgħażagħ li huma ġenerużi immensament mal-proxxmu tagħhom; għandna żgħażagħ janimaw attivitajiet volontarji; u eżempji oħrajn. Ta’ dan inrodd ħajr lil Alla u lilkom, għeżież familji!

Il-Libertà u l-Verità

Minkejja li Kristu ppropona futur liż-żgħażagħ, huwa ħallihom fil-libertà: “Għandkom il-ħila li tixorbu l-kalċi li ser nixrob jien?” (Mt 20,22). Huma weġbuh fl-affermattiv. Din hija għażla li Ġakbu u Ġwanni jagħmluha bil-libertà. Il-kunċett tal-libertà huwa tant għal qalbna. Min minna ma’ jixtieqx ikun liberu? Min minna ma jħossx meta l-libertà tiegħu b’xi mod jew ieħor tiġi minsusa? Imma biex tkun liberu trid tkun taf il-verità. U din il-verità teħlisna, għax jekk ma tkunx taf x’inhi il-verità ma tkun ħieles xejn, imma tkun biss skjav.

Il-Knisja f’Għawdex, bħal omm dawn iż-żewġ żgħażagħ Ġakbu u Ġwanni, ukoll tixtieq futur sabiħ għal uliedha. Din is-sena, jekk Alla jrid, il-Knisja lokali tixtieq tipproponi l-verità lill-adolexxenti u ż-żgħażagħ tagħna bi programm pastorali mibni fuq il-katekeżi, jiġifieri fuq l-għarfien u ċ-ċelebrazzjoni tal-Kelma ta’ Alla.  Bħalissa qed niltaqa’ mal-kappillani individwalment biex flimkien naħsbu kif nistgħu ngħinu liż-żgħażagħ u l-adolexxenti tagħna billi nwasslulhom il-verità ta’ Kristu. Hekk biss jistgħu jkunu ħielsa u jkollhom futur.

Imma biex nagħmlu dan jien għandi bżonn l-għajnuna tagħkom; mhux biss il-kollabarazzjoni ta’ ħuti s-saċerdoti imma wkoll il-parteċipazzjoni tagħkom, għeżież ġenituri, għalliema u katekisti. Jien fiduċjuz li meta nagħmlulkom l-appell ser insibukom magħna, għax naf li din hija tema ħafna għal qalbkom u għal qalbna.

Marija sultana ta’ l-appostli

Verġni Marija, Omm il-Mulej Ġesù, sultana ta’ l-appostli, f’idejk aħna nafdaw il-ġenerazzjoni żagħżugħa tagħna. Lilek aħna nitolbu biex tgħinna nikbru f’dan is-sens matern, ħalli nkunu Knisja-Omm li tassew inħossu u naġixxu kif għamlet omm ulied Żebedew, ħalli noffru futur tajjeb lill-adolexxenti u ż-żgħażagħ tagħna. Amen.